LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 9/8 pp. 8-11
  • It-Tmiem tal-Preġudizzju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Tmiem tal-Preġudizzju
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Motiv biex Negħlbu l-​Preġudizzju
  • Niġġieldu Kontra l-​Preġudizzju Llum
  • Għodda biex Niġġieldu l-​Preġudizzju
  • Jalla nkunu lkoll ħaġa waħda bħalma huma Ġeħova u Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Il-Preġudizzju—Ġejt Infettat?
    Stenbaħ!—2020
  • L-Għeruq tal-Preġudizzju
    Stenbaħ!—2004
  • Forom Differenti taʼ Preġudizzju
    Stenbaħ!—2004
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 9/8 pp. 8-11

It-​Tmiem tal-​Preġudizzju

NISTGĦU ninnotaw xi tendenzi taʼ preġudizzju ġewwa fina? Per eżempju, nibbażaw aħna l-​konklużjonijiet tagħna dwar il-​karattru taʼ xi ħadd fuq il-​kulur tal-​ġilda, in-​nazzjonalità, il-​grupp etniku, jew it-​tribù tiegħu​—avolja ma nafuhx? Jew kapaċi nqisu kull persuna għall-​kwalitajiet uniċi tagħha?

Fi żmien Ġesù, in-​nies li kienu jgħixu fil-​Lhudija u fil-​Galilija ġeneralment ‘ma kinux jitħalltu mas-​Samaritani.’ (Ġwanni 4:9) Mingħajr ebda dubju, proverbju mniżżel fit-​Talmud esprima s-​sentimenti taʼ ħafna Lhud: “Jalla qatt ma nara Samaritan b’għajnejja.”

Forsi anki l-​appostli taʼ Ġesù kellhom ftit preġudizzju kontra s-​Samaritani. F’okkażjoni minnhom ma ġewx milqugħin tajjeb f’raħal Samaritan. Ġakbu u Ġwanni staqsew jekk kellhomx isejħu lin-​nar biex jinżel mis-​sema u jeqred lin-​nies li ma wiġbux għall-​messaġġ. Permezz taċ-​ċanfira tiegħu, Ġesù wriehom li l-​attitudni tagħhom ma kinitx xierqa.​—Luqa 9:​52-56.

Iktar tard, Ġesù rrakkonta tixbiha dwar raġel li kien ġie attakkat mill-​ħallelin waqt il-​vjaġġ tiegħu minn Ġerusalemm għal Ġeriko. Għaddew żewġt irġiel reliġjużi, li kienu Lhud, imma m’għenux lir-​raġel. Madankollu, raġel Samaritan waqaf u nfaxxa l-​ġrieħi tar-​raġel. Imbagħad ħa ħsieb li xi ħadd idur bir-​raġel sakemm ifiq mill-​ġrieħi tiegħu. Dak is-​Samaritan wera li kien ġâr taʼ veru. (Luqa 10:​29-37) It-​tixbiha taʼ Ġesù forsi għenet lis-​semmiegħa tiegħu jirrealizzaw li l-​preġudizzju tagħhom ma ħallihomx jaraw il-​kwalitajiet tajbin f’oħrajn. Ftit snin wara, Ġwanni rritorna lejn is-​Samarija u ppriedka f’ħafna mill-​irħula tagħha​—forsi anki f’dak ir-​raħal li darba ried li jinqered.​—Atti 8:​14-17, 25.

L-appostlu Pietru wkoll kellu jaġixxi b’mod imparzjali meta anġlu dderiġieh biex jitkellem dwar Ġesù maʼ Kornelju, ċenturjun Ruman. Pietru ma kienx imdorri jagħmilha maʼ dawk li ma kinux Lhud, u l-​maġġuranza tal-​Lhud ma kinux jaħmluhom lis-​suldati Rumani. (Atti 10:28) Imma meta Pietru ra d-​direzzjoni t’Alla fil-​kwistjoni, hu qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.”​—Atti 10:​34, 35.

Il-​Motiv biex Negħlbu l-​Preġudizzju

Il-​preġudizzju jikser prinċipju fundamentali li għallem Ġesù: “Dak kollu li tridu li l-​bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.” (Mattew 7:​12) Min jixtieq li xi ħadd jobogħdu sempliċement minħabba l-​post fejn twieled, il-​kulur tal-​ġilda tiegħu, jew l-​isfond li jkun ġej minnu? Il-​preġudizzju jikser ukoll il-​livelli t’Alla dwar l-​imparzjalità. Il-​Bibbja tgħallem li “minn bniedem wieħed [Jehovah] għamel il-​ġens kollu tal-​bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-​art kollha.” (Atti 17:26) Għalhekk, il-​bnedmin kollha huma aħwa.

