Ħarbu Minn Dilluvju!
Minn kittieb għal Stenbaħ! fl-Isvizzera
F’OTTUBRU taʼ l-2000, waslu rapporti minn partijiet differenti madwar id-dinja dwar għargħar. Il-ġnub tal-muntanji kienu mifqugħin bl-ilma minħabba x-xita abbundanti li niżlet, u spiċċa li kien hemm ħafna ħamrija u ġebel li niżel minn magħhom u saħansitra siġar sħaħ!
Id-distrett taʼ Valais fin-nofsinhar taʼ l-Isvizzera kien ilpost taʼ diżastru bħal dan. Ix-Xmara Rhône taqsam din il-parti taʼ l-art minn tulha. Din ix-xmara tgħaddi lejn il-punent tal-glaċieri tas-silġ taʼ Rhône fl-Alpi Ċentrali għal-Lag taʼ Ġinevra—madwar 170 kilometru ’l bogħod. L-ilma mill-muntanji fuq iż-żewġ naħat tax-xmara jgelgel fix-xmara permezz taʼ diversi nixxigħat taʼ daqs differenti. Ġeneralment, din is-sistema taħdem tajjeb. Iżda meta tagħmel ħafna xita din tgħatti l-parti kollha, u dan taʼ spiss iwassal għal diżastru.
Dan hu dak li ġara f’Gondo, li qiegħed mal-fruntiera taʼ l-Italja. Dan ir-raħal muntanjuż taʼ 150 abitant intlaqat minn valanga taʼ tajn u ġebel li qerdet parti kbira mir-raħal. Partijiet oħra taʼ Valais malajr intlaqtu mix-xita qalila. It-toroq u l-linji tal-ferrovija ġew imblokkati, u d-djar bdew jimtlew bit-tajn u l-ġebel. F’xi postijiet it-tajn għola sa erbaʼ metri. Waħda mara rat valanga taʼ tajn, għolja iktar minn tletin metru, iġġorr blat kbir u siġar weqfin lejn ir-raħal tagħha.
Markus u Tabitha, koppja miżżewġa, kienu qed joqogħdu f’Mörel meta sar id-diżastru. “Qomna ftit wara s-6:00 a.m. minħabba ħoss jirbombja u theżżiża,” jiftakar Markus. “Ħadt miegħi torċ biex ninvestiga, u bqajt ixxokkjat b’dak li rajt. Id-djar u l-pontijiet ġarrbu ħafna ħsarat minħabba l-mases taʼ blat, u kien hemm karozza li ġiet mixħuta fuq id-dar taʼ wieħed mill-ġirien. Iktar ’l isfel wieħed mill-ġirien u martu kienu maqbudin f’darhom. Għenthom jaħarbu ’l barra minn tieqa. Meta mort lura d-dar, jien u Tabitha kellna ċans niġbru ftit mill-affarijiet tagħna.”
Markus u Tabitha, li huma Xhieda taʼ Jehovah, sabu rifuġju maʼ sħabhom fit-twemmin barra miż-żona taʼ periklu. “Għalkemm ħrabna,” jgħid Markus, “Tabitha baqgħet tħoss ix-xokk taʼ dak li kien ġara għal ġranet sħaħ.” X’kien li għenha tissaporti din il-ġrajja trawmatika? “Il-kumpanija u l-għajnuna taʼ ħutna fil-fidi,” twieġeb Tabitha, u żżid: “U anki l-interess li wrew ħafna mill-ġirien tagħna.”
Markus u Tabitha ġew imfakkrin fi Proverbji 18:24, li jgħid, “ħabib tassew jintrabat miegħek aktar minn ħuk.” Kemm jistgħu jkunu prezzjużi ħbieb bħal dawn meta jkun hemm xi diżastru!
[Mappa f’paġna 24]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Il-parti li ġiet effettwata
Gondo
[Stampa f’paġna 24]
Markus u Tabitha
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 24]
Mise à disposition par www.crealp.ch