LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 9/8 pp. 6-7
  • L-Għeruq tal-Preġudizzju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Għeruq tal-Preġudizzju
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kultivazzjoni taʼ l-​Injoranza
  • Negħlbu l-​Preġudizzju
  • Il-Preġudizzju—Ġejt Infettat?
    Stenbaħ!—2020
  • Forom Differenti taʼ Preġudizzju
    Stenbaħ!—2004
  • It-Tmiem tal-Preġudizzju
    Stenbaħ!—2004
  • Jalla nkunu lkoll ħaġa waħda bħalma huma Ġeħova u Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 9/8 pp. 6-7

L-​Għeruq tal-​Preġudizzju

IL-​PREĠUDIZZJU jistaʼ jkun ġej minn diversi raġunijiet. Minkejja dan, żewġ fatturi magħrufin sew huma (1) ix-​xewqa tan-​nies li jfittxu f’min se jwaħħlu u (2) ir-​riżentiment minħabba xi inġustizzji li jkunu saru fil-​passat.

Bħalma ġie nnotat fl-​artiklu taʼ qabel, meta jseħħ xi diżastru, in-​nies spiss ifittxu lil min jagħtu t-​tort. Meta nies prominenti jirrepetu akkuża kontra grupp tal-​minoranza din spiss tiġi aċċettata u jinbet il-​preġudizzju. Sabiex insemmu eżempju komuni, meta jkun hemm problemi ekonomiċi f’pajjiżi tal-​Punent, taʼ spiss it-​tort għal nuqqas taʼ xogħol jingħata lill-​ħaddiema immigranti​—avolja dawn spiss jieħdu impjiegi li n-​nies tal-​lokal jirrifjutaw.

Imma mhux il-​preġudizzju kollu jinbet għax in-​nies ikunu qed ifittxu f’min se jwaħħlu. Jistaʼ jkun ibbażat fuq l-​istorja. “Ma nkunux qed nesaġeraw jekk ngħidu li l-​bejgħ taʼ l-​ilsiera bena l-​qafas intelletwali tar-​razziżmu u l-​istmerrija kulturali lejn is-​suwed,” jinnota r-​rapport UNESCO Against Racism. Dawk li biegħu l-​ilsiera pprovaw jiġġustifikaw dan it-​traffikar taʼ bnedmin, li kien tant t’għajb, billi qalu li l-​Afrikani kienu inferjuri. Dan il-​preġudizzju bla raġuni, li iktar tard infirex u beda jinkludi lil popli li jgħixu fil-​kolonji, għadu jeżisti.

Madwar id-​dinja kollha, ġrajjiet simili tal-​passat t’oppressjoni u inġustizzja għadhom iżommu l-​preġudizzju ħaj. Il-​mibegħda bejn il-​Kattoliċi u l-​Protestanti fl-​Irlanda ilha għaddejja mis-​seklu 16, meta l-​mexxejja taʼ l-​Ingilterra ppersegwitaw u eżiljaw lill-​Kattoliċi. Matul il-​Kruċjati, l-​atroċitajiet li kkommettew dawk li suppost kienu Kristjani għadhom iqanqlu sentimenti qawwija fost il-​Musulmani fil-​Lvant Nofsani. L-​ostilità bejn is-​Serbi u l-​Kroati fil-​Balkani marret għall-​agħar minħabba l-​massakri taʼ pajżani matul it-​tieni gwerra dinjija. Bħalma juru dawn l-​eżempji, storja taʼ mibegħda bejn żewġ gruppi tistaʼ ssaħħaħ il-​preġudizzju.

Il-​Kultivazzjoni taʼ l-​Injoranza

Tifel żgħir ma jkollux preġudizzju f’qalbu. Anzi, studjużi jinnotaw li spiss it-​tfal huma lesti jilagħbu maʼ tfal taʼ razza oħra. Madankollu, sakemm jagħlaq 10 jew 11-il sena x’aktarx li hu se jibda jwarrab nies minn tribù, razza, jew reliġjon oħra. Matul is-​snin meta jkun qed jiżviluppa l-​karattru tiegħu, hu jikseb ħafna ideat t’oħrajn li jistgħu jdumu tul ħajtu kollha.

Kif jitgħallem dawn il-​lezzjonijiet? Tifel jikseb attitudnijiet negattivi​—kemm bil-​kliem u kemm bla kliem—l-​ewwel mill-​ġenituri tiegħu u mbagħad minn sħabu jew mill-​għalliema tiegħu. Iktar tard il-​ġirien, il-​gazzetti, ir-​radju, jew it-​televixin jistgħu jkomplu jinfluwenzawh. Għalkemm x’aktarx jaf ftit jew saħansitra ma jaf xejn dwar in-​nies li ma jaħmilx, sakemm isir adult, hu jikkonkludi li huma inferjuri u li ma tistax tafdahom. Forsi saħansitra jibda jobgħodhom.

Iż-żjieda fl-​ivvjaġġar u l-​kummerċ kabbret il-​kuntatt bejn kulturi u gruppi etniċi differenti f’ħafna pajjiżi. Minkejja dan, l-​individwu li jkun żviluppa preġudizzju qawwi spiss iżomm maʼ l-​opinjonijiet li diġà jkollu. Hu forsi jinsisti li jittimbra eluf jew saħansitra miljuni taʼ persuni, billi jassumi li kollha għandhom l-​istess kwalitajiet ħżiena. Kwalunkwe esperjenza negattiva, anki jekk tinvolvi persuna waħda minn dan il-​grupp, isservi biex issaħħaħ il-​preġudizzju tiegħu. Min-​naħa l-​oħra, esperjenzi pożittivi huma meqjusin bħala eċċezzjonijiet.

Negħlbu l-​Preġudizzju

Għalkemm il-​maġġuranza tan-​nies jgħidu li jikkundannaw il-​preġudizzju, ftit huma dawk li jaħarbu l-​effetti tiegħu. Fil-​fatt, uħud li huma preġudikati ħafna jinsistu li m’humiex. Oħrajn jgħidu li mhux importanti, speċjalment jekk in-​nies iżommu l-​preġudizzji tagħhom għalihom infushom. Madankollu, il-​preġudizzju għandu effett għax iweġġaʼ lin-​nies u jifridhom. Jekk il-​preġudizzju hu r-​riżultat taʼ l-​injoranza, il-​mibegħda hi taʼ spiss imqanqla mill-​preġudizzju. Il-​kittieb Charles Caleb Colton (1780?-1832) stqarr: “Aħna nobogħdu ċerti nies għax ma nafuhomx; u m’aħniex se nsiru nafuhom għax nobogħduhom.” Minkejja dan, jekk xi ħadd jistaʼ jitgħallem kif ikun preġudikat, jistaʼ jitgħallem ukoll biex ma jkunx. Kif?

[Kaxxa f’paġna 7]

Ir-​Reliġjon​—Tħeġġeġ lin-​Nies Ikunu Tolleranti jew Preġudikati?

Fil-​ktieb tiegħu The Nature of Prejudice, Gordon W. Allport jistqarr li “bħala medja, nies li huma membri tal-​Knisja donnhom huma iktar preġudikati minn dawk li m’humiex.” Din mhix sorpriża, għax ir-​reliġjon spiss kienet il-​kaġun tal-​preġudizzju minflok ir-​rimedju. Per eżempju, il-​kleru qanqal l-​anti-Semitiżmu għal sekli sħaħ. Skond A History of Christianity, Hitler darba stqarr: “Rigward il-​Lhud, jien qed inkompli bl-​istess proċedura li l-​knisja Kattolika ilha tuża għal 1500 sena.”

Matul l-​atroċitajiet fil-​Balkani, it-​tagħlim Ortodoss u Kattoliku, milli jidher, ma kienx kapaċi jġib tolleranza u rispett lejn il-​ġirien li kienu taʼ reliġjon differenti.

Bl-​istess mod, fl-​Irwanda, il-​membri tal-​knisja qatlu lil sħabhom fit-​twemmin. In-​National Catholic Reporter enfasizza li l-​ġlied hemmhekk involva “ġenoċidju reali li, sfortunatament, anki l-​Kattoliċi kienu responsabbli għalih.”

Il-​Knisja Kattolika nfisha għarfet l-​istorja tagħha taʼ intolleranza. Fis-​sena 2000, il-​Papa Ġwanni Pawlu II talab għall-​maħfra f’quddiesa pubblika f’Ruma għad-​“devjazzjonijiet tal-​passat.” Waqt iċ-​ċerimonja ssemmew speċifikament “l-​intolleranza reliġjuża u l-​inġustizzja kontra l-​Lhud, in-​nisa, in-​nies indiġeni, l-​immigranti, il-​foqra u t-​trabi mhux imweldin.”

[Stampa f’paġna 6]

Fuq: Kamp tar-​refuġjati, Bosnia u Ħerzegovìna, 20 t’Ottubru, 1995

Żewġ refuġjati Serbi mill-​Bosnia jistennew it-​tmiem tal-​gwerra ċivili

[Sors]

Ritratt minn Scott Peterson/Liaison

[Stampa f’paġna 7]

Mgħallem biex jobgħod

Tifel jistaʼ jitgħallem attitudnijiet negattivi mill-​ġenituri tiegħu, mit-​televixin, u minn sorsi oħra

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja