LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 6/8 pp. 13-17
  • Vjaġġ li Jsaħħrek fi Triq Nru. 1

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Vjaġġ li Jsaħħrek fi Triq Nru. 1
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Titwieled Triq Prinċipali fil-​Baħar
  • Veduta li Tinkixef Ftit Ftit
  • Ix-​Xemx taʼ Nofsillejl u l-​Lejl Polari
  • Kif Tistaʼ Tiddi x-Xemx f’Nofsillejl?
    Stenbaħ!—2005
  • ‘F’Perikli fil-Baħar’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Ħadd Minnkom Mhu Se Jmut”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Navigar bl-Ilma, bl-Ajru, u bir-Riħ
    Stenbaħ!—2003
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 6/8 pp. 13-17

Vjaġġ li Jsaħħrek fi Triq Nru. 1

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIN-​NORVEĠJA

KULL fil-​għaxija, matul is-​sena kollha, vapur isalpa mill-​belt taʼ Bergen, fil-​kosta tal-​lbiċ tan-​Norveġja, u jerħilha lejn it-​tramuntana għal vjaġġ taʼ madwar 4,500 kilometru li jieħu 11-il ġurnata. Dan jgħaddi minn ħdejn eluf taʼ gżejjer u minn diversi daħliet tal-​baħar bejn l-​irdumijiet (fjords) u kanali li jgħaqqdu l-​ibħra. Matul dan il-​vjaġġ, il-​vapur iżur il-​bliet, l-​irħula, u l-​villaġġi tul il-​kosta tan-​Norveġja li hija salvaġġa u li ssaħħrek bi sbuħitha.

Għalkemm ir-​rotta bil-​baħar tan-​Norwegian Coastal Express hija meqjusa minn ħafna bħala li hija l-​iktar vjaġġ sabiħ fid-​dinja, dan is-​servizz mal-​kosta għandu rwol prattiku​—dak li jġorr il-​merkanzija, il-​posta, u l-​passiġġieri sal-​port taʼ Kirkenes fejn jispiċċa l-​vjaġġ, ’il ġewwa sew fiċ-​Ċirku Artiku.

Il-vapuri kif jinnavigaw f’dawk l-​ilmijiet polari, speċjalment fix-​xitwa meta s-​silġ ma jħallix il-​vapuri jilħqu l-​biċċa l-​kbira mill-​Artiku? Minħabba l-​post fejn tinsab, in-​Norveġja tintlaħaq mill-​ilmijiet sħan tal-​Kurrent taʼ l-​Atlantiku taʼ Fuq u mill-​irjiħat moderati li jiġu mill-​punent. Dawn iż-​żewġ affarijiet jimmoderaw il-​klima tan-​Norveġja, u ma jħalluhiex tkun daqshekk ħarxa minkejja l-​pożizzjoni tagħha fit-​tramuntana tad-​dinja. Fil-​fatt, il-​portijiet tan-​Norveġja prattikament ikunu mingħajr silġ, anki fix-​xitwa stess.

Titwieled Triq Prinċipali fil-​Baħar

Lejn l-​aħħar tas-​seklu 19, meta kien qed jiġi kunsidrat jekk il-​popolazzjonijiet tax-​xtut tal-​pajjiż kellhomx jingħaqdu permezz taʼ toroq, linji tal-​ferrovija, jew bil-​baħar, il-​miżien xaqleb lejn ir-​rotta bil-​baħar. Dak iż-​żmien, però, anki din ir-​rotta ġabet magħha xi problemi, għax għalkemm il-​baħar ma kienx jiffriża, it-​tbaħħir bil-​lejl u f’temp ikrah kien perikoluż.

Grazzi l-​iktar għall-​immaġinazzjoni u d-​determinazzjoni tal-​kaptan Richard With, fit-​2 taʼ Lulju, 1893 ġie inawgurat servizz regulari tal-​vapuri. Dakinhar, l-​ewwel servizz kostali tal-​Coastal Express ħadem minn Trondheim, biex jilħaq Hammerfest, l-​iktar belt fit-​tramuntana taʼ l-​Ewropa. Minkejja l-​għajdut pessimist dwar kif kien se jkun, is-​servizz irnexxa. Fil-​fatt iktar tard kiber u sar jinkludi 34 port minn Bergen sa Kirkenes​—li sa llum għadhom iż-​żewġ portijiet fejn jibda u jispiċċa dan il-​vjaġġ. Forsi l-​akbar evidenza tas-​suċċess​—u l-​importanza—taʼ din it-​triq prinċipali fil-​baħar jidher fl-​isem mhux uffiċjali li n-​nies li joqogħdu matul il-​kosta tawha, jiġifieri Triq Nru. 1.

Illum, minn ġo Triq Nru. 1 tgħaddi flotta taʼ 11-il vapur modern. Kull 24 siegħa, vapur minnhom jibda l-​vjaġġ tiegħu. Imma minħabba t-​titjib fis-​sistema taʼ toroq u linji tal-​ferrovija li jgħaqqdu ħafna mill-​bliet matul il-​kosta, il-​funzjoni taʼ dan is-​servizz kostali bdiet iktar ixxaqleb lejn it-​turiżmu, u dan jidher sew fil-​mod kif inhuma magħmulin il-​vapuri.

Veduta li Tinkixef Ftit Ftit

Il-​vapuri jivvjaġġaw f’rotta li tgħaddihom l-​iktar minn baħar kenni. Għaldaqstant, il-​passiġġieri jingħataw l-​opportunità li jgawdu 11-il ġurnata jaraw xi ftit mill-​isbaħ veduti li għandha x’toffri n-​Norveġja​—irħula żgħar imdawrin b’ħafna ħdura, villaġġi ħdejn il-​baħar magħrufa għas-​sajd, glaċieri, daħliet tal-​baħar bejn l-​irdumijiet, muntanji bil-​qċaċet miksijin bis-​silġ, għoljiet miżgħudin bl-​għasafar tal-​baħar, kaskati maestużi, u anki balieni.

Bħala vantaġġ miżjud, il-​passiġġieri jistgħu jinżlu u jmorru dawra biex jaraw l-​inħawi taʼ interess meta l-​vapuri jieqfu f’xi port. Il-​belt taʼ Molde, per eżempju, toffri veduta l-​ġmiel tagħha tas-​87 quċċata miksija silġ taʼ l-​Alpi Romsdal. F’Ålesund u Trondheim, il-​viżitaturi jistaʼ anki jkollhom ħin għal ħarġa qasira, li tistaʼ tinkludi mixja tul it-​toroq li huma mdawrin b’arkitettura lokali partikulari. F’xi bliet, il-​passiġġieri jikru karozza u mbagħad jerġgħu jitilgħu fuq il-​vapur fil-​port taʼ wara.

Wara li jitlaq mill-​belt taʼ Bodø, is-​servizz kostali jgħaddi mill-​Vest Fjord u jerħilha għall-​Gżejjer taʼ Lofoten, arċipelagu taʼ 175 kilometru b’diversi qċaċet tal-​muntanji u villaġġi tas-​sajd fil-​kenn. Uħud mill-​gżejjer fuq in-​naħa taʼ barra taʼ Lofoten m’huma xejn ħlief ftit blat ’il fuq mill-​ilma, gżejjer żgħar taʼ blat, u rdumijiet ħerġin ’il fuq mill-​oċean​—f’xi każi mmarkati b’fanal tal-​port jew b’sinjali oħra għall-​baħħara. F’dan l-​arċipelagu jgħixu xi wħud mill-​akbar kolonji t’għasafar tal-​baħar u fost oħrajn insibu l-​gawwija, iċ-​ċirlew, il-​papra tar-​rix, il-​puffinu, il-​mus geddumu rqiq, il-​margun, il-​gawwija taʼ l-​Ingilterra, il-​mus tal-​baħar, u xi drabi anki l-​kanġu taʼ l-​Atlantiku. Hawnhekk ikun hawn għasafar bil-​miljuni.

Kull xitwa, il-​baħar madwar Lofoten jieħu l-​ħajja bid-​dgħajjes tas-​sajd li joħorġu biex jaqbdu l-​iskrei, tip taʼ merluzz. Dawn l-​inħawi huma magħrufa wkoll għall-​balieni. Kemm ikunu eċċitati l-​passiġġieri meta ftit ’il bogħod mill-​vapur dawn il-​mammiferi ġganteski jibdew jaqbżu barra mill-​ilma u jtajru bħal fwar ’il barra minn rashom!

Fis-sajf, is-​servizz kostali jieħu d-​dawra għal ġo Troll Fjord. L-​entratura għal dan il-​fjord tant hija dejqa li taħseb li tkun tistaʼ toħroġ idek ’il barra minn fuq il-​vapur u tmiss wiċċ il-​blat għoli. Hawnhekk, ir-​raġel li jkun mat-​tmun ma jdoqqx il-​ħorn, li ma tmurx tinqataʼ xi massa ġebel u taqaʼ! Din il-​parti tal-​kosta, imqiegħda fi sfond taʼ muntanji bil-​qċaċet tagħhom kollhom silġ, hija l-​ħolma taʼ kull fotografu!

Wara li jieqfu f’xi bliet u anki f’xi villaġġi oħrajn magħrufa għas-​sajd, il-​vapuri jduru lejn il-​lvant u jerħulha lejn parti mill-​kosta li għal ħafna hija l-​iktar parti eċċitanti tal-​vjaġġ. Mill-​port taʼ Honningsvåg, per eżempju, il-​passiġġieri jistgħu jmorru ħarġa sa North Cape, fejn l-​irdum jitlaʼ kważi dritt ’il fuq minn ġo l-​Oċean Artiku għal madwar 300 metru, u jgawdu veduti mill-​isbaħ.

Is-servizz kostali jieqaf ġewwa Kirkenes, l-​aħħar port lejn it-​tramuntana, għal ftit sigħat biss qabel ma jerġaʼ jibda l-​vjaġġ tiegħu lura lejn Bergen. Il-​vjaġġ lura ’l isfel jagħti l-​opportunità lill-​passiġġieri biex igawdu xenarji li setgħu tilfu waqt li kienu reqdin huma u telgħin ’il fuq. Fiċ-​Ċirku Artiku, per eżempju, wieħed jistaʼ jara l-​medda silġ kbira Svartisen, li tieħu madwar 370 kilometru kwadru. Il-​vapuri mbagħad ibaħħru qrib is-​sarbut muntanji li jissejħu Seven Sisters u minn ħdejn Torghatten, muntanja baxxa u ħoxna li ġejja għat-​tond, u li fiha toqba naturali minn naħa għall-​oħra tagħha, tant li tagħmilha tidher qisha kappell b’toqba ġo fih. Bejn il-​bliet taʼ Måløy u Florø, is-​servizz jgħaddi minn ħdejn il-​Hornelen, muntanja għolja 2,800 pied li tant titlaʼ dritta mill-​baħar li hawnhekk dak li jkun mat-​tmun jibżaʼ jdoqq il-​ħorn li ma jmurx jinqataʼ l-​blat u jaqaʼ.

Ix-​Xemx taʼ Nofsillejl u l-​Lejl Polari

It-​turisti li jagħmlu l-​vjaġġ tagħhom matul is-​sajf jistgħu jesperjenzaw id-​dawl tax-​xemx prattikament matul il-​vjaġġ kollu. Fil-​fatt, ħafna minn Triq Nru. 1 tinsab fl-​“art tax-​xemx taʼ nofsillejl,” fit-​tramuntana taċ-​Ċirku Artiku. Hawnhekk, ix-​xemx tas-​sajf tiddi matul il-​lejl. Fin-​North Cape, per eżempju, ix-​xemx ma tinżilx għal madwar 12-il ġimgħa!

Dawk li jivvjaġġaw fix-​xitwa jesperjenzaw il-​kuntrarju​—lejl polari twil. Imma x-​xitwa għandha s-​sbuħija partikulari tagħha meta s-​sema, il-​baħar, il-​muntanji, u l-​borra kollha jieħdu l-​kulur ħelu tat-​tbexbix hekk kif ix-​xemx tasal biex titlaʼ mill-​orizzont, imma ma jirnexxilhiex. Iktar minn hekk, is-​smewwiet tax-​xitwa jipprovdu sfond perfett għall-​waħda mill-​aqwa wirjiet​—l-​awrora boreali. Meta rjiħat taʼ partiċelli tad-​dawl tax-​xemx ċarġjati bl-​elettriku jippenetraw is-​smewwiet polari, dwal ħodor u sofor fl-​aħdar, kultant anki b’xi naqra ħmura, jiżfnu fis-​sema mimlija kwiekeb donnhom faxex u purtieri li jħalluk b’ħalqek miftuħ hekk kif jibdew jitgħawġu, ileqqu, u jiċċaqalqu bil-​ħlewwa fir-​ritmu kosmiku tagħhom.

Ovvjament, m’għandekx għalfejn tkun fuq dan is-​servizz kostali biex tgawdi dawn il-​veduti meraviljużi. Grazzi għas-​sistema li kibret taʼ toroq u linji tal-​ferrovija, ħafna min-​Norveġja tistaʼ titgawda wkoll mit-​tieqa tal-​karozza jew tal-​ferrovija. Għal dawk li huma limitati f’kemm jonfqu, dawn il-​mezzi taʼ trasport jistgħu jkunu iktar ekonomiċi. Madankollu, tagħżel liema rotta tagħżel, ħaġa waħda hija ċerta​—m’int se tgħejja qatt tara l-​veduti li jinkixfu quddiemek u li jinbidlu maʼ kull kilometru u f’kull staġun tul il-​kosta spettakolari tan-​Norveġja.

[Mappa f’paġna 13]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

FINLANDJA

SVEZJA

NORVEĠJA

OSLO

Rotta bil-​baħar

▿ ▵ Bergen

▿ ▵ Florø

▿ ▵ Mȧløy

▿ ▵ Ȧlesund

▿ ▵ Molde

▿ ▵ Trondheim

ĊIRKU ARTIKU

Monument fiċ-​Ċirku Artiku

▿ ▵ Bodø

▿ ▵ Il-​Gżejjer taʼ Lofoten

Troll Fjord

▿ ▵ Tromsø

▿ ▵ Hammerfest

▿ ▵ Honningsvȧg

▿ ▵ Kirkenes

[Sors]

Ibbażata fuq il-​mappa: Hurtigruten

[Stampa f’paġna 15]

Fi Troll Fjord, imdawrin bil-​qċaċet taʼ l-​Alpi

[Sors]

TO-FOTO AS, Harstad

[Stampi f’paġna 15]

Fil-​Gżejjer taʼ Lofoten jgħixu ħafna għasafar tal-​baħar fosthom il-​gawwija, il-​mus geddumu oħxon u l-​puffinu

[Stampa f’paġna 16]

Triq Nru. 1 tibda minn Bergen

[Stampa f’paġna 16]

Monument fiċ-​Ċirku Artiku

[Stampa f’paġna 16]

Ix-​Xemx taʼ Nofsillejl

[Sors]

TO-FOTO AS, Harstad

[Stampa f’paġna 16, 17]

Is-​Seven Sisters

[Sors]

Per Eide

[Stampa f’paġna 17]

Villaġġ mal-​kosta fid-​dlam tax-​xitwa

[Stampa f’paġna 17]

Awrora boreali

[Sors]

© TO-FOTO AS, Harstad

[Stampa f’paġna 17]

Il-​vjaġġ jintemm f’Kirkenes

[Sors]

Hallgeir Henriksen

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 13]

Nancy Bundt

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja