Il-Birra—L-Istorja tax-Xarba Lewn id-Deheb
Minn kittieb għal Stenbaħ! fir-Repubblika Ċeka
X’INHI taʼ spiss ix-xewqa taʼ raġel li jkollu ħafna għatx? F’ħafna pajjiżi, kemm jekk dan ikun ħaddiem jew negozjant, x’aktarx jixtieq tazza mix-xarba favorita tiegħu lewn id-deheb. Forsi jibda jimmaġina r-ragħwa bajda u rikka li titlaʼ fil-wiċċ u t-togħma morra li hi tant delizzjuża. U mbagħad jgħid lilu nnifsu, ‘Nagħti kollox għal tazza birra kiesħa!’
Il-birra ilha teżisti kważi daqs l- umanità nfisha. Ilha popolari millennji sħaħ, u f’ħafna postijiet saret parti integrali mill-kultura lokali. B’dispjaċir, il-birra saret sors taʼ problemi għal dawk li jixorbuha żżejjed, speċjalment f’xi pajjiżi Ewropej. Madankollu, jekk tintuża bil-moderazzjoni, il-kwalitajiet distintivi u t-togħma tagħha jagħmluha xi ħaġa li tieħu pjaċir tixrobha. Ejja neżaminaw l-istorja taʼ din ix-xarba popolari.
Kemm Ilhom Jagħmluha?
Bħalma jindikaw it-twavel kunejformi li nstabu fit-territorju tas-Sumeri tal-qedem fil-Mesopotamja, il-birra kienet tinstab hemmhekk sa mit-tielet millennju Q.E.K. Matul l-istess perijodu, din ix-xarba kienet tinsab ukoll fuq l-imwejjed tal-Babiloniżi u l-Eġizzjani. F’Babilonja, fejn kienu magħrufa 19-il tip differenti taʼ birra, kien hemm saħansitra regoli dwar kif jagħmlu l-birra fil-Kodiċi taʼ Ħammurabi. Per eżempju, dawn ir-regoli stipulaw il-prezz tal-birra, u kwalunkwe ksur taʼ dawn ir-regoli kien jiġi kastigat bil-mewt. Fl-Eġittu tal-qedem, kien hemm ħafna li kienu jagħmlu l-birra, u din kienet xarba favorita. Permezz taʼ tħaffir arkeoloġiku fl-Eġittu sabu l-eqdem riċetta bil-miktub taʼ kif issir il-birra.
Eventwalment, it-teknoloġija taʼ kif issir il-birra waslet fl-Ewropa. Xi studjużi Rumani fil-bidu taʼ l-Era Komuni semmew li ċ-Ċelti, il-Ġermaniżi, u tribujiet oħra kienu jħobbuha l-birra. Il-Vikingi kienu jemmnu li anki ġo Valħalla—li skond il-mitoloġija Nordika kienet is-sala fejn kienu jmorru l-gwerriera qalbiena wara l-mewt—it-tazzi taʼ l-irġiel kienu jfuru bil-birra.
Fl-Ewropa, matul il-Medju Evu, il-birra kienet issir fil-monasterji. Patrijiet Ewropej tejbu t-teknoloġija tal-proċess billi bdew jużaw il-ħops, pjanta li minnha kienu jieħdu l-weraq biex il-birra ma taqtax. L-industrijalizzazzjoni fis-seklu 19 introduċiet il-preparazzjoni tal-birra permezz taʼ makkinarju apposta, u dan kien pass sinifikanti fl-istorja taʼ din ix-xarba popolari. Imbagħad seħħew skoperti xjentifiċi importanti ħafna.
Louis Pasteur, spiżjar u mikrobijologu Franċiż, sab li l-ħmira li tikkaġuna l-fermentazzjoni tal-birra kien fiha organiżmi ħajjin. Din is-sejba għamlitha possibbli biex ikun hemm iktar kontroll eżatt fuq il-bidla miz-zokkor għall-alkoħol. Emil Christian Hansen, botaniku Daniż, sar wieħed mill-iktar nies importanti fl-istorja tal-birra. Qattaʼ ħajtu kollha jagħmel ir-riċerka u jikklassifika l-ispeċi differenti tal-ħmira. Fost affarijiet oħra, ir-riċerka tiegħu kellha x’taqsam maʼ l-iżvilupp taʼ varjetà taʼ ħmira għall-birra li kienet pura. B’dan il-mod, Hansen letteralment biddel għalkollox l-industrija tal-birra.
Imma hija daqshekk taʼ sfida li tagħmel il-birra? Forsi diffiċli temminha, imma hekk hu. Ejja nikkunsidraw fuq fuq is-sigriet taʼ tazza birra mill-aqwa.
Qabel Ma Tasal fit-Tazza Tiegħek
Il-mod kif issir il-birra nbidel mhux ħażin matul is-sekli u anki llum jistaʼ jvarja minn birrerija għal oħra. Però, in ġenerali, kważi l-birer kollha fihom erbaʼ ingredjenti prinċipali: ix-xgħir, il-ħops, l-ilma, u l-ħmira. Il-proċess sħiħ jistaʼ jitqassam f’erbaʼ partijiet: it-tħejjija tal-malt, il-preparazzjoni tal-wort, il-fermentazzjoni, u l-maturazzjoni.
It-Tħejjija tal-malt. Matul din il-parti tal-proċess, jagħżlu x-xgħir, jiżnuh, u jnaqquh. Wara jħalluh imxarrab fl-ilma—dan bilfors irid isir biex ix-xgħir jinbet. Biex jinbet, ix-xgħir jieħu minn ħamsa sa sebat ijiem f’temperatura taʼ madwar 14-il grad Celsius. Il-prodott finali wara dan il-proċess huwa l-malt aħdar, li jdaħħluh fi fran speċjali biex inixxfuh. L-ilma fil-malt aħdar jonqos għal bejn tnejn u ħamsa fil-mija biex il-malt ma jkomplix jinbet. Wara li jnixxfuh, ineħħu n-nebbieta mill-malt, u mbagħad jitħnuh. Issa lest għall-pass li jmiss.
Il-preparazzjoni tal-wort. Il-malt mitħun jitħallat bl-ilma sabiex jipproduċi għaġna li mbagħad isaħħnuha bil-mod il-mod. F’ċerti temperaturi l-enzimi jibdew ibiddlu l-lamtu f’zokkor. Dan idum iktar minn erbaʼ sigħat u jipproduċi l-wort, li mbagħad jiġi filtrat biex ineħħulu l-impuritajiet. Imbagħad jibda l-proċess tat-togħlija li jwaqqaf l-attività taʼ l-enzimi. Waqt it-togħlija jżidu l-ħops mal-wort sabiex jagħtuh it-togħma morra tipika tal-birra. Wara li jkun ilu jagħli għal xi sagħtejn, il-wort jitħalla jiksaħ sat-temperatura meħtieġa.
Il-fermentazzjoni. Din x’aktarx hi l-iktar parti importanti fil-proċess tal-birra. Permezz tal-ħmira, iz-zokkor li jinsab fil-wort jinbidel f’alkoħol u gass dijossidu karboniku. Iż-żmien li jitħalla jiffermenta, li ma jkunx iktar minn ġimgħa, u t-temperatura tal-proċess jiddependu fuq it-tip taʼ birra—ale jew lager —li tkun qed tiġi prodotta. Imbagħad dik li jsejħulha birra ħadra jitfgħuha fi btieti biex jaħżnuha sabiex timmatura.
Il-maturazzjoni. Matul din il-parti tal-proċess, il-birra tikseb it-togħma u r-riħa tipika tagħha; il-gass li jkun ifforma jġiegħel ukoll il-birra tfexfex. Il-birra timmatura tul perijodu li jistaʼ jvarja minn tliet ġimgħat sa ftit xhur, skond it-tip taʼ birra. Finalment, jitfgħu l-birra lesta ġo btieti jew fliexken u tkun lesta biex tintbagħat fid-destinazzjoni finali tagħha—forsi eventwalment tasal fuq il-mejda tiegħek! Imma liema tip taʼ birra tixtieq idduq?
Hemm Ħafna Tipi taʼ Birra
Il-fatt hu li l-birer jistgħu jkunu differenti mhux ħażin minn xulxin. Tistaʼ tixrob birra li hi ċara jew skura, ħelwa jew morra, kif ukoll birra magħmula mix-xgħir jew mill-qamħ. It-togħma tal-birra tiddependi minn ħafna fatturi, inkluż il-kwalità taʼ l-ilma li jintuża, it-tip taʼ malt, it-teknoloġija li tintuża, u t-tipi taʼ ħmira li jintużaw fil-proċess.
Waħda mill-iktar birer magħrufa hija l-pilsner (jew pils), lager klassika taʼ lewn ċar. Din il-kwalità taʼ birra ssir minn mijiet taʼ birreriji madwar id-dinja. Madankollu, il-pilsner awtentika ssir biss fil-belt taʼ Plzeň, jew Pilsen, li tinsab fir-Repubblika Ċeka. Is-sigriet taʼ kif issir ma qigħedx biss fit-teknoloġija imma fil-materja prima li tintuża—ilma ħafif, malt taʼ l-aqwa kwalità, u l-ħmira addattata.—Ara lkaxxa li hawn.
Kwalità eċċellenti oħra taʼ birra hija l-birra weiss, birra magħmula mill-qamħ li hi popolari speċjalment fil-Ġermanja. L-ispeċjalitajiet fil-Britannja huma l-porter u l-istout. Il-porter hija birra qawwija li tiffermenta fil-wiċċ u ssir minn malt inkaljat, li jagħti dik id-dehra skura u rikka lil din ix-xarba. Il-porter l-ewwel bdiet issir f’Londra fis-seklu 18. L-istout, birra skura u tqila—li saret famuża fl-Irlanda u fid-dinja mill-familja Guinness—hija varjazzjoni tal-porter tradizzjonali. Tistaʼ tixrob is-sweet stout Ingliża, li s-soltu jkun fiha l-lattosju (iz-zokkor tal-ħalib), jew id-dry stout Irlandiża, li hi morra u għandha livell għoli t’alkoħol.
Fattur importanti ieħor għal ħafna li jħobbu l-birra hu l-mod kif jixorbuha, jekk tkunx fil-flixkun jew fil-bott jew dirett mill-bittija. L-Amerikani jħobbu jixorbu l-birra kiesħa silġ. Oħrajn jippreferuha li tkun taʼ temperatura normali jew ftit kiesħa u servuta direttament mill-btieti li jinżammu fil-kantina tal-ħanut tax-xorb.
Tassew, hawn ħafna tipi taʼ birra. Jekk tixrobha bil-moderazzjoni, tistaʼ tgawdi xi benefiċċji għal saħħtek. Fil-fatt, fiha diversi vitamini u minerali importanti, bħal riboflavin, folic acid, kromju, u żingu. Skond xi awtoritajiet, jekk tinxtorob bil-moderazzjoni, il-birra tistaʼ tevitalek il-mard tal-qalb u tal-ġilda. Jekk tagħmel għażla tajba mid-ditti u t-tipi li hawn fis-suq, u jekk tużaha b’mod bilanċjat, tistaʼ tgawdi din ix-xarba delizzjuża u rifreskanti. Għalhekk, meta terġaʼ toqgħod bil-qiegħda u quddiemek ikollok ix-xarba lewn id-deheb b’ragħwa bajda fil-wiċċ, ftakar fl-istorja interessanti tagħha!
[Kaxxa/Stampa f’paġna 20]
L-Atturi Prinċipali
Fl-antik, numru kbir taʼ nies tas-sengħa kellhom x’jaqsmu mal-produzzjoni tal-birra. Hawnhekk hawn xi ftit minnhom.
◼ Dak li jipproduċi l-malt—l-ewwel attur fid-dramm taʼ kif issir il-birra. Hu kien inkarigat jipproduċi l-malt mix-xgħir jew mill-qamħ. Hu kien jieħu ħsieb li ż-żrieragħ jinbtu u kien inixxef il-malt aħdar. Kellu responsabbiltà kbira fuq spallejh, ladarba t-togħma tal-birra kienet tiddependi ħafna mill-kwalità tal-malt.
◼ Dak li jagħmel il-wort (jidher hawn fuq)—ir-raġel inkarigat mit-togħlija. L-ewwel, kien iħallat il-malt mitħun maʼ l-ilma, u mbagħad waqt it-togħlija, kien iżid il-ħops. Il-prodott finali taʼ xogħlu kien il-wort.
◼ Dak li jieħu ħsieb il-fermentazzjoni—speċjalista b’esperjenza li kien jieħu ħsieb il-fermentazzjoni tal-birra fil-bramel u l-maturazzjoni tagħha fil-kantina. Wara, hu kien jitfaʼ l-birra lesta fi bramel iżgħar.
[Sors]
S laskavým svolením Pivovarského muzea v Plzni
[Kaxxa/Stampi f’paġna 22]
Pilsner—L-Iktar Birra Oriġinali li Tiġi Imitata
Il-produzzjoni tagħha bdiet fis-sena 1295. Wenceslas II, is-sultan tal-Bohemja, stabbilixxa l-belt taʼ Plzeň, u ftit wara dan, hu ta l-permess lil 260 ċittadin taʼ Plzeň biex jibdew jagħmlu l-birra. Għall-ewwel iċ-ċittadini kienu jagħmlu l-birra fi djarhom u fi kwantitajiet żgħar biss, imma iktar tard ifformaw għaqdiet u bnew birreriji. Madankollu, maż-żmien l-ekonomija u l-kultura fil-Bohemja bdew jonqsu, u dan effettwa l-produzzjoni tal-birra. Billi injoraw it-teknoloġija stabbilita u komplew jużaw ir-riċetti tagħhom stess, dawk li pproduċew il-birra spiss għamlu birra li ma kinitx tajba u li ma kienx jistħoqqilha tissejjaħ birra.
F’dak iż-żmien kienu jsiru żewġ tipi taʼ birra fl-Ewropa. Speċjalment fil-Bohemja kienet issir il-birra li tiffermenta fil-wiċċ, filwaqt li fil-Bavarja kienet popolari birra li tiffermenta minn taħt u li kienet taʼ kwalità ferm aħjar. Kien hemm baħar jaqsam bejn il-lager tal-Bavarja u l-birra taʼ Plzeň.
Fl-1839 seħħet bidla sinifikanti. Madwar 200 miċ-ċittadini taʼ Plzeň iddeċidew li jagħmlu xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni. Huma fformaw il-Birrerija taʼ Burgess, fejn kellha ssir biss birra li tiffermenta minn taħt, bħal dik li kienu jagħmlu fil-Bavarja. Josef Groll mill-Bavarja, li kien famuż għall-produzzjoni tal-birra, mar jgħinhom. Hu mill-ewwel beda jipproduċi birra tipika tal-Bavarja. Ir-riżultat kien differenti ħafna—imma ħafna aħjar milli kien qed jistenna. L-esperjenza taʼ Groll flimkien mal-materja prima lokali taʼ l-aqwa kwalità għenet biex tipproduċi birra li malajr saret popolari. Għala? Minħabba t-togħma, il-kulur, u r-riħa unika tagħha. Madankollu, il-fama tal-birra taʼ Plzeň kellha wkoll l-iżvantaġġi. Ħafna minn dawk li kienu jagħmlu l-birra u li xtaqu jibbenefikaw minn dan l-iżvilupp bdew isejħu l-prodott tagħhom pilsner. B’hekk, il-pilsner saret mhux biss famuża imma wkoll l-iktar xarba lewn id-deheb li tiġi imitata.
[Stampi]
Josef Groll
Torri taʼ l-ilma taʼ birrerija f’Plzeň
[Sors]
S laskavým svolením Pivovarského muzea v Plzni
[Mappa f’paġna 20]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Plzeň
[Stampa f’paġna 20, 21]
Mudell Eġizzjan li juri l-preparazzjoni tal-ħobż u l-birra
[Sors]
Su concessione del Ministero per i Beni e le Attività Culturali - Museo Egizio - Torino
[Stampi f’paġna 23]
Ħops, malt, u birrerija