Rivisti bl-Istampi Kuluriti li Jiġbdu l-Għajn—“Aqbadni f’Idejk u Ixtrini!”
HEMM qegħdin, b’kuluri attraenti u sbieħ, kollha lesti biex jiġbdu l-attenzjoni tiegħek. Lanqas biss kont bi ħsiebek tieqaf biex tarahom, imma issa l-kuluri tagħhom ġibduk lejhom. Minn fuq l-ixkafef, dawn ir-rivisti li jiġbdu l-għajn qishom kollha qed jgħidulek, “Aqbadni f’idejk u ixtrini!” U għalkemm ġeneralment huwa veru li ma tistax tiġġudika ktieb mill-qoxra taʼ barra, irridu nammettu li l-istampi fuq il-qoxra taʼ dawn ir-rivisti għandhom effett speċjali fuq dawk li jarawhom. F’ħafna pajjiżi, hemm kompetizzjoni qawwija fil-produzzjoni u l-bejgħ taʼ dawn ir-rivisti li bl-Ingliż jissejħu glossies.
Ir-rivisti jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji prinċipali: rivisti speċjalizzati u rivisti tal-konsumatur. Dawn taʼ l-aħħar nistgħu ngħidu li jittrattaw fuq kull suġġett, imma l-pubblikaturi jipprovaw jolqtu ċerti gruppi taʼ nies. Ir-rivisti huma differenti mill-gazzetti kemm fl-għamla u kemm fil-kontenut, fil-fatt huma iżgħar fid-daqs u stampati fuq karta taʼ kwalità aħjar. Dan jagħtihom dehra tleqq, u b’hekk jolqtu ħafna lil dak li jkun qed jixtri. Ir-rivisti ġeneralment għandhom inqas interess li jwasslu malajr l-aħbarijiet u l-ġrajjiet li qed jinbidlu milli għandhom il-gazzetti. Huma jirrappreżentaw lil għadd taʼ kittieba u jkopru varjetà kbira taʼ informazzjoni u opinjonijiet. Ir-rivisti jkollhom ukoll stili taʼ kitba differenti, li jibdew minn rapporti taʼ xi ħaġa li tkun ġrat għal stili taʼ kitba iktar persunali jew emozzjonali.
Waqt li tkun bil-wieqfa tħares lejn il-varjetà taʼ rivisti quddiemek, hemm diversi affarijiet li x’aktarx se jinfluwenzaw l-għażla tiegħek jew saħansitra jgħinuk tiddeċiedi jekk tixtrix jew le. M’għandniex xi ngħidu, il-fatt jekk intix raġel jew mara huwa fattur importanti. Jiddependi wkoll fuq x’inhuma l-interessi persunali tiegħek u forsi, fuq kollox, il-prezz tar-rivista. Iva, dawn ir-rivisti jistgħu jkunu daqsxejn għoljin, forsi xi tlieta jew erbaʼ darbiet iżjed mill-prezz taʼ gazzetta. Però, il-gazzetta taʼ llum ma ddumx ma tintrema u tinbidel mal-gazzetta t’għada, waqt li r-rivisti jistgħu jdumu għandek ħafna iktar. Ir-rivista li tagħżel tistaʼ taqraha meta tkun komdu u tistaʼ żżommha għal ġimgħat jew xhur sħaħ u forsi anki tagħtiha lil ħaddieħor biex jaqraha wkoll. Il-libreriji kultant ikunu interessati f’kopji taʼ rivisti qodma, u xi rivisti anki jispiċċaw f’xi kollezzjoni.
Jiswew il-Flus li Tonfoq?
M’għandniex xi ngħidu, hija deċiżjoni persunali jekk taħsibx li dawn ir-rivisti jiswewx il-flus li tonfoq fihom jew le. Ir-raġuni prinċipali għala huma relattivament għoljin hi li trid spiża mhux ħażin biex tipproduċihom. Il-pubblikatur irid jagħmel riċerka estensiva qabel ma joħroġ rivista ġdida f’suq li diġà mimli bihom. Daż-żmien, kumpaniji kbar jippubblikaw u jistampaw sa 30 rivista differenti jew iktar, u jużaw l-istamperija tagħhom stess. Minkejja dan, l-ispejjeż tagħhom huma kbar, minħabba li kull pubblikazzjoni għandha bżonn it-tim għaliha.
Jekk tħares fl-ewwel paġna taʼ rivista tal-konsumatur, forsi tibqaʼ sorpriż meta tara kemm hemm bżonn t’edituri u maniġers. Kull wieħed, jew waħda, jieħu ħsieb artikli differenti li jkun hemm fir-rivista, u kull wieħed minnhom għandu l-istaff tiegħu. Ġeneralment, ir-rivisti l-kbar ikollhom il-kittieba u l-fotografi tagħhom, għalkemm ħafna kittieba u fotografi jaħdmu indipendentement jew għal diversi kumpaniji permezz t’aġenzija, u dan ifisser li jridu jitħaddmu fuq bażi regulari jew part-time.
L-artikli kollha mingħand il-kittieba jiġu ċċekkjati minn proofreaders. Ħafna mill-artikli jerġgħu jinkitbu jew isirulhom xi aġġustamenti mill-edituri taʼ l-artikli. L-istampi jifformaw parti kbira minn dawn ir-rivisti, u għalhekk hemm bżonn taʼ wħud li jiddisinjaw il-grafiċi. Imbagħad il-compilers, li jgħaqqdu l-informazzjoni kollha flimkien, jibdew jaħdmu fuq id-dehra ġenerali tar-rivista, billi jiddeċiedu dak li jkun se jidher fuq kull paġna. Il-kliem u l-istampi jridu jiġu preżentati b’tali mod li jiġbdu lill-qarrej, biex għajnejh imorru lejn parti wara l-oħra tar-rivista. Il-maġġuranza tal-kumpaniji li jippubblikaw jużaw stylebook—manwâl li juri liema termini u stili għandhom jintużaw fil-pubblikazzjonijiet tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, ir-responsabbiltà taqaʼ f’idejn l-editur prinċipali. Hu, jew hi, jkollu jieħu deċiżjonijiet taʼ dak il-ħin, sabiex il-pubblikazzjoni ma tittardjax. Qabel ma r-rivista tmur għall-istampar, tiġi preparata kopja taʼ prova biex jeżaminawha d-diretturi.
L-ispejjeż jinkludu l-istampar u t-tqassim kif ukoll il-pagi tal-ħaddiema. Minħabba li ma jinbigħux il-kopji kollha stampati, il-ħwienet ġeneralment jaċċettaw kwantitajiet kbar bil-kundizzjoni li jekk ma jbigħuhomx jistgħu jirritornawhom. Ma tkunx qed tiżbalja jekk taħseb li l-prezz tar-rivista ma jkoprix il-flus kollha li hemm bżonn biex issir. Fil-fatt, rivista medja tal-konsumatur ma tistax tibqaʼ fis-suq jekk parti kbira minnha ma titħalliex għar-reklami. Reċentement rivista internazzjonali taʼ 200 paġna kellha iktar minn 80 paġna sħiħa taʼ reklami. Dawk li jagħmlu r-reklami jirrealizzaw li l-karta tleqq taʼ kwalità tajba u stampi b’erbaʼ kuluri se juru l-prodotti tagħhom bl-aħjar mod.
Fl-Awstralja huwa stmat li kull individwu jqattaʼ, bejn wieħed u ieħor, 1.2 minuti kuljum jaqra xi rivista. Dan jitqabbel maʼ 1.1 minuta kuljum jara xi film fiċ-ċinema jew 0.7 minuti kuljum jismaʼ l-mużika. Bla dubju din hi raġuni waħda għala r-rivisti jipprovdu mod taʼ qligħ għar-reklami.
X’Jiġbdek Lejhom
Filwaqt li ma nistgħux neżaminaw kull rivista pubblikata, forsi nagħtu daqqa t’għajn lejn xi rivisti għan-nisa. Il-kontenut tar-rivisti għan-nisa ġie eżaminat bir-reqqa dan l-aħħar, għax għalkemm xi wħud iqisuhom bla perikli, oħrajn iħossu li dawn ir-rivisti jieħdu vantaġġ min-nisa. Ċertament dawn iqanqlu eċċitament u faxxinu, u dawn jikkontribwixxu għall-bejgħ. Madankollu, f’dawn l-aħħar ftit snin, ir-rivisti għan-nisa għaddew minn bidla. Xi wħud mir-rivisti li qabel kienu jittrattaw biss dwar kif wieħed jieħu ħsieb id-dar, issa qed jippubblikaw iktar artikli dwar nies famużi. L-artikli dwar is-saħħa wkoll saru popolari. In-nisa kienu jieħdu pjaċir jaqraw l-istejjer qosra, u kienet is-serje tan-novelli fir-rivisti li spiss għenet biex iktar jinbiegħu. Imma issa ftit huma r-rivisti li jkollhom stejjer qosra u serje taʼ novelli.
X’inhu dak li jgħin il-bejgħ illum? Huwa dak li hemm fuq il-qoxra li qisu qed jgħajjat, “Aqbadni f’idejk u ixtrini!” Jekk tidher mara fuq il-qoxra, trid tkun famuża jew sabiħa. Il-mudella taʼ fuq il-qoxra trid tkun ukoll żagħżugħa u rqiqa, u permezz tat-teknoloġija moderna jistgħu jirranġaw ir-ritratt biex dan joħroġ bl-aħjar mod possibbli. Xi ngħidu dwar il-kliem fuq il-qoxra? M’għandniex xi ngħidu, dan irid jinbidel skond l-etajiet u l-istili taʼ ħajja li jridu jintlaħqu. Il-qoxra taʼ xi rivisti tiffoka fuq il-moda; oħrajn joffru rigali li jistgħu jintrebħu. Il-qoxra spiss hija gwida taʼ dak li jkun hemm fir-rivista.
Jistgħu Dawn ir-Rivisti Jinfluwenzawna?
Il-pubblikaturi tar-rivisti jsostnu li jafu xi jridu n-nisa. U huwa veru li huma jagħmlu riċerka estensiva sabiex isiru jafu xi jridu n-nisa in ġenerali. Imma rridu nistaqsu, Qegħdin jilħqu bżonn li verament jeżisti, jew huma infushom ħolqu bżonn sabiex jissodisfawh huma stess? Ejja nikkunsidraw modi li bihom ħafna rivisti għan-nisa jifformaw il-ħsieb tan-nies. L-ewwelnett, ir-rapport kontinwu taʼ kif jgħixu u kif jaħsbuha nies famużi. Forsi veru li dan hu dak li n-nies jixtiequ jaqraw dwaru, imma jistaʼ jkun hemm perikli moħbijin? Fl-istudju tiegħu About Face, Jonathan Cole, newropsikologu mediku fl-Università taʼ Southampton, l-Ingilterra, iwissi li jekk tkun taf wiċċ qabel ma tiltaqaʼ maʼ l-individwu, jew qabel ma tismaʼ leħnu, jistaʼ jikkaġuna intimità artifiċjali. Maʼ dan żid l-ammont taʼ informazzjoni li tinkiteb dwar nies famużi. Dan forsi jispjega l-fenomenu modern tan-niket kbir tal-pubbliku meta jmut xi ħadd li ma kinux jafuh, imma li kienu jaraw spiss ir-ritratti tiegħu fir-rivisti. M’għandniex xi ngħidu, rapporti fuq it-televixin u fil-gazzetti jistgħu jżidu maʼ din l-intimità immaġinarja.
Kwistjoni oħra li qed tiġi investigata hi l-potenzjal li għandhom ir-rivisti biex jinfluwenzaw l-attitudni tan-nisa dwar dik li hi kunsidrata bħala l-figura aċċettabbli. Filwaqt li l-livelli jinbidlu f’pajjiżi differenti, il-messaġġ ġenerali fir-rivisti għan-nisa f’pajjiżi żviluppati hu li trid tkun irqiqa biex tkun mal-moda. Kien hemm kritika ħarxa minn għalliema, ġenituri, u anki mudelli nfushom li jgħidu li l-istampi li jidhru taʼ spiss fir-rivisti għan-nisa għandhom jieħdu ftit mit-tort għaż-żjieda fil-problemi tas-saħħa konnessi maʼ l-ikel u d-dieti kontinwi tan-nisa—b’mod partikulari, it-tfajliet.
Sabiex tivverifika dawn l-istqarrijiet, edizzjoni Awstraljana taʼ rivista internazzjonali għamlet stħarriġ fost il-qarrejja tagħha u stiednet panel t’esperti biex jikkummentaw fuq ir-riżultati. Ħadu sehem iktar minn 2,000 mara, li 82 fil-mija minnhom kienu bejn is-16 u d-29 sena. Il-parteċipanti kkonsultaw tabella bil-piż li hu rikkmandat—jiġifieri, il-piż skond it-tul, l-età, eċċetra. Madwar 60 fil-mija min-nisa ħasbu li kellhom piż żejjed, għalkemm 22.6 fil-mija biss kellhom iktar piż milli kien rikkmandat. Filwaqt li 59 fil-mija, li l-piż tagħhom kien inqas milli kien rikkmandat, ħasbu li kienu taʼ piż normali, 58 fil-mija li ġew deskritti bħala li huma taʼ piż normali ħasbu li kellhom piż żejjed. Tnax fil-mija biss kienu kuntenti bil-piż tagħhom. Xi wħud ikkritikaw it-tabella li pprovda d-Dipartiment tas-Saħħa taʼ l-Awstralja, billi sostnew li l-piż li ngħata fuq it-tabella għal kull tul kien iżżejjed. Iżjed minn hekk, 67 fil-mija ammettew li dejjem jgħiru għall-figura taʼ nisa oħrajn, u waħda minn kull tmienja ammettiet li għandha jew kellha problema kbira konnessa maʼ l-ikel li ma kinitx tistaʼ tikkontrollaha.
Fiona Pelly, esperta fil-qasam tan-nutriment li kienet fil-panel, qalet: “Huwa ovvju li l-piż qed isir prijorità prinċipali fil-ħajjiet tan-nisa.” U t-Tabiba Janice Russell, direttriċi taʼ klinika f’Sydney għal nies bi problemi konnessi maʼ l-ikel, qalet: “Dak li hu saħansitra iktar taʼ ħsara huma s-sentimenti taʼ ħtija u għira li jispikkaw [fl-istħarriġ]. Mhux tajjeb għas-saħħa li tħoss dawn is-sentimenti l-ħin kollu.”
Madankollu, l-iktar sejba sinifikanti kienet li għalkemm ftit minn dawk li ħadu sehem ammettew li pprovaw jimitaw l-istilel fil-films, 72 fil-mija qalu li l-iktar li jinfluwenzawhom huma l-mudelli li jidhru fir-rivisti. Waħda żagħżugħa, li ġiet megħjuna minn klinika biex tonqos, qalet li ħassitha kburija li tiżen 55 kilo imma ammettiet: “Xorta għadni nħoss il-pressjoni mill-mezzi tax-xandir, mir-rivisti u min-nies famużi.” Stħarriġ ieħor li sar f’postijiet differenti spiċċa bl-istess riżultati.
Żewġ Rivisti taʼ Kategorija Differenti
Waħda mill-iktar rivisti informattivi u taʼ ġid li tistaʼ ssib hija dik li għandek f’idejk issa, Stenbaħ! Ma xtrajthiex minn xi ħanut tal-kotba—forsi offrihielek xi ħadd li kien għaddej fit-triq, jew forsi xi ħadd ġabhielek id-dar. Din ir-rivista, li hi pubblikata, stampata, u mqassma madwar id-dinja minn volontieri, tiġi offruta mingħajr ħlas. Kittieba għal Stenbaħ! jibagħtu artikli minn madwar id-dinja kollha, u dawn ukoll huma volontieri, bħalma huma wkoll l-artisti u t-tradutturi. Ir-rivista Awake! (Stenbaħ!) dehret l-ewwel fl-1946. Il-predeċessuri kienu Consolation u The Golden Age, li ġew pubblikati għall-ewwel darba fl-1919. Dawn ir-rivisti minn dejjem ġew pubblikati mingħajr ebda reklami mħallsin. Stenbaħ! bħalissa qed tiġi stampata b’87 lingwa, f’ħafna minnhom darbtejn fix-xahar, u madwar id-dinja għandha ċirkulazzjoni taʼ iktar minn 22 miljun kopja.
It-Torri taʼ l-Għassa li joħroġ mar-rivista Stenbaħ! għandu rekord saħansitra iktar impressjonanti, billi issa qed jiġi stampat b’148 lingwa. Jiġu stampati ’l fuq minn 25 miljun kopja taʼ The Watchtower (It-Torri taʼ l-Għassa) kull ħarġa u din ir-rivista ilha toħroġ mill-1879. Bejniethom, dawn iż-żewġ rivisti qed jagħtu ħafna għajnuna siewja għax jinformaw lin-nies dwar kwistjonijiet importanti f’ħajjithom, u huma taʼ interess għall-irġiel, għan-nisa, u għaż-żgħażagħ minn madwar id-dinja.
Ilkoll kemm aħna rridu nirriflettu fuq il-fatt li ma nitwildux bl-għarfien. L-għerf u l-għarfien jiżdiedu hekk kif nikbru u niżviluppaw, u spiss l-opinjonijiet tagħna jiġu fformati u l-istil taʼ ħajjitna jiżviluppa b’riżultat taʼ dak li naqraw. Għalhekk huwa ferm importanti li nagħżlu li naqraw affarijiet taʼ ġid u li jibnuna.
[Stampa f’paġna 25]
Ir-rivisti jistgħu jinfluwenzaw l-attitudni tagħna dwar il-figura
[Stampa f’paġna 26]
Għalkemm m’humiex glossies, jitqassmu iktar minn 25 miljun kopja tat-Torri taʼ l-Għassa b’148 lingwa u 22 miljun kopja taʼ Stenbaħ! b’87 lingwa