Hija l-Bibbja Restrittiva Żżejjed?
“META kont żgħir, ma ġejtx mgħallem il-livelli tal-Bibbja. Alla lanqas qatt ma kien jissemma,” jirrakkonta żagħżugħ mill-Finlandja. Trobbija bħal din hija komuni llum. Ħafna, speċjalment iż-żgħażagħ, jikkunsidraw il-Bibbja bħala li hi antikwata ħafna u li l-pariri tagħha huma restrittivi żżejjed. Dawk li jridu jsegwu l-Bibbja huma kunsidrati minn oħrajn bħala nies maħqurin li ħajjithom hija mtaqqla bi projbizzjonijiet u kmandamenti. B’hekk, ħafna jħossu li jkun aħjar jekk iħallu l-Bibbja fuq l-ixkaffa u jfittxu għall-gwida xi mkien ieħor.
Waħda mill-akbar raġunijiet għala ħafna waslu biex iqisu l-Bibbja b’dan il-mod hija minħabba l-istorja twila taʼ moħqrija mill-knejjes tal-Kristjaneżmu. Per eżempju, matul il-perijodu li xi studjużi jsejħulu ż-Żminijiet tad-Dlam, il-Knisja Kattolika fl-Ewropa ddominat kważi kull aspett tal-ħajja tan-nies. Kulmin kien jissogra ma jaqbilx mal-knisja kien f’riskju li jiġi torturat jew saħansitra maqtul. Il-knejjes Protestanti, li żviluppaw iktar tard, ukoll għamlu restrizzjonijiet fuq il-libertà persunali. Illum, termini bħal “Kalvinista” jew “Puritan” ifakkru lil dak li jkun mhux biss fis-segwaċi taʼ ċertu twemmin imma fid-dixxiplina ħarxa assoċjata maʼ dawn il-gruppi. Għalhekk, minħabba li l-knejjes kienu oppressivi, in-nies jaslu għall-konklużjoni żbaljata li t-tagħlim tal-Bibbja bilfors hu oppressiv.
F’sekli reċenti, il-knejjes tilfu ħafna mill-influwenza li kellhom fuq il-ħajjiet tan-nies, almenu f’ċerti pajjiżi. Wara li ċaħdu d-duttrina komuni tal-knejjes, ħafna żviluppaw it-twemmin li n-nies għandhom id-dritt jagħżlu huma stess x’inhu tajjeb u ħażin. B’liema riżultat? Ahti Laitinen, professur tal-kriminoloġija u s-soċjoloġija ġudizzjarja, jispjega: “Ir-rispett għall-awtorità naqas, u l-fehma tan-nies dwar dak li hu aċċettabbli u dak li m’huwiex qed issir iktar u iktar imċajpra.” Ironikament, anki xi mexxejja reliġjużi adottaw dan il-mod taʼ ħsieb. Isqof Luteran li hu prominenti qal: “Ma naqbilx maʼ l-opinjoni li mistoqsijiet morali għandhom jiġu mweġbin bl-għajnuna tal-Bibbja jew minn xi awtorità reliġjuża.”
Hija l-Libertà Assoluta taʼ Min Jixtieqha?
L-idea taʼ libertà assoluta forsi ddoqq għal widnejn in-nies, speċjalment għaż-żgħażagħ. Ma tantx hemm min jieħu pjaċir jiġi trattat bħallikieku m’huwiex intelliġenti biżżejjed jew jgħix fi qbil maʼ lista taʼ x’għandu jagħmel u ma jagħmilx. Madankollu, għandu kulħadd ikun ħieles biex jagħmel dak li jrid? Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija, ikkunsidra tixbiha. Immaġina belt mingħajr regoli tat-traffiku, fejn m’hemmx bżonn taʼ liċenzji jew eżami tas-sewqan. In-nies jistgħu jsuqu kif iridu, anki meta jkunu fis-sakra. M’għandhomx għalfejn jinkwetaw dwar il-limiti tal-veloċità, is-sinjali biex jieqfu, it-traffic lights, it-toroq li tistaʼ ssuq fihom minn direzzjoni waħda biss, jew iż-zebra crossings. Hija “libertà” bħal din taʼ min jixtieqha? Dażgur li le! Ir-riżultat ikun kaos, konfużjoni, u diżastru. Għalkemm ir-regoli tat-traffiku jillimitaw il-libertà tan-nies, aħna nifhmu li dawn il-liġijiet jipproteġu lis-sewwieqa kif ukoll lil dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi.
B’mod simili, Ġeħova jagħti direzzjoni dwar kif għandna ngħixu. Dan hu taʼ benefiċċju għalina. Mingħajr din il-gwida, aħna kieku jkollna nitgħallmu mill-iżbalji, u minħabba dan, nistgħu nispiċċaw biex inweġġgħu lilna nfusna u lil oħrajn. Bħalma s-sewqan f’belt mingħajr regoli tat-traffiku m’huwiex taʼ min jixtiequ, u jistaʼ jkun taʼ periklu, l-istess nistgħu ngħidu għal atmosfera taʼ taħwid morali. Il-verità hi li aħna għandna bżonn ċerti regoli u liġijiet—fatt li l-maġġuranza min-nies huma lesti li jammettu.
“It-Tagħbija Tiegħi Ħafifa”
Ir-regoli tat-traffiku jistgħu jkunu lista twila u dettaljata taʼ regoli—f’xi postijiet anki l-lista tar-regolamenti għall-parkeġġ hija tassew kbira. B’kuntrast, il-Bibbja ma tagħtix lista twila taʼ regoli. Minflok, din tagħti prinċipji bażiċi, u dawn m’humiex tqal jew oppressivi. Ġesù Kristu għamel stedina sabiħa lil dawk taʼ żmienu: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mattew 11:28, 30) F’ittra lill-kongregazzjoni Kristjana f’Korintu, l-appostlu Pawlu kiteb: “Fejn hemm l-ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-libertà.”—2 Korintin 3:17.
Madankollu, il-libertà m’hijiex bla limiti. Ġesù wera b’mod ċar li dak li jirrikjedi Alla jinkludi xi kmandamenti sempliċi. Per eżempju, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.” (Ġwanni 15:12) Immaġina kif tkun il-ħajja li kieku kulħadd japplika dan il-kmandament! Għalhekk, il-libertà li jgawdu l-Kristjani m’hijiex bla limiti. L-appostlu Pietru kiteb: “Kunu bħal nies ħelsin, iżda żżommux il-libertà tagħkom bħala għata għall-ħażen, imma bħala lsiera t’Alla.”—1 Pietru 2:16.
B’hekk, avolja l-Kristjani m’humiex marbutin b’lista dettaljata taʼ liġijiet, huma ma jaġixxux fi qbil maʼ l-ideat tagħhom stess dwar x’inhu tajjeb u ħażin. Il-bnedmin għandhom bżonn il-gwida li Alla biss jistaʼ jagħtihom. Il-Bibbja b’mod ċar tgħid: “Anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Jekk nobdu d-direzzjoni t’Alla, se nibbenefikaw bil-kbir.—Salm 19:12 (19:11, NW).
Wieħed mill-benefiċċji hu l-ferħ. Per eżempju, iż-żagħżugħ li semmejna fil-bidu kien ħalliel u giddieb. Kien ukoll jgħix ħajja immorali. Meta tgħallem il-livelli għoljin tal-Bibbja, hu biddel il-mod taʼ ħajja tiegħu biex iġibha fi qbil magħhom. “Għalkemm ma stajtx insegwi l-livelli Bibliċi kollha f’daqqa,” jgħid hu, “fhimt kemm huma taʼ valur. Il-ħajja li kont ngħix qabel ma pproduċietx il-ferħ li ngawdi issa. Ħajtek issir iktar sempliċi meta tgħix skond il-livelli tal-Bibbja. Tkun taf f’liema direzzjoni sejra ħajtek u dak li hu tajjeb u ħażin.”
Miljuni taʼ persuni kellhom esperjenza simili. Fost affarijiet oħra, il-gwida li tinsab fil-Bibbja għenithom igawdu relazzjonijiet aħjar m’oħrajn, jikkultivaw ħarsa bilanċjata lejn ix-xogħol, iżommu lura minn drawwiet li huma taʼ ħsara, u b’hekk jgħixu ħajja iktar hienja. Markus,a żagħżugħ li għex kemm fi qbil mal-livelli Bibliċi u kemm mingħajrhom, jgħid dan dwar ħajtu: “Minħabba li qed ngħix fi qbil mal-Bibbja, irnexxieli nżid ir-rispett tiegħi lejja nnifsi.”b
X’Inhi l-Għażla Tiegħek?
Għalhekk, hija l-Bibbja restrittiva? Ir-risposta hija iva—għall-benefiċċju tagħna lkoll. Imma hija l-Bibbja restrittiva żżejjed? Ir-risposta hija le. Il-libertà assoluta twassal biss għal diffikultajiet. Il-livelli tal-Bibbja huma bilanċjati, u jżommuna b’saħħitna u ferħanin. Markus jgħid: “Iż-żmien wera kemm hu għaqli li napplika l-Kelma t’Alla fil-ħajja. Għalkemm f’ħafna modi ħajti hija differenti minn dik tan-nies in ġenerali, qatt m’għaddieli minn moħħi li tlift xi ħaġa taʼ siwi fil-ħajja.”
Meta tibda tesperjenza l-barkiet li jiġu minn ħajja li hija fi qbil mal-livelli Bibliċi, l-apprezzament tiegħek għall-Kelma t’Alla se jiżdied. Dan se jwassal għal barka saħansitra akbar—se ssir tħobb lis-Sors divin tagħha, Alla Ġeħova. “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 Ġwanni 5:3.
Ġeħova hu kemm il-Ħallieq tagħna u kemm Missierna tas-sema. Hu jaf x’inhu l-aħjar għalina. Minflok ma jagħmlilna ħafna restrizzjonijiet, hu jagħtina direzzjoni kollha mħabba għall-benefiċċju tagħna. B’lingwa poetika Ġeħova jħeġġiġna: “Li kieku [tagħti] widen għall-kmandamenti tiegħi, . . . ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.”—Isaija 48:18.
[Noti taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.
b Għal iktar informazzjoni dwar il-mod taʼ ħajja li tinkuraġġixxi l-Bibbja, ara kapitlu 12 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 9]
Ġesù qal li dak li Alla jirrikjedi minna jġib serħan
[Stampa f’paġna 10]
Ubbidjenza għad-direzzjoni t’Alla ġġib il-ferħ u tgħinna nirrispettaw lilna nfusna