Iktar minn hekk, Alla jiġġudika kull persuna individwalment. Ma jikkundannax individwu għal dak li għamlu l-​ġenituri jew l-​antenati tiegħu. (Eżekjel 18:20; Rumani 2:6) Anki l-​oppressjoni minn nazzjon ieħor mhix raġuni valida biex tobgħod individwi minn dak in-​nazzjon, li x’aktarx m’għandhom l-​ebda tort għall-​inġustizzja. Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex ‘iħobbu lill-​għedewwa tagħhom, u jitolbu għal dawk li jippersegwitawhom.’—Mattew 5:​44, 45.

Grazzi għal dan it-​tagħlim, il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu ġew megħjunin biex jegħlbu l-​preġudizzji tagħhom u jsiru fratellanza internazzjonali unika. Huma sejħu lil xulxin u kkunsidraw lilhom infushom bħala aħwa, avolja kienu ġejjin minn ħafna kulturi differenti. (Kolossin 3:​9-11; Ġakbu 2:5; 4:​11) Il-​prinċipji li taw is-​saħħa lil din it-​trasformazzjoni jistgħu jġibu l-​istess benefiċċji llum.

Niġġieldu Kontra l-​Preġudizzju Llum

Kważi lkoll kemm aħna għandna ideat preġudikati, imma dawn m’hemmx għalfejn iwasslu għall-​preġudizzju. “Iġġudikar minn qabel isir preġudizzju biss jekk dak li jkun ma jbiddilx l-​opinjoni tiegħu meta jsir jaf il-​fatti,” jgħid il-​ktieb The Nature of Prejudice. Spiss, il-​preġudizzju jistaʼ jingħeleb meta n-​nies isiru jafu lil xulxin. Madankollu, l-​istess ktieb jgħid, “huwa biss it-​tip taʼ kuntatt li jwassal lin-​nies jagħmlu affarijiet flimkien li se jirriżulta f’bidla fl-​attitudnijiet.”

Dan huwa kif John, Niġerjan mit-​tribù Ibo, għeleb il-​preġudizzju tiegħu kontra n-​nies tat-​tribù Hausa. Hu jgħid: “Fl-​università ltqajt maʼ xi studenti mit-​tribù Hausa li saru ħbieb tiegħi, u skoprejt li kellhom prinċipji mill-​aħjar. Ħdimt maʼ student Hausa fuq proġett, u tgħidx kemm sirna ħbieb; filwaqt li dak li kont ħdimt miegħu qabel, li kien mit-​tribù Ibo, ma kienx jagħmel xogħlu sew.”

Għodda biex Niġġieldu l-​Preġudizzju

Skond ir-​rapport taʼ UNESCO Against Racism, “l-​edukazzjoni tistaʼ tkun għodda tajba fil-​battalja kontra forom ġodda taʼ razziżmu, diskriminazzjoni u esklużjoni.” Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jemmnu li edukazzjoni mill-​Bibbja hi verament l-​aqwa għajnuna f’dan ir-​rigward. (Isaija 48:​17, 18) Meta n-​nies japplikaw it-​tagħlim tagħha, ir-​rispett jieħu post is-​suspetti u l-​mibegħda tinqered bl-​imħabba.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah sabu li l-​Bibbja qed tgħinhom jegħlbu l-​preġudizzji tagħhom. Tabilħaqq, il-​Bibbja tagħtihom kemm il-​motivazzjoni u kemm l-​opportunità biex jieħdu sehem f’attivitajiet maʼ nies taʼ kulturi u oriġini etniċi differenti. Christina, li ssemmiet fl-​ewwel artiklu taʼ din is-​serje, hi waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Hi tgħid: “Il-​laqgħat tagħna fis-​Sala tas-​Saltna jibnuli l-​fiduċja fija nnifsi. Inħossni fis-​sigurtà hemmhekk għax ma nħossx li xi ħadd għandu preġudizzju lejja.”

Jasmin, li wkoll hija Xhud, tiftakar li esperjenzat ir-​razziżmu l-​ewwel darba fl-​età taʼ disaʼ snin. Hi tgħid: “Nhar taʼ Ħamis minn dejjem kienet l-​aħjar ġurnata fost il-​ġimgħa għalija, għax dakinhar fil-​għaxija mmur is-​Sala tas-​Saltna. Hemmhekk in-​nies juruni l-​imħabba. Iġagħluni nħossni speċjali minflok mibgħuda.”

Proġetti li jinvolvu l-​volontieri u li huma sponsorjati mix-​Xhieda taʼ Jehovah ukoll jgħaqqdu nies li ġejjin minn sfondi differenti. Simon twieled il-​Britannja, għalkemm il-​familja tiegħu mill-​Karibew. Hu ffaċċja ħafna preġudizzju meta kien jaħdem bħala bennej maʼ kumpaniji sekulari tal-​bini. Imma dan ma seħħx matul is-​snin li hu ħadem fuq proġetti bħala volontier maʼ ħutu fil-​fidi. “Jien ħdimt maʼ Xhieda oħra minn ħafna pajjiżi differenti,” jirrakkonta Simon, “imma tgħallimna naħdmu fil-​paċi flimkien. Xi wħud mill-​aqwa ħbieb tiegħi huma nies minn pajjiżi oħra u ġejjin minn sfondi differenti.”

M’għandniex xi ngħidu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma nies imperfetti. Għalhekk, forsi jridu jkomplu jiġġieldu kontra t-​tendenzi lejn il-​preġudizzju. Imma l-​fatt li jafu li Alla hu imparzjali jagħtihom inċentiv qawwi biex jagħmlu dan.​—Efesin 5:​1, 2.

Jekk niġġieldu l-​preġudizzju niġu premjati bil-​kbir. Hekk kif nagħmluha maʼ nies li ġejjin minn sfondi differenti, ħajjitna titjieb. Barra minn hekk, permezz tas-​Saltna tiegħu, Alla dalwaqt se jistabbilixxi soċjetà umana fejn se tgħammar il-​ġustizzja. (2 Pietru 3:​13) F’dak iż-​żmien il-​preġudizzju se jinqered darba għal dejjem.

[Kaxxa f’paġna 11]

Nuri Jien Preġudizzju?

Staqsi lilek innifsek dawn il-​mistoqsijiet li ġejjin biex tara jekk forsi mingħajr ma taf qed turi ċerti preġudizzji:

1. Nassumi jien li nies minn ċertu sfond etniku, reġjun, jew nazzjon għandhom kwalitajiet mhux mixtiqin, bħal li huma boloh, għażżenin, jew xħaħ? (Ħafna ċajt jikkaġuna dan it-​tip taʼ preġudizzju.)

2. Għandi t-​tendenza li nwaħħal fl-​immigranti jew f’nies minn grupp etniku differenti minħabba l-​problemi ekonomiċi jew soċjali tiegħi?

3. Ħallejt jien il-​mibegħda storika tar-​reġjun tiegħi kontra nazzjon ieħor iġġagħalni nħoss mibegħda lejn nies minn dan in-​nazzjon?

4. Kapaċi jien inħares lejn kulmin niltaqaʼ miegħu bħala individwu​—minkejja l-​kulur tal-​ġilda, il-​kultura, jew l-​isfond etniku tiegħu?

5. Nieħu gost bl-​opportunità li nsir naf persuni minn sfond kulturali differenti minn tiegħi? Nagħmel sforz biex nagħmel dan?

[Stampa f’paġna 8]

Fit-​tixbiha tiegħu dwar is-​Samaritan it-​tajjeb, Ġesù għallimna kif negħlbu l-​preġudizzju

[Stampa f’paġna 8]

Fid-​dar taʼ Kornelju, Pietru qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd”

[Stampa f’paġna 9]

It-​tagħlim tal-​Bibbja jgħaqqad lin-​nies li ġejjin minn sfondi differenti

[Stampa f’paġna 9]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jipprattikaw dak li jitgħallmu

[Stampa f’paġna 10]

Christina​—“Il-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna jibnuli l-​fiduċja fija nnifsi”

[Stampa f’paġna 10]

Jasmin​—“In-​nies juruni l-​imħabba. Iġagħluni nħossni speċjali minflok mibgħuda”

[Stampi f’paġna 10]

Simon, volontier fil-​bini​—“Tgħallimna naħdmu fil-​paċi flimkien”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja