“Ftakar f’Min Ħalqek”
“Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek qabel ma jaslu jiem in-niket, u joqorbu s-snin li tgħid għalihom: ‘Xejn ma jogħġbuni.’”—Koħèlet 12:1.
IS-SILTA mill-Bibbja t’hawn fuq iġġiegħel lil dak li jkun joqgħod jaħseb. Darba biss ikollok l-opportunità li tkun żagħżugħ. Iktar tard f’ħajtek, se ġġib quddiem għajnejk is-snin meta kont adoloxxenti u, jew se tħossok ferħan u sodisfatt jew tħossok imnikket u sogħbien. Kif se tkun is-sitwazzjoni tiegħek? Kif jistaʼ jkollok riżultati tajbin?
“Ftakar f’min ħalqek,” tħeġġeġ il-Bibbja, bħalma ġie kwotat fil-bidu. Kif tistaʼ tagħmel dan? Billi tkun leali lejn il-liġijiet u l-prinċipji t’Alla li huma mniżżlin fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Dan żgur ma jfissirx li int tgħix xi ħajja riġida taʼ fanatiżmu reliġjuż u ċċaħħad lilek nnifsek minn kull pjaċir. Għall-kuntrarju, li tiftakar f’min ħalqek iwasslek biex ikollok l-akbar hena possibbli. Dan kif jistaʼ jkun?
Bħala eżempju, immaġina li xi ħadd tak karozza u l-liċenzja biex issuq. Quddiemek għandek libertà ġdida, li tistaʼ tagħtik ħafna pjaċir. Aħseb ftit dwar kemm postijiet tistaʼ tmur bil-karozza! Iżda l-libertà ġdida li sibt iġġorr magħha responsabbiltà serja. Fis-sewqan trid tobdi r-regoli tat-traffiku u trid toqgħod attent għas-sinjali fuq it-tabelli, li ma taqbiżx il-limitu tal-veloċità, u għal sinjali oħrajn taʼ twissija. Ittellfek din ir-responsabbiltà milli tieħu pjaċir issuq? Xejn affattu! Fil-fatt isservi taʼ protezzjoni. Ċertament li ma tiħux gost li jkollok xi aċċident, hux tassew?
Hekk ukoll il-libertà li tak il-Ħallieq tiegħek, Alla Jehovah. Waqt li tkun qed tikber biex issir adult, iħallik tagħżel kif trid tuża ħajtek. (Dewteronomju 30:19; Proverbji 27:11) Xi privileġġ straordinarju dan! Imma din il-libertà ġġorr magħha responsabbiltà serja. Fil-Kelma tiegħu, Jehovah stabbilixxa ‘regoli’ bħal fis-sewqan; dawn huma livelli li jridek timxi magħhom. Ifixklu dawn il-livelli l-kuntentizza tiegħek? Xejn affattu! Anzi, dawn jipproteġuk mill-qsim il-qalb u l-uġigħ li jħossu ħafna żgħażagħ illum.
Federico, li issa għandu iktar minn 30 sena, jaf li dan li għedna hu minnu. Bħala żagħżugħ, kien jara lil sħabu taʼ l-iskola jinvolvu ruħhom f’kull xorta t’attivitajiet li hu kien jaf li għandu jaħrab minnhom. Hu jgħid, “Kienu jidhru li qed jieħdu gost, imma qatt ma ħsibt li kienu verament henjin.” Meta joqgħod jiftakar, Federico ferħan li kellu l-livelli tal-Bibbja biex jiggwidawh matul l-adoloxxenza. “M’għandniex xi ngħidu, kelli nissara mal-problemi, bħal kwalunkwe żagħżugħ ieħor,” jgħid hu. “Imma l-Bibbja tassew ipproteġietni. U dejjem sibt xi Kristjan ieħor lest li jgħinni. Il-fatt li segwejt il-prinċipji tal-Bibbja ġabli kuntentizza akbar milli qatt kont nistaʼ nimmaġina!”
Alla Jehovah iridek tkun hieni—verament hieni. Dan jinvolvi ħafna iktar minn dehra artifiċjali taʼ pjaċir li hi sempliċement maskra li taħbi l-miżerja tal-qalb. Il-Bibbja tgħid: “Thenna, o żagħżugħ, fir-rebbiegħa taʼ ħajtek, u ħa tkun ferħana qalbek f’jiem żgħożitek.” Imma l-istess vers tal-Bibbja jżid din it-twissija: “Iżda kun af li taʼ dan kollu jitolbok kont Alla fil-ħaqq tiegħu.”—Koħèlet 11:9.
Ftakar fil-Ħallieq tiegħek billi tagħmel użu tajjeb mil-libertà li tak. Jekk tagħmel hekk, tistaʼ tibqaʼ ċert li l-Ħallieq tiegħek jiftakar fik u jagħtik l-akbar kuntentizza possibbli. Il-Bibbja tgħid: “Il-barka tal-Mulej iġġib l-għana, u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.”—Proverbji 10:22.
Biex jgħinu liż-żgħażagħ ikampaw mal-provi taʼ l-adoloxxenza, ix-Xhieda taʼ Jehovah ippubblikaw ktieb taʼ 320 paġna li jismu Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom. Sa llum ġew stampati 34 miljun kopja taʼ dan il-ktieb f’77 lingwa. Int tistaʼ tikseb kopja billi tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah fl-akkwati tiegħek.
[Stampi f’paġna 8, 9]
Biex Jgħinek Tirnexxi Bħala Adoloxxenti
Sib ħin biex taqra l-Kelma t’Alla
Stinka fil-ministeru
Evita kumpanija ħażina
Żomm komunikazzjoni mill-qrib mal-ġenituri tiegħek
[Sors]
Il-qoxra tal-browxer: Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.