Kun Fil-ħin!
“PROBLEMA kronika fost id-diretturi hija li ma jkunux fil-ħin,” tirrapporta l-gazzetta USA Today. Billi tikkwota stħarriġ li sar fuq 2,700 direttur, iżżid, “minn 10 laqgħat jaslu tard għal sitta minnhom.”
Fid-dinja tan-negozju, meta persuna tasal tard tkun qed turi iktar milli nuqqas taʼ manjieri biss. Studju li sar fuq 81,000 applikant għal xogħol ikkonkluda: “It-telf taʼ ħin minħabba li persuna tasal tard u li mingħajr permess ma tmurx għax-xogħol huma l-problemi prinċipali għal telf kbir finanzjarju.” M’għandniex xi ngħidu, mhux fid-dinja tan-negozju biss hemm il-problema li wieħed ikun tard. Fi stħarriġ li sar fuq il-kapijiet taʼ l-iskejjel sekondarji, instab li “l-problema primarja u l-iktar frekwenti li kienet tingħata dixxiplina fuqha kienet għax l-istudenti ma jaslux fil-ħin.”
Il-Ħallieq tagħna kellu l-ħsieb għalina li nkunu konxji tal-ħin. Hu poġġa “ż-żewġ imnariet il-kbar”—ix-xemx u l-qamar—f’posthom sabiex jgħinuna nkejlu l-ħin. (Ġenesi 1:14-16) Illum il-ġurnata, hawn apparat modern li jippermettilna nkejlu l-ħin bil-minuti u bis-sekondi. Madankollu, minkejja t-teknoloġija, ħafna minna xorta nsibuha diffiċli biex inkunu fil-ħin—għax-xogħol, għall-iskola, jew għall-appuntamenti importanti oħra.
Hija l-problema neċessarjament għax ma jkollniex biżżejjed ħin? Bla dubju, ix-xogħol u l-familja jistgħu jirrikjedu ħafna ħin. Minkejja dan, waħda omm li taħdem jisimha Wanda Rosseland tgħid: “Waqaft ingerger li m’għandix biżżejjed ħin meta rrealizzajt li lkoll kemm aħna għandna 24 siegħa kuljum. Ħsibt dwarha u ddeċidejt li fid-dinja moderna tagħna, mhux m’għandniex biżżejjed ħin iżda għandna ħafna affarijiet xi jtellfuna.”
Ikkunsidra wkoll lil Renee,a omm taʼ ħamest itfal li hija waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Hi tiftakar: “Meta wliedi kienu żgħar, kienet sfida li llestihom għall-iskola u għal-laqgħat Kristjani. Madankollu, ma kelli l-ebda problema biex inkun fil-ħin. Iżda issa li kibru sew, żviluppajt il-vizzju ikrah li nkun tard.” Għandek int ukoll dan il-vizzju ikrah? Jekk iva, huwa possibbli li tinbidel! Dawn huma xi affarijiet li tistaʼ tagħmel.
● IKKUNSIDRA L-KONSEGWENZI. Il-vizzju li tkun tard jistaʼ jidher bħala problema żgħira. Iżda ikkunsidra l-kliem tal-Bibbja: “Bħalma d-dubbien mejjet initten il-fwieħa fil-vażett, hekk il-fama kbira taʼ l-għaref tgħarraqha ftit tal-bluha.” (Koħèlet 10:1) Iva, “ftit tal-bluha” bħalma hi murija f’nuqqas taʼ konsiderazzjoni lejn oħrajn tistaʼ tħassar ir-reputazzjoni tiegħek maʼ għalliem fl-iskola jew mgħallem fuq ix-xogħol.
Waqt li kienet qiegħda tieħu xi korsijiet f’kulleġġ tal-post, waħda mara jisimha Marie nnotat li xi ftit minn sħabha tal-klassi “ma kienx jimpurtahom mill-ħin,” u taʼ spiss kienu jaslu tard fil-klassi. “Iżda malajr kellhom jinbidlu,” tgħid hi. “Tnejn mill-għalliema kienu pittmi fil-ħin. Għalhekk, jekk xi studenti kienu jkunu kemm kemm tard, kienu jiġu mmarkati bħala assenti. U l-fatt li kienu jitniżżlu diversi drabi bħala li fallew kien jirriżulta f’marki baxxi.”
Il-vizzju li tasal tard jistaʼ wkoll iħassar ir-reputazzjoni tiegħek kemm mal-ħbieb kif ukoll maʼ sħabek. Raġel taʼ mezz’età jismu Joseph jiftakar lil sieħbu Kristjan li kien jafu snin ilu. Għalkemm dan ir-raġel kien rispettat għall-abbiltajiet tiegħu bħala għalliem, hu kellu nuqqas imbarazzanti. “Kien dejjem tard,” jiftakar Joseph. “Jiġifieri kien tard għal kollox! U donnu li qatt ma kien jinkwieta dwar dan. Xi wħud kienu jiċċajtaw dwar l-ittardjar tiegħu.” Bdew in-nies jirreferu għalik bħala dak ix-xi ħadd li dejjem jasal tard? Jekk inhu hekk, jistgħu jibdew faċilment jinjoraw il-kwalitajiet tajbin tiegħek.
● IKKUNSIDRA LIL OĦRAJN. Meta xi ħadd jasal tard ikun pastaż u anki jtellef lil oħrajn. U tistaʼ tagħti l-impressjoni li għandek attitudni superjuri. Billi spjega għala ħafna diretturi tan-negozji għandhom it-tendenza li jkunu tard għal-laqgħat, wieħed negozjant ammetta: “Il-biċċa l-kbira minna aħna sempliċement arroganti.” Għall-kuntrarju, il-Kristjani jqisu lil oħrajn li huma superjuri minnhom. (Filippin 2:3) Huma japplikaw ukoll ir-Regola tad-Deheb u jittrattaw lil xulxin bħalma jixtiequ jiġu trattati. (Mattew 7:12) Ma tirritax ruħek meta jkollok tistenna lil xi ħadd? Għalhekk, tħallix lil ħaddieħor jistenniek.
● TGĦALLEM KIF TQASSAM IL-ĦIN. Għandek int il-vizzju li titnikker u tagħmel kollox taʼ malajr fl-aħħar ħin? Tippjana int li jkollok ħafna affarijiet x’tagħmel f’daqqa u tipprova tagħmilhom fi ftit ħin? Il-prinċipju taʼ Koħèlet 3:1 jistaʼ jkun taʼ għajnuna: “Kollox għandu żmienu.” Li jkollok iż-‘żmien’ għall-affarijiet jgħinek biex tagħmilhom bl-ordni.
L-ewwel, niżżel l-affarijiet kollha li għandek bżonn tagħmel. Imbagħad, segwi l-prinċipju mniżżel f’Filippin 1:10: ‘Agħrfu agħżlu l-aħjar.’ Iva, agħmel il-prijoritajiet. X’hemm bżonn li jsir bilfors? X’inhuma xi affarijiet li jistgħu jsiru iktar tard mingħajr problema? Fl-aħħar, ipprova ara kemm għandek bżonn ħin biex tlesti ċerti affarijiet u meta tistaʼ tagħmilhom. Kun realistiku, u evita li tippjana biex tagħmel ħafna affarijiet fi ftit wisq ħin.
Mara jisimha Dorothy tfaħħar lill-ġenituri tagħha talli għallmuha biex tkun puntwali. Hi tirrakkonta: “Jekk kellna nkunu għal-laqgħa fis-7:30 p.m., ommi kienet tibda tlestina siegħa u tliet kwarti qabel. Kellu jkollna ħin biżżejjed biex nieklu, naħslu l-platti, nilbsu, u nivvjaġġaw għal-laqgħa. Saret parti normali minn ħajjitna li nkunu fil-ħin.” Xi drabi jgħin ukoll li tħalli l-ħin għal dak li jistaʼ jinqalaʼ. Dorothy tiftakar: “Dan l-aħħar kelli ngħaddi għal xi wħud biex immorru l-laqgħa. Aħna u sejrin kelli panċer. Irnexxieli nsewwih u xorta mort għall-aħwa fil-ħin. Jien dejjem nipprova nħalli ħin għal dak li jistaʼ jinqalagħlha l-karozza jew għat-traffiku li nistaʼ nsib.”
● ĦU SUĠĠERIMENTI MINGĦAND OĦRAJN. Fi Proverbji 27:17, il-Bibbja tgħid: “Kif il-ħadid isinn il-ħadid, hekk bniedem jirfina lil sieħbu.” Fi qbil maʼ dan il-prinċipju, tkellem maʼ oħrajn li ċ-ċirkustanzi tagħhom huma simili għal tiegħek—iżda li jirnexxilhom ikunu fil-ħin. Taʼ spiss jistgħu jkollhom għadd taʼ suġġerimenti tajbin.
Renee, li ssemmiet iktar kmieni, hija determinata li taqtaʼ l-vizzju tagħha li tkun tard. Hi tgħid: “Dan l-aħħar iddeċidejt li mmur għall-aħjar. Għalkemm dan ma kienx faċli, qed nagħmel ftit progress.” Anki int tistaʼ. B’attitudni xierqa u bi sforz, tistaʼ titgħallem biex tkun fil-ħin!
[Nota taʼ taħt]
a Xi wħud mill-ismijiet ġew mibdulin.
[Stampi f’paġna 16]
Il-vizzju li tkun dejjem tard jistaʼ jagħti impressjoni ħażina lill-imgħallem u juri nuqqas taʼ konsiderazzjoni għal oħrajn
[Stampa f’paġna 17]
Organizzar persunali tajjeb jistaʼ jgħinek ma taħlix ħin