Ħarsa Lejn id-Dinja
Sħab u Ljunfanti
Kemm tiżen sħaba? Kumulu wieħed taʼ sħab fih madwar 550 tunnellata ilma, jirrapporta l-ABC News. “Jew jekk tixtieq tibdel dan f’xi ħaġa li tistaʼ tifhimha aħjar . . . . aħseb dwar l-iljunfanti,” tgħid il-meteorologa Peggy LeMone. Jekk nassumu li ljunfant jiżen madwar sitt tunnellati, mela l-ilma f’kumulu wieħed taʼ sħab jistaʼ jiżen madwar 100 iljunfant. Dak l-ilma kollu hu mdendel fl-atmosfera bħal qtar żgħir li jżomm fuq l-arja sħuna li titlaʼ mill-art. B’kuntrast maʼ kumulu taʼ sħab qisu tajjar, sħaba kbira taʼ tempesta tistaʼ żżomm ilma li jiżen daqs 200,000 iljunfant. Xi ngħidu għal uragan? LeMone kkalkulat it-toqol taʼ l-ilma f’metru kubu taʼ sħaba t’uragan u mmultiplikat din il-figura bil-volum totali taʼ l-uragan. Ir-riżultat? Piż ekwivalenti għal erbgħin miljun iljunfant. “Dan ifisser li l-ilma f’uragan wieħed jiżen iktar mill-iljunfanti kollha taʼ fuq il-pjaneta,” jgħid ir-rapport, “forsi iktar mill-iljunfanti kollha li qatt għexu.”
Meta Għandek Taħsel Snienek
Meta taħsel snienek eżatt wara li tkun xrobt jew kilt xi ħaġa aċiduża tistaʼ tagħmel ħsara lill-enamel, tgħid il-gazzetta Milenio mill-Belt tal-Messiku. F’rapport dwar studju li sar fl-Università Ġermaniża taʼ Göttingen, il-gazzetta twissi li ikel aċiduż “idgħajjef temporanjament l-enamel tas-snien.” Għalhekk, li wieħed jaħsel snienu eżattament wara l-ikel jistaʼ jkun taʼ ħsara. Minflok, “ikun tajjeb li tistenna ftit minuti sabiex is-snien jerġgħu jiksbu saħħithom.”
Żomm iċ-Chopping Board Nadifa!
Liema hi l-iktar bla perikli—chopping board taʼ l-injam jew tal-plastik? “It-tnejn li huma tajbin dment li żżommhom nodfa ħafna,” tgħid il-UC Berkeley Wellness Letter. “Kemm jekk tuża chopping board taʼ l-injam jew tal-plastik biex tqattaʼ l-laħam u t-tjur nejjin, wara ogħrok sew il-board bil-misħun u bis-sapun.” Jekk il-board għandha xi qsim jew imċappsa bix-xaħam, oqgħod iktar attent biex tnaddafha sew. “Tistaʼ tiddiżinfetta l-board billi tlaħlaħha bil-bliċ imħallat bl-ilma (kuċċarina bliċ maʼ litru ilma),” tgħid il-Wellness Letter. Bl-istess mod, għandek taħsel u tixxotta idejk u s-skieken sew.
It-Televixin —“Droga Qawwija”
Il-gazzetta Spanjola La Vanguardia tirrapporta li t-tfal li jaraw it-televixin għal iktar minn sagħtejn kuljum ma jmorrux daqstant tajjeb fl-iskola. Għalkemm jemmen li t-televixin jistaʼ jkun għodda t’edukazzjoni effettiva, il-pedjatra Francisco Muñoz jenfasizza l-effetti ħżiena tat-televixin. Muñoz jemmen li r-riżultat għal dawk li jaraw ħafna televixin, u b’hekk ma jmorrux tajjeb fl-iskola, hu “li jdumu biex jilħqu l-maturità u għandhom inqas kapaċità li jifhmu.” Jinnota wkoll: “Hemm konnessjoni ċara bejn ċerti programmi, reklami, u vidjos tad-diski li jaraw u l-konsum taʼ l-alkoħol, it-tabakk, u d-drogi fost l-adoloxxenti.” Waqt li ammetta li mhux iż-żgħażagħ kollha se jimitaw il-kondotta ħażina li jaraw fuq it-televixin, Paulino Castells, psikjatra tat-tfal, sejjaħ it-televixin “droga qawwija” minħabba “l-effett distruttiv li għandu fuq l-imħuħ fraġli.”
Is-Supermarkets Jieħdu Post il-Ħwienet Tradizzjonali
“Iż-żjieda kbira fl-għadd taʼ supermarkets madwar l-Afrika tal-lvant u tan-nofsinhar qed thedded il-bejjiegħa fis-swieq u, bħala riżultat, l-għajxien taʼ bdiewa f’postijiet rurali,” tinnota l-gazzetta xjentifika Ġermaniża wissenschaft-online. Diġà hemm 200 supermarket u 10 hypermarkets li qed ibigħu 30 fil-mija taʼ l-ikel fil-Kenja—ekwivalenti għall-bejgħ taʼ 90,000 ħanut żgħir. Skond Kostas Stamoulis taʼ l-Organizzazzjoni taʼ l-Ikel u l-Agrikultura tal-ĠM, iż-żjieda mgħaġġla taʼ nies li qed imorru jgħixu fil-bliet u l-globalizzazzjoni “tfisser li l-Afrika se tara ħafna iktar bidliet drammatiċi fis-sistema taʼ l-ikel milli rajna f’pajjiżi żviluppati.” Biex jevitaw katastrofi, l-esperti jixtiequ li jiġu fformati kooperattivi sabiex jipprovdu suq għall-prodotti lokali u li jistaʼ jingħata taħriġ biex jgħin lill-bdiewa jagħmlu l-bidla.
Ġew Skoperti Iktar Qmura
F’sitt snin biss, titjib fit-teknoloġija wassal għall-irdoppjar fl-għadd taʼ qmura li nafu li jeżistu fis-sistema solari tagħna, skond ¿Cómo ves? ir-rivista tax-xjenza taʼ l-Università Awtonoma Nazzjonali fil-Messiku. Sa l-aħħar tas-sena 2003, kien hemm magħrufin 136 qmura li jduru maʼ sebaʼ pjaneti—Merkurju u Venere biss jidhru li m’għandhomx—u l-astronomi jistennew li jsibu saħansitra iktar. Ġove għandha l-iktar qmura magħrufin (61), warajha Saturnu (31), Uranu (27), Nettunu (13), u Marte (2). Pluto u d-Dinja għandhom qamar kull wieħed.
L-Għeja Tistaʼ Tkun Sinjal t’Attakk tal-Qalb
Skond studju wieħed, “għeja u nuqqas taʼ rqad mhux tas-soltu jistgħu jkunu l-ewwel sintomi t’attakk tal-qalb fin-nisa,” tirrapporta l-edizzjoni internazzjonali taʼ The Miami Herald. Filwaqt li 30 fil-mija biss tan-nisa fl-istudju rrapportaw uġigħ f’sidirhom bħala l-ewwel sintomu, 71 fil-mija ħassew għeja mhux tas-soltu iktar minn xahar qabel l-attakk tal-qalb. Il-Professoressa Jean McSweeney taʼ l-Università taʼ Arkansas għax-Xjenza Medika tgħid: “L-għeja m’għandhiex spjegazzjoni u mhix tas-soltu, u għal xi wħud tant tkun qawwija li ma jkunux jistgħu jifirxu s-sodda mingħajr ma jistrieħu. . . . Il-mard tal-qalb huwa l-qattiel ewlieni tan-nisa.” Hi tkompli, “Jekk nistgħu ngħinu lin-nisa jagħrfu s-sintomi kmieni, inkunu nistgħu nipprovdulhom kura u nwaqqfu jew nittardjaw l-attakk tal-qalb.”
Aħbarijiet dwar it-Tipjip
• “Ir-riċerkaturi sabu li projbizzjoni fuq it-tipjip fi ħwienet tax-xorb, restoranti, u ħwienet oħra fil-magħluq f’Helena, Mont[ana], ġiet assoċjata maʼ nuqqas taʼ kważi 60 fil-mija fid-dħul l-isptar taʼ nies b’attakki tal-qalb fis-sitt xhur li kienet qed tiġi segwita l-projbizzjoni,” tirrapporta The Wall Street Journal. Wara li qorti lokali neħħiet il-projbizzjoni, ir-rata t’attakki tal-qalb reġgħet għal li kienet. “Din hija evidenza qawwija għala għandna nevitaw il-perikli li jeżistu meta nibilgħu d-duħħan tas-sigaretti taʼ ħaddieħor,” qal il-kardjologu Sidney Smith.
• “Gvernijiet taʼ l-Istat, li darba kienu l-akbar għedewwa taʼ l-industrija tat-tabakk, issa jsibu ruħhom f’pożizzjoni daqsxejn stramba: Huma lesti biex jipprovaw isalvaw l-akbar manifattura tas-sigaretti tal-pajjiż,” tistqarr il-Journal. Għala? Imħallef qatagħha li l-kumpanija għandha tħallas 12-il biljun dollaru sabiex tappella każ fil-qorti. Dan kien se jġagħalha tfalli, u ma kinitx tkun tistaʼ tħallas lill-gvern il-biljuni taʼ dollari li kellha tagħtih minħabba każ ieħor. Il-gvernijiet taʼ l-Istat “saru jiddependu mill-flus, li qed jgħinu lil ħafna stati biex ma jaslux f’diżastru ekonomiku,” innota lartiklu. Dan “ġiegħel lill-istati jappoġġaw lill-manifatturi tat-tabakk.” Ħmistax wara, l-imħallef bidel id-deċiżjoni tiegħu u ħalla l-kumpanija tħallas inqas għall-appell.