Il-Ħarsa tal-Bibbja
Hija l-Mibegħda Etnika Ġustifikata?
KIF tħossok kieku tkun taf li ħaddieħor jaħseb li inti persuna qarrieqa, vjolenti, stupida, jew immorali, sempliċement għax tagħmel parti minn ċertu grupp etniku?a Żgur li ma tiħux pjaċir. B’dispjaċir, din kienet l-esperjenza taʼ miljuni taʼ nies. Barra minn hekk, tul l-istorja nies innoċenti bla għadd ġew abbużati u saħansitra maqtulin, sempliċement minħabba r-razza jew in-nazzjonalità tagħhom. Tabilħaqq, il-biċċa l-kbira mill-konflitti mdemmijin li qed isiru llum il-ġurnata huma mqanqlin minn mibegħda etnika. Madankollu, ħafna li jieħdu sehem f’dan it-tip taʼ vjolenza, fl-istess ħin jgħidu li jemmnu f’Alla u fil-Bibbja. U hemm dawk li jistqarru li r-razziżmu se jibqaʼ magħna—bħala parti min-natura umana.
Tikkundanna l-Bibbja mibegħda etnika bħal din? Jeżistu xi ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-mibegħda għal dawk li huma taʼ kultura jew razza differenti? Hemm xi tama għal futur mingħajr mibegħda etnika? X’inhi l-ħarsa tal-Bibbja?
Ġudikati mill-Għemejjel Tagħhom
Ħarsa ħafifa lejn kif Alla mexa mal-bnedmin fl-imgħoddi tistaʼ twassal lil xi ħadd għal konklużjoni ħażina—jiġifieri, li fil-fatt Alla jappoġġa l-mibegħda etnika. Ma jpinġuhx lil Alla bħala esekutur taʼ tribujiet u nazzjonijiet sħaħ bosta mir-rakkonti tal-Bibbja? Iva, iżda ħarsa iktar bir-reqqa turi li Alla ġġudika lil dawk in-nies mhux minħabba l-isfond etniku tagħhom imma għax ma tawx kas tal-liġijiet Tiegħu.
Per eżempju, Alla Jehovah ikkundanna lill-Kangħanin minħabba r-ritwali sesswali u demoniċi mill-agħar tagħhom. Kienu saħansitra jaħarqu lil uliedhom bħala sagrifiċċju lil allat foloz! (Dewteronomju 7:5; 18:9-12) Madankollu, f’xi każi, ċerti Kangħanin urew fidi f’Alla u nidmu. Għalhekk, Jehovah ħelsilhom ħajjithom u berikhom. (Ġożwè 9:3, 25-27; Lhud 11:31) Mara Kangħanija, Raħab, saret saħansitra antenata tal-Messija mwiegħed, Ġesù Kristu.—Mattew 1:5.
Il-Liġi li Alla ta lill-Iżraelin uriet li hu m’huwiex parzjali. Għall-kuntrarju, hu juri interess ġenwin għall-bżonnijiet tan-nies kollha. F’Levitiku 19:33, 34, insibu dan il-kmandament ħanin li Alla ta lill-Iżraelin: “Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek il-barrani, la taħqrux. Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed taʼ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art taʼ l-Eġittu: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.” Nistgħu nsibu kmandamenti simili fil-kotba taʼ Eżodu u Dewteronomju. Bla dubju, Jehovah ma ġġustifikax il-mibegħda etnika. Hu insista li jkun hemm armonija bejn grupp etniku u ieħor.
Ġesù Ppromwova t-Tolleranza Etnika
Meta Ġesù kien fuq l-art, il-Lhud u s-Samaritani kellhom it-tendenza li jobogħdu lil xulxin. F’okkażjoni waħda, in-nies taʼ raħal fis-Samarija ma aċċettawx lil Ġesù, sempliċement għax hu kien Lhudi sejjer lejn Ġerusalemm. Kif kont taġixxi għal din it-tip taʼ ċaħda? Hemm mnejn li d-dixxipli taʼ Ġesù rriflettew il-preġudizzju li kien hemm dak iż-żmien meta staqsewh: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Luqa 9:51-56) Ħalla Ġesù l-attitudni preġudikata tad-dixxipli tiegħu tinfluwenzah? Għall-kuntrarju, hu ċanfarhom u bil-paċi fittex li jmorru joqogħdu ġo raħal ieħor. Ftit wara, Ġesù ta l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Din uriet biċ-ċar, li l-isfond etniku fih innifsu ma jagħmilx lil xi ħadd għadu. Fil-fatt, hemm mnejn li jkun proxxmu tajjeb!
Gruppi Etniċi fil-Kongregazzjoni Kristjana
Tul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù ffoka prinċipalment fuq li jagħmel dixxipli fost in-nies taʼ l-istess nazzjonalità tiegħu. Iżda hu indika li eventwalment oħrajn kienu se jsiru dixxipli tiegħu. (Mattew 28:19) Kienu se jiġu aċċettati persuni minn kull tip taʼ sfond etniku? Iva! L-appostlu Pietru stqarr: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) Iktar tard, l-appostlu Pawlu appoġġa dan il-ħsieb billi wera biċ-ċar li l-isfond etniku taʼ persuna ma kienx importanti fil-kongregazzjoni Kristjana.—Kolossin 3:11.
Indikazzjoni oħra li turi li Alla jaċċetta lin-nies minn kull grupp etniku huwa muri fil-ktieb Bibliku t’Apokalissi. F’viżjoni ispirata minn Alla, l-appostlu Ġwanni ra “kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien,” li rċivew is-salvazzjoni mingħand Alla. (Apokalissi 7:9, 10) Din il-“kotra kbira” se tkun il-pedament taʼ soċjetà umana ġdida fejn in-nies taʼ kull sfond se jkunu jistgħu jgħixu kollha flimkien b’mod paċifiku, magħqudin bl-imħabba li jkollhom lejn Alla.
Sadanittant, il-Kristjani għandhom jitrażżnu meta jkunu se jaqbdu jiġġudikaw lil oħrajn minħabba l-isfond etniku tagħhom. Meta nħarsu lejn in-nies bħala individwi, kif jarahom Alla, u mhux biss bħala membri taʼ grupp etniku, inkunu qegħdin nuru imparzjalità u mħabba. M’huwiex dan il-mod kif tixtieq titqies int? B’mod tant xieraq, Ġesù jwiddibna: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti.” (Mattew 7:12) Huwa pjaċevoli li tgħix ħajja mingħajr mibegħda etnika. Jirriżulta f’iktar paċi tal-moħħ u paċi maʼ oħrajn. Iktar importanti, iġibna f’armonija mal-Ħallieq imparzjali tagħna, Alla Jehovah. X’raġuni konvinċenti biex nirrifjutaw il-mibegħda etnika!
[Nota taʼ taħt]
a “Grupp etniku” kif użat f’dan l-artiklu jfisser nies li għandhom oriġini simili taʼ razza, nazzjon, tribù, jew kultura.