LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 5/8 pp. 13-16
  • Il-Konflitt taʼ Galileo mal-Knisja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Konflitt taʼ Galileo mal-Knisja
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Konflitt maʼ Ruma
  • Jiffaċċja l-​Qorti taʼ l-​Inkwiżizzjoni
  • Konflitt Bejn ir-​Reliġjon u x-​Xjenza?
  • Galileo Reġaʼ Kiseb Reputazzjoni Tajba?
  • Galileo
    Stenbaħ!—2015
  • Ktieb li Huwa Rrappreżentat Ħażin
    Ktieb Għan-Nies Kollha
  • Ix-Xjenza u r-Reliġjon—Il-Bidu taʼ Konflitt
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ix-Xjenza u l-Bibbja—Veru li Jikkontradixxu lil Xulxin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 5/8 pp. 13-16

Il-​Konflitt taʼ Galileo mal-​Knisja

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​ITALJA

ID-​DATA hija t-​22 taʼ Ġunju, 1633. Raġel xwejjaħ u dgħajjef qiegħed għarkopptejh fil-​qorti taʼ l-​Inkwiżizzjoni Rumana. Huwa xjenzat, wieħed mill-​iktar magħrufin dakinhar. Il-​konvinzjonijiet xjentifiċi tiegħu huma bbażati fuq snin twal taʼ studju u riċerka. Madankollu, jekk irid isalva ħajtu, irid jiċħad dak li jaf li huwa minnu.

Kien jismu Galileo Galilei. Il-​każ taʼ Galileo, kif isibuh ħafna, qajjem dubji, mistoqsijiet, u kontroversji li għadhom jidwu sa llum, xi 370 sena wara. Il-​każ ħalla marka li ma titħassarx fl-​istorja tar-​reliġjon u x-​xjenza. Għala dan l-​għaġeb kollu? Għala l-​każ taʼ Galileo reġaʼ nqalaʼ fi żmienna? Veru li dan jissimbolizza “firda bejn ix-​xjenza u r-​reliġjon,” kif poġġieha wieħed kittieb?

Ħafna jikkunsidraw lil Galileo bħala li hu “l-​missier tax-​xjenza moderna.” Hu kien matematiku, astronomu, u mgħallem fil-​fiżika. Galileo, wieħed mill-​ewwel nies li studjaw is-​smewwiet permezz taʼ teleskopju, interpreta dak li ra biex jappoġġa idea li fi żmienu kienet għadha dibattitu jaħraq: L-​art iddur max-​xemx, u għalhekk il-​pjaneta tagħna m’hijiex iċ-​ċentru taʼ l-​univers. Mhux taʼ b’xejn li Galileo kultant huwa meqjus bħala l-​fundatur tal-​metodu taʼ l-​esperimenti li jintuża fi żmienna biex tiġi verifikata xi teorija jew jinstab x’inhuma r-​riżultati taʼ xi azzjoni partikulari!

X’inhuma xi wħud mill-​iskoperti u l-​invenzjonijiet taʼ Galileo? Bħala astronomu, fost affarijiet oħra hu skopra li Ġove għandha l-​qmura, li t-​Triq tal-​Ħalib hija magħmula minn kwiekeb, li l-​qamar għandu l-​muntanji, u li ż-​Żahrija (Venus) għandha fażijiet bħal tal-​qamar. Bħala mgħallem fil-​fiżika, hu studja l-​liġijiet li jikkontrollaw il-​movimenti tal-​pendlu u taʼ l-​affarijiet li jkunu qed jaqgħu. Hu vvinta strumenti bħall-​kumpass ġeometriku. Billi uża informazzjoni li ġab mill-​Olanda, hu għamel teleskopju li fetaħlu univers sħiħ quddiemu.

Madankollu, konfront imtawwal mal-​ġerarkija tal-​Knisja biddel il-​karriera taʼ dan ix-​xjenzat magħruf fi dramm reali​—il-​każ taʼ Galileo. Dan kif inbeda, u għala?

Konflitt maʼ Ruma

Sa mill-​aħħar tas-​seklu 16, Galileo ħaddan it-​teorija taʼ Koperniku, li tgħid li d-​dinja ddur madwar ix-​xemx u mhux bil-​kontra. Din tissejjaħ ukoll is-​sistema eljoċentrika (ix-xemx bħala ċ-​ċentru). Wara li fl-​1610 uża t-​teleskopju biex jiskopri affarijiet fis-​sema li qatt ma ġew osservati qabel, Galileo kkonvinċa ruħu li kien sab konferma għas-​sistema eljoċentrika.

Skond il-​Grande Dizionario Enciclopedico UTET, Galileo ried jagħmel iktar milli sempliċement jiskopri affarijiet bħal dawn. Hu ried li jikkonvinċi “lill-​iktar persunaġġi taʼ klassi għolja dakinhar (prinċpijiet u kardinali)” li t-​teorija taʼ Koperniku kienet minnha. Hu kien jittama li bl-​għajnuna taʼ ħbieb li kellhom il-​poter, setaʼ jirbaħ l-​argumenti tal-​knisja u saħansitra jikseb l-​appoġġ tagħha.

Fl-1611, Galileo vvjaġġa lejn Ruma, fejn iltaqaʼ maʼ nies tal-​kleru taʼ pożizzjoni għolja. Hu uża t-​teleskopju tiegħu biex jurihom l-​iskoperti astronomiċi tiegħu. Imma l-​affarijiet ma sarux kif ittama hu. Sa l-​1616, Galileo sab ruħu taħt spezzjoni uffiċjali.

It-teoloġi taʼ l-​Inkwiżizzjoni Rumana sejħu lit-​teżi eljoċentrika bħala “filosofija bla sens u assurda u ereżija uffiċjali, ladarba f’ħafna postijiet tikkontradixxi b’mod ċar is-​sentenzi fl-​Iskrittura Mqaddsa skond it-​tifsir letterali tagħhom, il-​fehma komuni, u l-​fehma tal-​papiet u tad-​dutturi tat-​teoloġija.”

Galileo ltaqaʼ mal-​kardinal Roberto Bellarmino li kien meqjus bħala l-​akbar teologu Kattoliku taʼ dak iż-​żmien u mlaqqam “il-​martell taʼ nies li jgħidu l-​ereżijiet.” Bellarmino formalment wissa lil Galileo biex jieqaf milli jkompli jmexxi ’l quddiem l-​opinjonijiet tiegħu dwar is-​sistema li fiha x-​xemx bħala ċ-​ċentru.

Jiffaċċja l-​Qorti taʼ l-​Inkwiżizzjoni

Galileo pprova jġib ruħu bil-​prudenza imma ma waqafx jappoġġa t-​teżi taʼ Koperniku. Sbatax-il sena wara, fl-​1633, Galileo deher quddiem il-​qorti taʼ l-​Inkwiżizzjoni. Il-​Kardinal Bellarmino kien miet, imma issa l-​opponent prinċipali taʼ Galileo kien il-​Papa Urbanu  VIII, li fil-​passat kien favurih. Il-​kittieba sejħu dan il-​ġuri bħala l-​iktar wieħed famuż u inġust taż-​żminijiet l-​imgħoddija, u li saħansitra qabbluh mal-​ġuri taʼ Sokrate u dak taʼ Ġesù.

X’kien li pprovoka l-​ġuri? Galileo kiteb ktieb li jismu Dialogo sopra i due massimi sistemi del mondo (Djalogu dwar iż-​Żewġ Sistemi Prinċipali tad-​Dinja). Fil-​fatt, dan kien favur l-​eljoċentriżmu. L-​awtur intalab jippreżenta ruħu quddiem il-​qorti fl-​1632, imma Galileo dam ma mar peress li kien marid u kellu kważi 70 sena. Hu għamel il-​vjaġġ lejn Ruma s-​sena taʼ wara meta ġie mhedded li jorbtuh bil-​ktajjen u jittieħed Ruma bilfors. Bl-​ordni tal-​papa, hu ġie interrogat u saħansitra mhedded li jittorturawh.

Jekk dan ir-​raġel xiħ u marid ġiex torturat jew le hija xi ħaġa li għadha għaddejja minn dibattitu. Kif imniżżel fis-​sentenza tiegħu taʼ kundanna, Galileo għadda minn “eżami strett.” Skond Italo Mereu, studjuż taʼ l-​istorja tal-​liġi Taljana, dik il-​frażi kienet l-​espressjoni teknika taʼ dak iż-​żmien biex tiddeskrivi t-​tortura. Għadd taʼ skulari jaqblu maʼ din l-​interpretazzjoni.

Ġara x’ġara, il-​fatt hu li Galileo ġie sentenzjat ġo sala b’atmosfera serja quddiem il-​membri taʼ l-​Inkwiżizzjoni fit-​22 taʼ Ġunju, 1633. Hu nstab ħati li “ħaddan u emmen duttrina falza, kuntrarju għall-​Iskrittura Mqaddsa u Divina, li x-​Xemx . . . ma timxix mil-​lvant għall-​punent u li l-​Art timxi u li m’hijiex iċ-​ċentru tad-​dinja.”

Galileo ma riedx jispiċċa martri, għalhekk kellu jirrinunzja bilfors. Wara li nqrat is-​sentenza tiegħu, ix-​xjenzat xwejjaħ, għarkopptejh u mlibbes taʼ wieħed li qed jagħmel penitenza, solennement qal: “Jien niċħad, nisħet, u nistmerr l-​iżbalji u l-​ereżijiet li ssemmew [it-teorija taʼ Koperniku] u b’mod ġenerali kull żball, ereżija, jew setta oħra kuntrarju għall-​Knisja Mqaddsa.”

