Il-Ħarsa tal-Bibbja
Meta l-Maħbubin Tiegħek Ma Jkunux taʼ l-Istess Twemmin
SKOND kalkolu wieħed, fid-dinja hemm iktar minn 10,000 reliġjon u setta. F’pajjiż wieħed madwar 16 fil-mija mill-popolazzjoni adulta, xi darba f’ħajjitha, bidlet ir-reliġjon. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li jkun hemm nuqqas taʼ qbil dwar it-twemmin reliġjuż bejn il-qraba u l-ħbieb. Kultant dan jirriżulta f’relazzjonijiet mimlijin tensjoni. Għalhekk tqum il-mistoqsija, Kif għandhom il-Kristjani jittrattaw lill-maħbubin tagħhom li m’humiex taʼ l-istess twemmin?
Relazzjoni Speċjali
Per eżempju, ikkunsidra x’tgħid il-Bibbja dwar ir-relazzjoni speċjali bejn il-ġenituri u wliedhom. Il-kmand li nsibu f’Eżodu 20:12 biex ‘tweġġaħ lil missierek u lil ommok’ qatt ma jieqaf japplika. Fil-fatt, meta Ġesù tkellem dwar dan il-kmand, imniżżel f’Mattew 15:4-6, jidher ċar li kien qed jitkellem dwar l-unur li l-ulied adulti għandhom jagħtu lill-ġenituri tagħhom.
Il-ktieb Bibliku taʼ Proverbji jwissi kontra d-diżrispett lejn il-ġenituri taʼ dak li jkun. Proverbji 23:22 jagħtik il-parir biex ma “tmaqdarx ’l ommok meta tixjieħ.” Proverbji 19:26 iwissi li “min jgħakkes lil missieru u jkeċċi ’l barra ’l ommu, hu iben bla ġieħ u kollu għajb.”
Jidher ċar mill-Iskrittura li m’għandniex nittraskuraw lill-ġenituri tagħna. Il-fatt li l-ġenituri ma jaċċettawx ir-reliġjon tagħna ma jannullax ir-relazzjoni taʼ bejnietna. Dawn il-prinċipji tal-Bibbja japplikaw bl-istess mod għall-qraba u għall-imseħbin tagħna fiż-żwieġ. Jidher ċar li l-Kristjani jibqgħu obbligati moralment u Skritturalment biex iħobbu lil qrabathom.
Ir-Raġunevolezza Hija Vitali
M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja twissi kontra ħbiberija ħażina, u din l-influwenza tistaʼ tkun ġejja minn qraba immedjati taʼ l-individwu. (1 Korintin 15:33) Fil-passat, ħafna qaddejja leali t’Alla żammew maʼ dak li hu tajjeb avolja l-ġenituri tagħhom ma kinux jaqblu magħhom. Dan kien minnu tabilħaqq dwar ulied Koraħ. (Numri 16:32, 33; 26:10, 11) Il-Kristjani veri m’għandhomx jikkompromettu l-fidi tagħhom sabiex jogħġbu lil oħrajn, lanqas għal qrabathom.—Atti 5:29.
F’ċerti sitwazzjonijiet, xi ġenituri jew maħbubin oħra jopponu bl-aħrax it-twemmin tal-Kristjan. Xi wħud saħansitra jsiru għedewwa tal-Kristjanità vera. F’każijiet bħal dawn il-Kristjani jieħdu passi raġunevoli biex jipproteġu l-ispiritwalità tagħhom. Ġesù qal b’mod xieraq: “Il-bniedem ikollu n-nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu. Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi.”—Mattew 10:36, 37.
Madankollu, f’ħafna każijiet il-Kristjani ma jiffaċċjawx oppożizzjoni ħarxa mingħand il-maħbubin tagħhom. Il-qraba tagħhom sempliċement ma jifhmux it-tagħlim tal-Bibbja bl-istess mod. L-Iskrittura Mqaddsa tħeġġeġ lis-segwaċi taʼ Kristu biex jittrattaw lil dawk li ma jemmnux “bil-ħlewwa” u “bir-rispett.” (2 Timotju 2:25, 1 Pietru 3:16 [3:15, NW]) Il-Bibbja twissi b’mod xieraq: “Min hu qaddej tal-Mulej m’għandux joqgħod jitlewwem; imma għandu jkun ħlejju maʼ kulħadd.” (2 Timotju 2:24) Ukoll l-appostlu Pawlu ta l-parir lill-Kristjani “biex ma jkasbru ’l ħadd, jaħarbu t-tilwim, ikunu umli, jimxu bil-ħlewwa maʼ kulħadd.”—Titu 3:2.
Żomm Kuntatt u Esprimi Mħabbtek
Il-Kristjani jingħataw dan l-inkuraġġiment fl-1 Pietru 2:12: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-pagani [dawk li ma jemmnux] biex . . . jaraw sewwa l-għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-żjara tiegħu.” Taʼ spiss, il-maħbubin li ma jħaddnux l-istess twemmin jaraw il-bidliet li l-Bibbja għamlet f’ħajjitna. Ftakar li ħafna li kienu indifferenti jew saħansitra li kienu jopponu l-verità tal-Bibbja biddlu fehmithom. Forsi xi wħud damu ħafna snin josservaw il-kondotta tajba tas-sieħeb fiż-żwieġ jew taʼ wliedhom sabiex jinvestigaw ir-raġuni wara din il-kondotta. Jekk xi persuni ma jaċċettawx il-veritajiet tal-Bibbja, jalla ma jkunx minħabba li xi qarib Kristjan ikun traskurahom.
Huwa minnu li ċ-ċirkustanzi jvarjaw, u xi Xhieda Kristjani jgħixu ’l bogħod mill-ġenituri tagħhom. Forsi ma jkunx possibbli għalihom li jżuruhom kemm jixtiequ. Iżda kuntatt bl-ittri, bit-telefon, jew kuntatt regulari b’modi oħra se jiżgura lill-maħbubin tagħna li aħna nħobbuhom. Ħafna li m’humiex Kristjani jħobbu lill-ġenituri tagħhom u lil qrabathom oħrajn u jikkomunikaw magħhom regolarment minkejja d-differenza fit-twemmin tagħhom. M’għandhomx ix-Xhieda Kristjani jagħmlu l-istess?
[Stampa f’paġna 30]
Jekk iżżomm kuntatt mal-maħbubin tiegħek se tiżgurahom li tħobbhom