Il-Ħarsa tal-Bibbja
Stili Differenti taʼ Ħajja—Japprovahom Alla?
“META se nkun naf x’nippreferi sesswalment?” Hekk kitbet tfajla taʼ 13-il sena f’parti taʼ pubblikazzjoni li tagħti l-pariri lil adolexxenti. Il-mistoqsija tagħha tirrifletti l-attitudni taʼ ħafna li jħossu li n-nies huma ħielsa li jgħixu l-istil taʼ ħajja sesswali li jagħżlu huma.
Xi wħud jistgħu jkunu qegħdin ġenwinament jiġġieldu kontra konfużjoni dwar dak li jħossu sesswalment. Oħrajn tarahom jgħixu stili taʼ ħajja differenti, bħalma hi l-omosesswalità, mingħajr ħabi. Jerġaʼ oħrajn, bla mistħija taʼ xejn, jaġixxu u jilbsu bħal persuna tas-sess oppost. Xi wħud anki jagħmlu operazzjonijiet biex jibdlu s-sesswalità tagħhom. Saħansitra hemm min jgħid li l-adulti għandhom jitħallew ikollhom relazzjonijiet sesswali mat-tfal.
Huma l-prattiċi sesswali u l-għażla tas-sesswalità kwistjoni taʼ għażla persunali? X’tgħid il-Kelma t’Alla dwar dawn il-kwistjonijiet?
“Raġel u Mara Ħalaqhom”
Skond il-ktieb Bibliku tal-Ġenesi, Alla nnifsu ħalaq id-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa. Ir-rakkont jgħid: “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu . . . raġel u mara ħalaqhom. U berikhom Alla u qalilhom: ‘Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha.’”—Ġenesi 1:27, 28.
Alla ħalaq il-bnedmin b’rieda ħielsa u pprovdielhom opportunitajiet biex igawdu l-libertà tagħhom. (Salm 115:16) Waqt li l-bniedem ġie fdat bir-responsabbiltà li jieħu ħsieb il-ħlejjaq ħajjin l-oħra kollha fuq l-art, hu setaʼ wkoll jagħżel ismijiet addattati għalihom. (Ġenesi 2:19) Madankollu, fil-kwistjoni tas-sesswalità, Alla ta gwida preċiża.—Ġenesi 2:24.
Minħabba d-diżubbidjenza taʼ Adam, aħna lkoll writna l-imperfezzjoni. Minħabba f’hekk, ikollna niġġieldu kontra d-dgħjufijiet u x-xewqat qawwija li m’humiex fi qbil maʼ l-iskop oriġinali t’Alla. Għalhekk, fil-liġijiet li Alla ta permezz taʼ Mosè, hu speċifika liema prattiċi sesswali jobgħod—jiġifieri, l-adulterju, l-inċest, l-omosesswalità, u l-bestjalità. (Levitiku 18:6-23) Ukoll, Alla għamel projbizzjoni ċara li ebda persuna m’għandha tipprova tidher bħal membru tas-sess oppost għal skopijiet immorali. (Dewteronomju 22:5) Il-Bibbja dejjem tgħallem li l-unika relazzjoni sesswali approvata minn Alla hija maʼ membru tas-sess oppost fl-arranġament taż-żwieġ. (Ġenesi 20:1-5, 14; 39:7-9; Proverbji 5:15-19; Lhud 13:4) Huma dawn il-livelli raġunevoli?
F’Idejn Min Hi l-Għażla?
Il-Bibbja xxebbah il-pożizzjoni taʼ bniedem quddiem il-Ħallieq tiegħu maʼ tafal f’idejn il-fuħħari. Din tgħid: “Ja bniedem, int min int biex teħodha maʼ Alla? Forsi l-fuħħar jeħodha kontra l-ħaddiem u jgħidlu: ‘Għaliex għamiltni hekk?’” (Rumani 9:20) Jidher ċar mill-mod kif Alla għamel lill-irġiel u lin-nisa li hija xi ħaġa naturali għalihom li jkunu attratti lejn xulxin sesswalment. Għaldaqstant, attrazzjoni sesswali lejn membru taʼ l-istess sess, lejn annimal, jew lejn tifel jew tifla m’hijiex xi ħaġa naturali.—Rumani 1:26, 27, 32.
Għal din ir-raġuni, dawk li jgħixu skond inklinazzjonijiet sesswali li jmorru kontra n-natura jkunu qegħdin jisfidaw lil Alla. Il-Bibbja fiha dan il-parir: “Ħażin għal min jitlewwem maʼ Min għamlu; bħal xaqqufa maʼ min jaħdem it-tajn! Jaqaw jgħid it-tafal lill-fuħħari: ‘X’inti tagħmel?’” (Isaija 45:9) Żgur li hija xi ħaġa raġunevoli li l-Ħallieq tal-bnedmin jagħti direzzjonijiet dwar affarijiet sesswali. M’huwiex ukoll raġunevoli li l-bnedmin għandhom isegwu din id-direzzjoni?
Jieħu Pussess tar-Reċipjent Tiegħu
Il-kittieb tal-Bibbja, Pawlu, uża tixbiha simili meta ta gwida lill-Kristjani dwar l-imġiba sesswali. Hu qal: “Kull wieħed minnkom għandu jkun jaf kif jieħu pussess tar-reċipjent tiegħu fit-taqdis u fl-unur, mhux fl-aptit sesswali mxennaq bħalma għandhom ukoll dawk tal-ġnus li ma jafuhx lil Alla.” (1 Tessalonikin 4:4, 5, NW) Pawlu jqabbel il-ġisem taʼ bniedem maʼ reċipjent. Il-fatt li individwu jieħu pussess taʼ dan ir-reċipjent ifisser li jġib il-ħsibijiet u x-xewqat tiegħu fi qbil mal-liġijiet morali t’Alla.
Huwa minnu li dan għandu mnejn ma jkunx faċli. Xi ħadd li għadda minn abbuż sesswali meta kien żgħir, li kellu ġenituri jew lil xi ħadd li jieħu ħsiebu li tah eżempju żbaljat taʼ xi jfisser li tkun maskili jew femminili, jew xi ħadd li beda jara l-pornografija taʼ età żgħira jistaʼ bir-raġun ikollu d-diffikultajiet. Fatturi ġenetiċi, taʼ l-ormoni, u psikoloġiċi jistgħu wkoll iġagħlu lill-individwu jħoss xewqat sesswali żbaljati. Madankollu, huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li l-Ħallieq tagħna jistaʼ jipprovdi l-għajnuna u l-appoġġ lil dawk li għandhom bżonnu.—Salm 33:20; Lhud 4:16.
Ħalli lill-Fuħħari l-Kbir Jifformak
Il-biċċa fuħħar trid titqiegħed f’nofs ir-rota tal-fuħħari qabel ma jibda jaħdimha u jifformaha. Imbagħad, hekk kif ir-rota ddur, il-fuħħari bis-sengħa kollha jagħfasha bil-mod b’subgħajh sabiex jifforma t-tafal fil-forma li togħġbu. Qabel ma niġu fformati f’persuna li togħġob ’l Alla, irridu nġibu ħajjitna fi qbil mal-prinċipji u l-liġijiet tiegħu li jibqgħu għal dejjem. Ladarba nibdew nagħmlu l-isforz, Alla jibda jagħfasna fil-forma bil-mod il-mod permezz tal-Bibbja, l-ispirtu tiegħu, u l-fratellanza Kristjana. Imbagħad il-persuna tibda tħoss u tesperjenza l-interess persunali t’Alla f’ħajjitha.
M’għandniex xi ngħidu, irridu niżviluppaw fiduċja fl-għerf tal-Ħallieq, waqt li nkunu ċerti li hu jaf x’inhu l-aħjar għalina. Din il-fiduċja tinkiseb permezz tat-talb u l-istudju tal-Bibbja li jsir bil-ħerqa. Jekk xi ħadd jiffaċċja l-kwistjoni taʼ sentimenti sesswali mhux xierqa b’dan il-ħsieb f’moħħu, se jħalli lill-Ħallieq jifformah faċilment. L-ewwel Pietru 5:6, 7 jgħid: “Kunu mela umli taħt l-id setgħana taʼ Alla, biex hu jerfagħkom meta jkun il-waqt. Ixħtu fuqu l-ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.”
Jekk naqraw il-Bibbja regolarment se nsiru midħla taʼ ħafna qaddejja leali taʼ Alla li kellhom jitħabtu max-xewqat tal-ġisem imma li qatt ma qatgħu qalbhom. Kemm huma inkuraġġanti dawn l-eżempji! Nistgħu nħossu l-frustrazzjoni li kultant l-appostlu Pawlu ħass dwaru nnifsu meta qal: “Msejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” Madankollu, hu ggwidana lejn is-sors prinċipali taʼ l-għajnuna meta wieġeb il-mistoqsija tiegħu stess: “Niżżi ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu Sidna!”—Rumani 7:24, 25.
Qawwa biex Issir Bidla
Nistgħu wkoll nieħdu vantaġġ mill-ispirtu qaddis taʼ Alla. Dan huwa forza qawwija għal bidla. L-ispirtu qaddis jgħinna biex ‘ninżgħu l-bniedem il-qadim’ u ‘nilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.’ (Efesin 4:22-24) Missierna tas-sema kollu mħabba qatt ma jonqos milli jweġibna meta nitolbuh bis-sinċerità biex jagħtina l-ispirtu qaddis ħalli jgħinna nagħmlu din il-bidla. Ġesù żgurana li l-Missier se “jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu.” (Luqa 11:13) Madankollu, hemm bżonn li l-individwu jippersisti fit-talb kif jindika dan il-kliem: “Itolbu, u jingħatalkom.” (Mattew 7:7) Dan huwa speċjalment minnu meta l-individwu jkun irid jikkontrolla xewqat sesswali qawwija.
Alla jgħinna wkoll permezz tal-fratellanza Kristjana vera, li hija magħmula min-nies taʼ kull sfond. Xi wħud fil-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu f’Korintu qabel saru Kristjani kienu jaqgħu fil-kategorija taʼ l-“effemminati” u l-“omosesswali.” Madankollu, huma nbidlu. Id-demm taʼ Kristu naddafhom, u saru aċċettati minn Alla. (1 Korintin 6:9-11) Illum, xi wħud iridu jagħmlu l-istess bidliet. U dawn l-uħud jingħataw l-appoġġ tal-kongregazzjoni Kristjana fil-ġlieda tagħhom kontra x-xewqat li m’humiex xierqa.
Ifisser dan li meta xi ħadd isir Kristjan se jitfejjaq awtomatikament minn kull xewqa li mhix normali jew mill-fatt li jħossu mħawwad rigward is-sesswalità tiegħu? Mhux bilfors. Peress li xi wħud applikaw il-prinċipji tal-Bibbja b’mod persistenti huma setgħu jgħixu ħajja normali. Xorta waħda, dawn il-Kristjani taʼ spiss kellhom jum wara l-ieħor jiġġieldu kontra xewqat ħżiena. Għalhekk, uħud bħal dawn jaqdu lil Alla minkejja li jkollhom ‘xewka f’ġisimhom.’ (2 Korintin 12:7) Sakemm jibqgħu jiġġieldu kontra l-inklinazzjonijiet ħżiena u jżommu kondotta tajba, Alla jibqaʼ jarahom bħala qaddejja leali u nodfa f’għajnejh. Huma jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien fil-futur meta l-bnedmin kollha se “jkunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21.
Sadanittant, dawk kollha li jixtiequ jogħġbu lil Alla għandhom iżommu mal-livelli tajbin tiegħu. Il-Kristjani veri jagħżlu li jaqdu lil Alla—mhux li jsegwu l-inklinazzjonijiet egoistiċi tagħhom. Dawk li umilment jissottomettu ruħhom għar-rieda t’Alla f’kull aspett tal-ħajja se jkunu premjati b’ferħ dejjiemi u bl-hena.—Salm 128:1; Ġwanni 17:3.
[Kumment f’paġna 13]
Fil-kwistjoni tas-sesswalità, Alla ta gwida preċiża
[Kumment f’paġna 14]
Xi wħud fil-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu f’Korintu qabel saru Kristjani kienu “effemminati” u “omosesswali.” Madankollu, huma nbidlu
[Stampa f’paġna 15]
L-istudju tal-Bibbja jgħin lill-individwu jikkultiva livelli morali għoljin