Teżisti leġġenda popolari​—li mhix konfermata minn evidenza solida​—li wara li ċaħad dan kollu, Galileo sabbat saqajh u bi protesta qal: “U madankollu xorta tiċċaqlaq!” Xi kummentaturi jgħidu li l-​umiljazzjoni minħabba li rrinunzja l-​iskoperti tiegħu baqgħet tkidd lix-​xjenzat sa mewtu. Hu ġie kundannat għall-​ħabs, imma s-​sentenza tiegħu tbiddlet f’arrest għal għomru ġo daru stess. Hekk kif beda jagħma bil-​mod, hu għex maqtugħ kważi minn kulħadd.

Konflitt Bejn ir-​Reliġjon u x-​Xjenza?

Ħafna kkonkludew li l-​eżempju taʼ Galileo jagħti prova li x-​xjenza u r-​reliġjon totalment ma jaqblux flimkien. B’riżultat taʼ dan, matul is-​sekli, il-​każ taʼ Galileo biegħed lil ħafna nies mir-​reliġjon. Ikkonvinċa lil ħafna nies li r-​reliġjon minnha nfisha hija theddida għall-​progress xjentifiku. Huwa veru dan?

Il-​Papa Urbanu VIII u t-​teoloġi taʼ l-​Inkwiżizzjoni Rumana fil-​fatt hekk għamlu, ikkundannaw it-​teorija taʼ Koperniku, għax qalu li kienet tmur kontra l-​Bibbja. L-​avversarji taʼ Galileo rreferew għall-​istqarrija taʼ Ġożwè, “Ieqaf, ja xemx,” li skond kif rawha huma, riedet tiġi mifhuma b’mod letterali. (Ġożwè 10:12) Imma veru li l-​Bibbja tikkontradixxi t-​teorija taʼ Koperniku? Lanqas xejn.

Il-​kontradizzjoni qiegħda bejn ix-​xjenza u interpretazzjoni ħażina b’mod ovvju taʼ l-​Iskrittura. Din kienet l-​opinjoni taʼ Galileo. Lil wieħed student hu kitiblu hekk: “Għalkemm l-​Iskrittura ma tistax tiżbalja, dawk li jinterpretawha u li jikkummentaw fuqha jistgħu, b’diversi modi. Mod wieħed, verament serju u li jsir spiss, ikun meta huma dejjem ikunu jridu jieqfu fis-​sens purament letterali.” Kull student serju tal-​Bibbja żgur jaqbel maʼ dan.a

Galileo kellu iktar x’jgħid. Hu stqarr li ż-​żewġ kotba, il-​Bibbja u l-​ktieb tan-​natura, inkitbu mill-​istess Awtur u ma setgħux jikkontradixxu lil xulxin. Però, hu żied jgħid li persuna ma setgħetx “b’ċertezza tgħid li dawk kollha li jinterpretaw jagħmlu dan taħt ispirazzjoni divina.” Din il-​kritika indiretta taʼ l-​interpretazzjoni uffiċjali tal-​knisja x’aktarx ġiet kunsidrata bħala provokazzjoni li wasslet lill-​Inkwiżizzjoni Rumana tikkundanna lix-​xjenzat. Wara kollox, kif jistaʼ sempliċi bniedem lajk jindaħal fis-​setgħa li kellha l-​knisja biex tinterpreta?

Billi rreferew għall-​każ taʼ Galileo, diversi skulari qajmu dubji dwar l-​infallibilità tal-​knisja kif ukoll tal-​papa. It-​teologu Kattoliku Hans Küng jikteb li l-​ħafna żbalji ċari li saru fit-​“tagħlim ekkleżjastiku uffiċjali,” inkluż “il-​kundanna taʼ Galileo,” qajmu dubji dwar id-​domma taʼ l-​infallibilità.

Galileo Reġaʼ Kiseb Reputazzjoni Tajba?

F’Novembru taʼ l-​1979, sena wara li ġie elett, Ġwanni Pawlu II xtaq jirrivedi l-​istat taʼ Galileo, li bħalma ammetta l-​papa stess, “kellu jbati ħafna . . . f’idejn irġiel u istituzzjonijiet tal-​Knisja.” Tlettax-il sena wara, fl-​1992, kummissjoni maħtura mill-​istess papa ammettiet: “Ċerti teoloġi, fi żmien Galileo, . . . ma rnexxilhomx jifhmu t-​tifsir profond u mhux letterali taʼ l-​Iskrittura meta ġew biex jispjegaw l-​istruttura fiżika taʼ l-​univers maħluq.”

Madankollu, il-​fatt hu li t-​teorija eljoċentrika ma ġietx kritikata mit-​teoloġi biss. Il-​Papa Urbanu  VIII, li kellu rwol prominenti fil-​każ, insista bl-​aħrax biex Galileo jieqaf milli jdgħajjef it-​tagħlim tal-​knisja, li kien ilu jeżisti sekli sħaħ, li l-​art hija ċ-​ċentru taʼ l-​univers. Dan it-​tagħlim mhux mill-​Bibbja kien ġej imma mill-​filosfu Grieg Aristotele.

Wara li l-​kummissjoni taʼ żmienna rrevediet il-​każ fit-​tul, il-​papa sejjaħ il-​kundanna taʼ Galileo bħala “deċiżjoni bla ħsieb u sfortunata.” Kien ix-​xjenzat qed jerġaʼ jikseb reputazzjoni tajba? “Li tgħid, kif jagħmlu xi wħud, li Galileo reġaʼ kiseb reputazzjoni tajba hija xi ħaġa assurda,” jgħid kittieb wieħed, “għax l-​istorja tikkundanna mhux lil Galileo, imma lill-​qorti ekkleżjastika.” Il-​kittieb taʼ l-​istorja Luigi Firpo qal: “Il-​persekuturi m’għandhomx id-​dritt li jerġgħu jagħtu reputazzjoni tajba lill-​vittmi tagħhom.”

Il-Bibbja hija “fanal li jagħti d-​dawl f’post mudlam.” (2 Pietru 1:​19) Galileo ddefendieha minn interpretazzjoni ħażina. Imma l-​knisja, billi ddefendiet tradizzjoni magħmula mill-​bniedem li ġabet isem ħażin fuq il-​Bibbja, għamlet il-​kuntrarju.

[Nota taʼ taħt]

a Qarrej onest ma jsibhiex bi tqila biex jammetti li stqarrija taʼ xemx wieqfa fis-​sema m’hijiex xi analisi xjentifika imma sempliċement osservazzjoni taʼ kif l-​affarijiet dehru mill-​għajn taʼ bniedem. L-​astronomi wkoll ħafna drabi jitkellmu dwar it-​tlugħ u l-​inżul tax-​xemx, il-​pjaneti, u l-​kwiekeb. Huma ma jkunux iridu jfissru li dawn il-​mases fis-​sema jduru letteralment maʼ l-​art, imma minflok li dawn jidhru mexjin fis-​sema li naraw aħna.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 16]

Il-​Ħajja taʼ Galileo

Galileo, li missieru kien minn Firenze, twieled f’Pisa fl-​1564 u studja l-​mediċina fl-​università t’hemmhekk. Ftit li xejn wera interess fil-​qasam tal-​mediċina, u għalhekk abbanduna din it-​triq biex jistudja l-​fiżika u l-​matematika. Fl-​1585 mar lura għand il-​familja tiegħu mingħajr ma kiseb kwalifika akkademika. Madankollu, hu kiseb l-​istima taʼ l-​aqwa matematiċi taʼ dak iż-​żmien, u rnexxielu jsir għalliem fl-​Università taʼ Pisa. Wara l-​mewt taʼ missieru, diffikultajiet ekonomiċi ġagħlu lil Galileo jmur lejn Padova, fejn ngħata pożizzjoni li trendi iktar, pożizzjoni t’awtorità fil-​matematika fl-​università tal-​belt.

Matul it-​18-il sena li qattaʼ ġo Padova, lil Galileo tweldulu tlett itfal mill-​ħabiba tiegħu, mara żagħżugħa minn Venezja. Fl-​1610 reġaʼ mar lura Firenze, fejn kiseb ċirkustanzi ekonomiċi aħjar li għenuh biex jiddedika iktar ħin ħalli jagħmel riċerki​—imma b’dannu għal-​libertà li kien gawda fit-​territorju tar-​Repubblika Venezjana. Il-​granduka tat-​Toskana laħħqu bħala “l-​ogħla filosfu u matematiku.” Galileo miet ġo Firenze fl-​1642 waqt li kien qiegħed arrestat f’daru bħala riżultat tal-​kundanna mill-​Inkwiżizzjoni.

[Sors]

Mill-​ktieb The Library of Original Sources, Volume VI, 1915

[Stampa f’paġna 14]

It-​teleskopju taʼ Galileo, li għenu biex jikkonferma li l-​art m’hijiex iċ-​ċentru taʼ l-​univers

[Sors]

Scala/Art Resource, NY

[Stampi f’paġna 14]

Is-​sistema ġeoċentrika (l-art bħala ċ-​ċentru)

Is-​sistema eljoċentrika (ix-xemx bħala ċ-​ċentru)

[Sors]

Sfond: © 1998 Visual Language

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 13]

Stampa: Mill-​ktieb The Historian’s History of the World

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja