LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 5/8 pp. 5-11
  • L-Isfida li Hemm fil-Kura

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Isfida li Hemm fil-Kura
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Serja
  • Dieta u Eżerċizzju
  • It-​Terapija bl-​Insulina
  • Ibqaʼ Tgħallem
  • L-​Importanza taʼ l-​Appoġġ mill-​Familja
  • Id-dijabete—Tista’ tnaqqas ir-riskju?
    Stenbaħ!—2014
  • Id-Dijabete—“Il-Qattiela Silenzjuża”
    Stenbaħ!—2003
  • Kif il-Bibbja Tistaʼ Tgħin lil Dawk li Jbatu bid-Dijabete
    Stenbaħ!—2003
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2003
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 5/8 pp. 5-11

L-​Isfida li Hemm fil-​Kura

“M’hemm l-​ebda dijabete li mhix serja. Kollha hi perikoluza.-Anne Daly,Għaqda Amerikana tad-​Dijabete.

“IT-​TESTIJIET tiegħek tad-​demm ma tantx irriżultaw tajbin. Għandek bżonn t’attenzjoni medika immedjatament.” Il-​kliem tat-​tabib laqat lil Deborah bħal sajjetta fil-​bnazzi. “Dak il-​lejl, bqajt naħseb li żgur kien xi żball mil-​laboratorju,” tgħid hi. “Bdejt ngħid lili nnifsi li ma jistax ikun li kont marida.”

Bħal ħafna nies, Deborah ħasbet li kienet bejn wieħed u ieħor b’saħħitha, għalhekk injorat is-​sintomi persistenti li kellha. Hi ħasbet li kien qed jaqbadha ħafna għatx minħabba l-​mediċini anti-istamini li kienet qiegħda tieħu. Meta taʼ spiss kienet tmur tagħmel l-​awrina, kienet taħseb li dan kien minħabba li kienet qiegħda tixrob ħafna ilma. U l-​għeja—ħeqq, liema omm li taħdem sekularment ukoll ma tħosshiex għajjiena mejta?

Iżda mbagħad test tad-​demm wera li r-​raġuni għal dan kollu kienet id-​dijabete. Kien diffiċli għal Deborah biex taċċetta r-​riżultati. “M’għedt lil ħadd dwar il-​marda li kelli,” tgħid hi. “Bil-​lejl, meta l-​familja tiegħi kienet tkun rieqda, kont noqgħod inħares ċassa lejn id-​dalma tal-​lejl u kont noqgħod nibki.” Meta jsiru jafu li għandhom id-​dijabete, xi wħud, bħal

Deborah, jinħakmu minn ħafna emozzjonijiet, inkluż id-​dipressjoni u r-​rabja. “Għaddejt minn żmien taʼ dwejjaq kbar u ma ridtx naċċetta dak li kien qed jiġrili,” tgħid Karen.

Huwa naturali li wieħed jirreaġixxi hekk għal dik li donnha hi sitwazzjoni inġusta. Madankollu, bi ftit għajnuna dawk li għandhom id-​dijabete jistgħu jaddattaw ruħhom. “L-​infermiera tiegħi għenitni biex naċċetta l-​kundizzjoni li għandi,” tgħid Karen. “Hi assiguratni li ma kien hemm xejn ħażin f’li nibki. Il-​fatt li sfogajt l-​emozzjonijiet tiegħi b’dan il-​mod għenni biex naddatta ruħi.”

Għala Serja

Id-​dijabete ġiet imsejħa “l-​marda fil-​magna nfisha tal-​ħajja,” u mhux taʼ b’xejn. Meta l-​ġisem ma jkunx jistaʼ jħaddem il-​glukosju, numru taʼ proċessi vitali jistgħu jieqfu jaħdmu, xi drabi b’konsegwenzi li jheddu l-​ħajja. “In-​nies ma jmutux direttament bid-​dijabete,” jgħid it-​Tabib Harvey Katzeff, “imma jmutu bil-​komplikazzjonijiet. Aħna nafu ħafna kif nilqgħulhom minn qabel il-​komplikazzjonijiet, iżda ma tantx nafu xi rridu nagħmlu meta jitfaċċaw.”a

Hemm tama għal dawk li għandhom id-​dijabete? Iva​—jekk jagħrfu s-​serjetà taʼ din il-​marda u joqogħdu għall-​programm taʼ kura.b

Dieta u Eżerċizzju

Għalkemm id-​dijabete tat-​Tip 1 ma tistax tiġi evitata, ix-​xjenzati qegħdin jistudjaw dwar il-​fatturi li jintirtu illi jżidu r-​riskju u qegħdin jipprovaw isibu modi kif iwaqqfu attakk fis-​sistema taʼ l-​immunità. (Ara l-​kaxxa “L-​Irwol tal-​Glukosju,” f’paġna 8.) “Fit-​tip 2, l-​istampa hija iktar ċara,” jgħid il-​ktieb Diabetes​—Caring for Your Emotions as Well as Your Health (Id-Dijabete—Agħti Kas taʼ l-​Emozzjonijiet Tiegħek Kif Ukoll taʼ Saħħtek). “Ħafna minn dawk l-​uħud li għandhom ċans kbir li jkunu wirtuha, jevitaw li jkollhom xi sinjal taʼ din il-​marda sempliċement billi jżommu dieta bilanċjata u jagħmlu l-​eżerċizzju b’mod regulari, u għalhekk jibqgħu f’saħħithom fiżikament u jżommu l-​piż tagħhom fil-​limiti normali.”c

Il-Journal of the American Medical Association enfasizza l-​valur taʼ l-​eżerċizzju u rrapporta fuq studju kbir li involva lin-​nisa. Dan l-​istudju wera li “permezz taʼ perijodu qasir wieħed t’attività fiżika, iċ-​ċelluli tal-​ġisem jassorbu kwantità akbar taʼ glukosju mill-​insulina għal iktar minn 24 siegħa.” Għalhekk, ir-​rapport jikkonkludi billi jgħid li kemm il-​mixi kif ukoll l-​attività enerġetika jnaqqsu ħafna r-​riskju tad-​dijabete tat-​tip 2 fin-​nisa. Ir-​riċerkaturi jirrikkmandaw li jsir eżerċizzju fiżiku moderat għal minn taʼ l-​inqas 30 minuta kważi kuljum, jew saħansitra kuljum. Dan jistaʼ jinkludi xi ħaġa sempliċi daqs il-​mixi, li, tgħid l-​American Diabetes Association Complete Guide to Diabetes, “wisq probabbli huwa l-​aħjar forma t’eżerċizzju, l-​inqas perikoluż, u l-​inqas li jiswa flus.”

Madankollu, eżerċizzju li jsir minn dawk li għandhom id-​dijabete għandu jiġi gwidat minn xi ħadd professjonali. Raġuni għal dan hi li d-​dijabete tistaʼ tagħmel il-​ħsara lis-​sistema vaskulari u lin-​nervituri, u b’hekk teffettwa ċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm u s-​sensazzjoni tal-​mess. Għalhekk, sempliċi girfa fis-​sieq għandha mnejn tiġi injorata, tiġi infettata, u ssir ulċera—kundizzjoni serja li tistaʼ twassal għall-​qtugħ tas-​sieq jekk ma tiġix ikkurata immedjatament.d

Madankollu, programm t’eżerċizzju jistaʼ jgħin lil persuna tikkontrolla d-​dijabete. “Iktar ma r-​riċerkaturi jistudjaw il-​benefiċċji taʼ l-​eżerċizzju regulari,” tgħid l-​ADA Complete Guide, “iktar isibu evidenza dwar il-​benefiċċji li dan iġib.”

It-​Terapija bl-​Insulina

Barra li jridu jsegwu ċerta dieta u jkollhom programm t’eżerċizzju, ħafna li jbatu mid-​dijabete għandhom jittestjaw kuljum il-​livelli tagħhom taʼ glukosju u jinjettaw l-​insulina diversi drabi fil-​ġurnata. Permezz taʼ dieta u rutina tajba t’eżerċizzju, is-​saħħa taʼ xi wħud li kellhom id-​dijabete tat-​Tip 2 tjiebet u b’hekk setgħu, minn taʼ l-​inqas għal ftit żmien, iwaqqfu t-​terapija bl-​insulina.e Karen, li għandha d-​dijabete tat-​Tip 1, sabet li l-​eżerċizzju jżid l-​effiċjenza taʼ l-​insulina li tinjetta. Bħala riżultat, setgħet tnaqqas b’20 fil-​mija l-​insulina li kellha tieħu kuljum.

Madankollu, jekk hemm bżonn li tittieħed l-​insulina, m’hemm l-​ebda raġuni għala dak li jbati mid-​dijabete għandu jħossu skuraġġit. “Meta jkollok tieħu l-​insulina ma jkunx ifisser li fallejt,” tgħid Mary Ann, infermiera reġistrata li tieħu ħsieb numru taʼ pazjenti li għandhom id-​dijabete. “Hi x’inhi l-​forma taʼ dijabete li għandek, jekk tikkontrolla bir-​reqqa z-​zokkor fid-​demm tiegħek, se tkun tistaʼ tnaqqas il-​problemi taʼ saħħa li jistgħu jitfaċċaw iktar tard.” Fil-​fatt, studju reċenti wera li dawk li għandhom it-​Tip 1 u li żammew kontroll strett fuq il-​livelli tagħhom taʼ zokkor fid-​demm, naqsilhom ħafna “l-​mard fl-​għajnejn, fil-​kliewi, u fin-​nervituri konness mad-​dijabete.” Per eżempju, ir-​riskju taʼ mard taʼ l-​għajnejn naqsilhom b’76 fil-​mija! Dawk li għandhom it-​Tip 2 u li żammew kontroll strett fuq il-​livelli tagħhom taʼ zokkor fid-​demm, igawdu minn benefiċċji simili.

Biex it-​terapija bl-​insulina ssir eħfef u inqas trawmatika, hemm is-​siringi u l-​pinen taʼ l-​insulina—l-​iktar għodod li jintużaw—li għandhom labra rqiqa ħafna kważi ma tħossx xejn bihom. “Normalment, l-​ewwel injezzjoni tkun l-​agħar waħda,” tgħid Mary Ann. “Warajha, ħafna mill-​pazjenti jgħidu li kważi ma jħossu xejn.” L-​injezzjoni tingħata wkoll permezz taʼ għodda awtomatika li tispara labra fil-​ġilda mingħajr ma tħoss uġigħ, tip taʼ għodda oħra li b’qawwa kbira letteralment tispara l-​insulina fil-​ġilda mingħajr labra, u għodda oħra bħal pajp li tibqaʼ mqabbda mal-​ġisem għal xi ġurnata jew tnejn. Il-​pompa taʼ l-​insulina, li bejn wieħed u ieħor fiha daqs telefon ċellulari żgħir ħafna, saret popolari f’dawn l-​aħħar snin. Din il-​magna li tistaʼ tiġi programmata toħroġ l-​insulina minn pajp u siringa b’rata stabbli skond kemm ikollu bżonn il-​ġisem kuljum, u tagħti l-​insulina b’mod iktar preċiż u konvenjenti.

Ibqaʼ Tgħallem

Wara li kkunsidrajna kollox, xorta m’hemm l-​ebda terapija li hija effettiva għal kull sitwazzjoni. Meta jkun qiegħed jikkunsidra liema kura għandu jieħu, kull individwu għandu jikkunsidra numru taʼ fatturi biex b’hekk ikun jistaʼ jasal għal deċiżjoni persunali. Mary Ann tgħid ukoll li anki jekk forsi tkun taħt il-​kura taʼ tim mediku, int trid tiddeċiedi liema kura għandek tieħu. Fil-​fatt, il-​ġurnal Diabetes Care jgħid li jekk tieħu kura medika għad-​dijabete mingħajr ma regolarment tiġi mgħallem sew kif tikkontrolla l-​marda inti stess, tistaʼ tgħid li tkun qed tieħu kura li m’hijiex taʼ kwalità tajba u m’hijiex aċċettabbli.

Iktar ma jitgħallmu dwar il-​marda li għandhom, dawk li jbatu mid-​dijabete iktar ikunu jafu kif jieħdu ħsieb saħħithom u jżidu l-​prospetti li jgħixu ħajja itwal u iżjed b’saħħitha. Madankollu, edukazzjoni effettiva tirrikjedi l-​paċenzja. Il-​ktieb Diabetes​—Caring for Your Emotions as Well as Your Health jispjega: “Jekk tipprova titgħallem kollox f’daqqa, wisq probabbli se titħawwad u ma tużax l-​informazzjoni b’mod effettiv. Barra minn hekk, ħafna mill-​informazzjoni utli li se jkollok bżonn titgħallem m’intix se ssibha fil-​kotba jew f’xi fuljetti. Din tiddependi . . . minn kif ivarja z-​zokkor fid-​demm tiegħek skond ir-​rutina li għandek. Dan tistaʼ titgħallmu biss biż-​żmien, billi tipprova u terġaʼ tipprova.”

Per eżempju, billi toqgħod attent tistaʼ titgħallem kif jirreaġixxi ġismek għall-​istress. Dan jistaʼ jikkaġuna l-​livell tiegħek taʼ zokkor fid-​demm biex jogħla f’daqqa. “Ili ngħix b’dan il-​ġisem dijabetiku għal 50 sena,” jgħid Ken, “u naf xi jkun qed jgħidli!” Minħabba li qagħad attent għal dak li qallu ġismu Ken ibbenefika, għax ilu jaħdem full-time—avolja għandu iktar minn 70 sena!

L-​Importanza taʼ l-​Appoġġ mill-​Familja

Xi ħaġa li m’għandix tiġi injorata fil-​kura għad-​dijabete hija l-​appoġġ mill-​familja. Fil-​fatt, referenza waħda tinnota li “l-​kwalità taʼ kif familja tgħix flimkien hija x’aktarx l-​iktar fattur li waħdu” jikkontrolla d-​dijabete fit-​tfal u fiż-​żgħażagħ.

Huwa taʼ benefiċċju li l-​membri tal-​familja jitgħallmu dwar id-​dijabete, forsi anki billi jmorru darba kull wieħed għand it-​tabib, jew l-​isptar, flimkien maʼ dak li jbati mid-​dijabete. L-​għarfien se jgħinhom biex ikunu t’appoġġ, jagħrfu s-​sintomi importanti, u jkunu jafu kif għandhom jaġixxu. Ted, li martu ilha tbati bid-​dijabete tat-​Tip 1 minn mindu kellha erbaʼ snin, jgħid: “Jien ninduna meta l-​livell taz-​zokkor taʼ Barbara jinżel wisq. Tikkwieta f’nofs konversazzjoni. Tibda tegħreq ħafna u tibda tirrabja għal kull ħaġa taʼ xejn. U r-​reazzjoni tagħha għal ċerti affarijiet ma tkunx tajba daqs is-​soltu.”

Bl-istess mod, meta Catherine, il-​mara taʼ Ken, tinnota li Ken jibda jibjad, jibda jegħreq u tibda tara xi tibdil fil-​burdata tiegħu, hi tagħtih somma żgħira x’jaħdem. Jekk ir-​risposta taʼ Ken tidher waħda mħawda dan jindika lil Catherine li jkun il-​waqt li tieħu hi d-​deċiżjonijiet u taġixxi malajr biex tirranġa s-​sitwazzjoni. Kemm Ken kif ukoll Barbara japprezzaw ħafna li għandhom imseħbin fiż-​żwieġ li huma informati u li jħobbu u jafdaw tassew.f

Membri tal-​familja li juru l-​imħabba jridu jagħmlu sforz biex jagħtu l-​appoġġ tagħhom, ikunu ġentili, u jkollhom il-​paċenzja—kwalitajiet li jistgħu jgħinu lil xi ħadd marid biex jiffaċċja l-​isfidi tal-​ħajja u li jistgħu saħansitra jgħinu biex il-​marda tmur għall-​aħjar. Ir-​raġel taʼ Karen aċċertaha mill-​imħabba tiegħu, u din kellha effett pożittiv kbir. Karen tgħid: “Nigel qalli, ‘In-​nies għandhom bżonn jieklu u jixorbu biex jibqgħu ħajjin, bħalma inti għandek bżonn tiekol u tixrob—u tieħu ftit insulina.’ Dan il-​kliem ġentili, u madankollu prattiku kien dak kollu li kelli bżonn.”

Il-familjari u l-​ħbieb għandhom jifhmu li hekk kif il-​livell taz-​zokkor fid-​demm jinbidel, id-​dijabete tistaʼ teffettwa l-​burdata taʼ persuna. “Meta jinżilli z-​zokkor,” tgħid waħda mara, “insir kwieta ħafna, tiġini burdata ħażina, nagħmel ħafna dwejjaq malajr, u nħossni frustrata. Imbagħad inħossni vera ħażin, għax inkun ġibt ruħi qisni xi tifla żgħira. Iżda huwa t’għajnuna li nkun naf li ħaddieħor jifhem ir-​raġuni għala jkolli dawn is-​sentimenti—li jien nipprova nikkontrollahom.”

Id-dijabete tistaʼ tiġi kontrollata b’suċċess, speċjalment jekk dak li għandu d-​dijabete jkollu l-​kooperazzjoni taʼ ħbiebu u l-​membri taʼ familtu. Il-​prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinu wkoll. Kif?

[Noti taʼ taħt]

a Il-komplikazzjonijiet jinkludu mard tal-​qalb, puplesija, kliewi li ma jaħdmux sew, mard taʼ l-​arterji qrib il-​wiċċ tal-​ġisem, u mard tan-​nervituri. Ċirkulazzjoni ħażina fis-​saqajn tistaʼ twassal għal ulċeri, li f’xi każijiet gravi jwasslu għal li jinqataʼ r-​riġel effettwat. Id-​dijabete hija wkoll l-​iktar raġuni komuni għala persuna adulta tagħma.

b Stenbaħ! ma jappoġġax xi terapija partikulari. Dawk li jissuspettaw li għandhom id-​dijabete għandhom jitkellmu maʼ tabib li għandu l-​esperjenza taʼ kif wieħed jilqaʼ minn qabel u jikkontrolla din il-​marda.

c Xaħam żejjed fil-​parti nofsanija tal-​ġisem (ġisem forma taʼ tuffieħa) jidher li jikkaġuna iktar ħsara mix-​xaħam fuq il-​ġenbejn (ġisem forma taʼ lanġasa).

d Dawk li jpejpu jqiegħdu lilhom infushom f’riskju akbar, għax il-​vizzju tagħhom jagħmel ħsara lill-​qalb u lis-​sistema ċirkulatorja, u jdejjaq il-​vini tad-​demm. Referenza waħda tgħid li 95 fil-​mija tal-​qtugħ li jsir kaġun tad-​dijabete jinvolvi lil dawk li jpejpu.

e Xi wħud minn dawn il-​persuni ġew megħjunin b’medikazzjoni li tittieħed mill-​ħalq. Din tinkludi mediċini li jgħinu l-​frixa biex toħroġ iktar insulina, oħrajn jgħinu biex iz-​zokkor fid-​demm ma jiżdiedx daqshekk malajr, u terġaʼ oħrajn li jgħinu l-​insulina tidħol iktar fiċ-​ċelluli. (Medikazzjoni li tittieħed mill-​ħalq normalment m’hijiex preskritta għal dawk li għandhom id-​dijabete tat-​Tip 1.) Fil-​preżent, l-​insulina ma tistax tittieħed mill-​ħalq għax id-​diġestjoni tkisser din il-​proteina qabel ma tilħaq id-​demm. La t-​terapija bl-​insulina u lanqas il-​medikazzjoni li tittieħed mill-​ħalq ma jneħħu l-​bżonn t’eżerċizzju u dieta tajba.

f Awtoritajiet mediċi jirrikkmandaw li dawk li jbatu mid-​dijabete għandhom dejjem iġorru magħhom tip taʼ karta taʼ l-​identità u jilbsu xi ġojjellerija li jkollhom miktub fuqhom li jbatu mid-​dijabete. F’sitwazzjoni kritika dawn jistgħu jsalvaw il-​ħajja. Per eżempju, jekk iz-​zokkor fid-​demm jinżillek ħafna, ħaddieħor jistaʼ jaħseb li għandek xi marda oħra jew anki li tħobb tixrob ħafna alkoħol.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

Marda taż-​Żgħar Ukoll?

Id-​dijabete “qed issir marda taż-​żgħar,” jgħid it-​Tabib Arthur Rubenstein, endokrinologu ewlieni u kap taʼ l-​Iskola tal-​Mediċina Mount Sinai fi New York. L-​età medja għall-​bidu tad-​dijabete qiegħda tonqos. “Għaxar snin ilu konna ngħallmu lill-​istudenti tal-​mediċina li din il-​marda ma kontx issibha f’persuni taħt l-​40 sena,” tgħid l-​esperta tad-​dijabete t-​Tabiba Robin S. Goland, meta tkellmet dwar id-​dijabete tat-​Tip 2. “Issa qegħdin narawha f’persuni taħt l-​10 snin.”

Għala hemm din iż-​żjieda fid-​dijabete fost iż-​żgħażagħ? Kultant, għax tkun ereditarja. Iżda l-​piż u l-​ambjent jistgħu wkoll jikkontribwixxu għal dan. In-​numru taʼ tfal ħoxnin iżżejjed irdoppja f’dawn l-​aħħar 20 sena. X’inhi r-​raġuni għal dan? “Sar ħafna tibdil fid-​drawwiet taʼ l-​ikel u fl-​attività fiżika f’dawn l-​aħħar 20 sena,” jgħid it-​Tabib William Dietz miċ-​Ċentri Amerikani għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard. Dan jinkludi l-​fatt li n-​nies qed jieklu minn barra iżjed spiss minn qabel, qed jaqbżu l-​kolazzjon, qed jieħdu iktar luminati u ikel proċessat u preparat malajr, qed ikun hemm inqas edukazzjoni fiżika fl-​iskejjel, u m’għadx ikun hemm waqfa fl-​iskola għar-​rikreazzjoni.

Id-​dijabete ma tistax titraġġaʼ lura. Għalhekk, huwa għaqli li ssegwi l-​parir taʼ wieħed adolexxent li għandu d-​dijabete, li jgħid sempliċement hekk: “Żomm ’il bogħod mill-​ikel bla sustanzi u żomm ruħek f’saħħtek.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 8, 9]

L-​Irwol tal-​Glukosju

Il-​glukosju huwa s-​sors t’enerġija tat-​triljuni taʼ ċelluli tal-​ġisem. Madankollu, biex jidħol f’dawn iċ-​ċelluli hemm bżonn taʼ “ċavetta”—l-​insulina, kimika li toħroġ mill-​frixa. Fid-​dijabete tat-​Tip 1, il-​ġisem ma jipproduċix insulina. Fit-​Tip 2, il-​ġisem jipproduċi l-​insulina imma mhux biżżejjed.g Iktar minn hekk, iċ-​ċelluli ma jħallux l-​insulina tidħol fihom—kundizzjoni li tissejjaħ reżistenza għall-​insulina. Fiż-​żewġ forom taʼ dijabete, ir-​riżultat huwa l-​istess: ċelluli bil-​ġuħ u ammonti perikolużi ħafna taʼ zokkor fid-​demm.

Fid-​dijabete tat-​Tip 1, is-​sistema taʼ l-​immunità taʼ l-​individwu tattakka ċ-​ċelluli beta li jipproduċu l-​insulina fil-​frixa. Għalhekk, id-​dijabete tat-​Tip 1 hija marda awtoimmuni jiġifieri li s-​sistema taʼ l-​immunità taħdem kontra l-​ġisem stess biex tipproduċi d-​dijabete. Fatturi li jistgħu jikkaġunaw reazzjoni fl-​immunità jinkludu xi virus, kimiċi tossiċi, u ċerti mediċini jew drogi. Għandu mnejn li l-​għamla ġenetika tilgħab parti f’dan, għax id-​dijabete tat-​Tip 1 tistaʼ ssibha spiss f’ċerti familji, u hija l-​iktar komuni fost dawk in-​nies li huma Kawkasiċi.

Fid-​dijabete tat-​Tip 2, il-​fattur ġenetiku huwa saħansitra iktar qawwi iżda iktar komuni f’dawk li m’humiex Kawkasiċi. L-​Aboriġini Awstraljani u l-​Indjani taʼ l-​Amerika huma fost dawk l-​iktar effettwati, u dawn imsemmijin l-​aħħar huma l-​iktar uħud madwar id-​dinja li għandhom id-​dijabete tat-​Tip 2. Ir-​riċerkaturi qegħdin jistudjaw ir-​relazzjoni li hemm bejn il-​ġenetika u l-​ħxuna żejda, kif ukoll kif f’nies li qegħdin f’riskju akbar ix-​xaħam żejjed ma jħallix l-​insulina tidħol fiċ-​ċelluli.h B’kuntrast għad-​dijabete tat-​Tip 1, dik tat-​Tip 2 tinsab l-​iktar f’dawk l-​uħud ’il fuq minn 40 sena.

[Noti taʼ taħt]

g Madwar 90 fil-​mija taʼ dawk li għandhom id-​dijabete għandhom it-​Tip 2. Qabel, din kienet tissejjaħ “dijabete li ma tiddependix fuq l-​insulina” jew dijabete taʼ l-​“adulti.” Madankollu, dawn it-​termini m’humiex eżatti, għax minn taʼ l-​inqas 40 fil-​mija taʼ dawk bid-​dijabete tat-​Tip 2 għandhom bżonn l-​insulina. Barra minn hekk, numru li dejjem jiżdied taʼ żgħażagħ—xi wħud minnhom għadhom lanqas biss għalqu t-​13-il sena—għandhom id-​dijabete tat-​Tip 2.

h Ġeneralment, wieħed jitqies li jkun oħxon iżżejjed jekk ikollu 20 fil-​mija jew iktar mill-​piż ideali għalih.

[Stampa]

Molekula tal-​glukosju

[Sors]

Courtesy: Pacific Northwest National Laboratory

[Kaxxa f’paġna 9]

L-​Irwol tal-​Frixa

Il-​frixa li bejn wieħed u ieħor fiha daqs banana qiegħda eżatt wara l-​istonku. Ktieb wieħed jispjega li frixa b’saħħitha taħdem b’mod kontinwu u preċiż biex iżżomm stabbli l-​livell taz-​zokkor fid-​demm billi tħalli ammont eżatt taʼ insulina toħroġ hekk kif il-​livell taʼ glukosju jiżdied u jonqos matul il-​ġurnata. (The Unofficial Guide to Living With Diabetes [Il-Gwida Mhux Uffiċjali biex Tgħix bid-​Dijabete]) Iċ-​ċelluli beta li jinsabu fil-​frixa jagħmlu l-​ormon taʼ l-​insulina.

Meta ċ-​ċelluli beta ma jipproduċux biżżejjed insulina, jiżdied il-​glukosju fid-​demm, u dan jikkaġuna l-​ipergliċemija. L-​oppost għal dan—nuqqas taʼ zokkor fid-​demm—jissejjaħ ipoglikimja. Flimkien mal-​frixa, il-​fwied jgħin biex jikkontrolla l-​livell taz-​zokkor fid-​demm billi jaħżen il-​glukosju żejjed f’sura li tissejjaħ glikoġen. Meta jiġi kmandat mill-​frixa, il-​fwied ibiddel il-​glikoġen lura fi glukosju biex il-​ġisem ikun jistaʼ jużah.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

L-​Irwol taz-​Zokkor

L-​idea żbaljata li jekk tiekol ħafna zokkor taqbdek id-​dijabete hija komuni ħafna. L-​evidenza medika turi li meta wieħed jeħxien—ikun xi jkun l-​ammont taʼ zokkor li jieħu—iżid ir-​riskju taʼ dijabete jekk ikun fost dawk li għandhom ċans kbir li jkunu wirtuha. Madankollu, li tiekol ħafna zokkor m’huwiex tajjeb għas-​saħħa, ladarba dan jipprovdi ftit nutriment u jistaʼ jwassal għal ħxuna żejda.

Idea żbaljata oħra hi li dawk li għandhom id-​dijabete jkollhom kilba esaġerata għaz-​zokkor. Madankollu, il-​verità hi li huma jkollhom l-​istess xewqa għall-​ħelu bħal nies oħra. Meta ma tiġix kontrollata, id-​dijabete tistaʼ twassal għall-​ġuħ kbir—imma mhux neċessarjament għaz-​zokkor. Dawk li għandhom id-​dijabete jistgħu jieklu affarijiet ħelwin, iżda għandhom jibbilanċjaw kemm jieħdu zokkor f’dak kollu li jieklu.

Studji reċenti wrew li l-​fatt li wieħed jiekol ħafna fructose—xorta taʼ zokkor meħud mill-​frott u mill-​ħaxix—jistaʼ jkun waħda mir-​raġunijiet għala ċ-​ċelluli ma jħallux l-​insulina tidħol fihom u anki twassal għal dijabete fl-​annimali, ikun kemm ikun il-​piż tagħhom

[Dijagrammi/Stampi f’paġna 8, 9]

Id-​Dijabete Spjegata b’Mod Iktar Sempliċi

FRIXA

↓ ↓ ↓

Persuna Id-​Dijabete Id-​Dijabete

f’Saħħitha tat-​Tip 1 tat-​Tip 2

Wara xi ikla, il-​frixa Iċ-​ċelluli beta li F’ħafna każi

tirrispondi għaż-​żjieda jagħmlu l-​insulina fil-​ l-​frixa tkun

fil-glukosju li jkun frixa jiġu attakkati tipproduċi

hemm fid-​demm, billi mis-​sistema taʼ ammont limitat

toħroġ l-​ammont korrett l-​immunità. Bħala taʼ insulina

taʼ insulina riżultat, l-​insulina

ma tiġix prodotta

↓ ↓ ↓

Il-​molekuli taʼ Mingħajr l-​għajnuna Jekk dawn iċ-​

l-insulina jaqbdu maʼ taʼ l-​insulina, il-​ ċelluli ma

molekuli oħra tal-​ molekuli tal-​glukosju jirrispondux

proteini speċjalizzati ma jkunux jistgħu daqshekk tajjeb

(insulin receptors) jidħlu fiċ-​ċelluli għall-​insulina,

li jkunu fil-​wiċċ taċ-​ il-​proċess li

ċelluli muskolari u hemm bżonn biex

ċelluli oħra. Imbagħad, jiġi assorbit il-​

jibda proċess glukosju mid-​demm

(bħallikieku jkunu qed ma jibdiex jaħdem

jinfetħu xi bibien) li

jħalli l-​molekuli tal-​

glukosju jidħlu

fiċ-ċelluli muskolari

↓ ↓ ↓

Il-​glukosju jiġi Il-​glukosju jiżdied

assorbit u maħruq miċ-​ fid-​demm, u jfixkel

ċelluli muskolari. proċessi vitali u

Għalhekk, il-​livell jagħmel ħsara lill-​

tal-glukosju fid-​demm ħitan tal-​vini

jerġaʼ jiġi għan-​normal

[Dijagramma]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Ċellula

Receptor

‘Bieb’

Insulina

Nukleu

Glukosju

[Dijagramma]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

VINA

Ċelluli ħomor tad-​demm

Glukosju

[Sors]

Raġel: The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck

[Stampa f’paġna 7]

Dieta tajba hija essenzjali għal dawk li għandhom id-​dijabete

[Stampi f’paġna 10]

Dawk li għandhom id-​dijabete jistgħu jgawdu attivitajiet normali.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja