LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 8/8 pp. 18-19
  • Tassew li Alla Jimpurtah mit-Tfal?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tassew li Alla Jimpurtah mit-Tfal?
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Alla Jikkundanna lil Min Jabbuża lit-​Tfal
  • Jehovah Iħobbhom lit-​Tfal
  • Tama għat-​Tfal
  • Għallem lil Uliedek Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Kif Jistgħu l-Ġenituri u t-Tfal Ikunu Ferħanin?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Ġenituri—Rabbu lit-tfal iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Uliedna —Wirt Prezzjuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 8/8 pp. 18-19

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Tassew li Alla Jimpurtah mit-​Tfal?

KULL sena, mijiet taʼ miljuni taʼ tfal jiġu sfruttati, abbużati, u vjolentati. Ħafna jaħdmu qishom skjavi f’kundizzjonijiet perikolużi. Oħrajn jinsterqu u jiġu mġagħla jsiru suldati jew prostituti minorenni. Il-​fiduċja taʼ ħafna tfal kompliet tiġi traduta permezz taʼ l-​inċest u atti oħrajn li jwaħħxu t’abbuż tat-​tfal.

Tistaʼ tifhem għala ħafna individwi sinċieri li jħossu għat-​tfal huma inkwetati minħabba dan l-​istat tal-​biki li jinsabu fih it-​tfal. Filwaqt li jammettu li r-​regħba u t-​taħsir tal-​bniedem huma prinċipalment responsabbli għal dan it-​trattament ħażin, xi wħud xorta jsibuha iebsa biex jaċċettaw li Alla taʼ mħabba jippermetti inġustizzja bħal din. Għandhom mnejn iħossu li Alla abbanduna lil dawn it-​tfal u li forsi mhux tassew jimpurtah minnhom. Huwa veru dan? Ifisser li Alla ma jimpurtahx mit-​tfal minħabba r-​realtà traġika li dawn jiġu sfruttati u spiss abbużati? X’tgħid il-​Bibbja?

Alla Jikkundanna lil Min Jabbuża lit-​Tfal

Alla Jehovah qatt ma ried li t-​tfal jiġu sfruttati minn adulti bla qalb. L-abbuż tat-​tfal hu wieħed mill-​iktar konsegwenzi traġiċi li ġab miegħu lirvell tal-​bniedem fil-​ġnien taʼ l-​Għeden. Din iċ-​ċaħda tas-​sovranità t’Alla fetħet it-​triq għall-​isfruttar krudili tal-​bnedmin minn bnedmin sħabhom.​—Ġenesi 3:​11-13, 16; Koħèlet 8:9.

Alla jistmerr lil dawk li jieħdu vantaġġ mid-​dgħajjef u minn min m’għandux min jiddefendih. Ħafna ġnus tal-​qedem li ma kinux jaqdu lil Jehovah kienu jissagrifikaw lit-​tfal, imma Jehovah qal li din kienet ‘ħaġa li ma qabbadhomx, u lanqas qatt ma ġiet f’rasu’ u f’qalbu. (Ġeremija 7:31) Alla wissa lill-​poplu tiegħu tal-​qedem: ‘Jekk taħqru [lill-iltim], u hu jsejjaħli, jien żgur nismagħha l-​għajta tiegħu; u l-​qilla tiegħi tixgħel’ għalikom.​—Eżodu 22:​21-23 (22:​22-24, NW).

Jehovah Iħobbhom lit-​Tfal

L-​interess li Alla għandu fit-​tfal hu evidenti mill-​istruzzjonijiet għaqlin li jagħti lill-​ġenituri. Tfal li jitrabbew f’dar fejn jingħataw sigurtà għandhom iktar ċans jikbru f’adulti maturi u b’moħħhom f’loku. Għalhekk, il-​Ħallieq tagħna stabbilixxa ż-​żwieġ, arranġament li jibqaʼ sal-​mewt u li permezz tiegħu “r-​raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Fil-​Bibbja, relazzjonijiet sesswali huma awtorizzati biss fiż-​żwieġ sabiex it-​tfal li jiġu b’riżultat taʼ dan jistgħu jitrabbew f’ambjent stabbli.​—Lhud 13:4.

L-Iskrittura tenfasizza wkoll l-​importanza li l-​ġenituri jħarrġu lil uliedhom. Il-​Bibbja tgħid: “Wirt il-​Mulej huma l-​ulied, ħlas tiegħu hu frott il-​ġuf. Bħal vleġeġ f’id il-​ġellied, hekk huma wlied iż-​żgħożija.” (Salm 127:​3, 4) It-​tfal huma rigal prezzjuż mingħand Alla, u hu jridhom jirnexxu. Alla jwissi lill-​ġenituri biex huma jagħtu lil uliedhom direzzjoni tajba fil-​ħajja, bħalma arċier jimmira sew il-​vleġeġ tiegħu qabel ma jisparahom. Il-​Kelma t’Alla tgħallem: “Missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.”​—Efesin 6:4.

Mod ieħor kif Jehovah wera mħabbtu lejn it-​tfal hu billi għallem lill-​ġenituri biex jipproteġu lil uliedhom min-​nies taʼ bla skruplu. F’Iżrael tal-​qedem, anki “t-​tfal” ċkejknin kienu kmandati biex jisimgħu l-​Liġi, li kienet tinkludi regolamenti dwar kondotta sesswali xierqa u dik mhix xierqa. (Dewteronomju 31:12; Levitiku 18:​6-24) Alla jrid li l-​ġenituri jagħmlu kulma jistgħu biex jipproteġu lil uliedhom minn kulmin jistaʼ jisfruttahom jew jabbużahom.

Tama għat-​Tfal

L-​imħabba dejjiema taʼ Jehovah għat-​tfal intweriet b’mod meraviljuż minn Ġesù Kristu, li jirrifletti b’mod perfett il-​personalità taʼ Missieru. (Ġwanni 5:​19) Meta l-​appostli, biex jipprovaw b’mod żbaljat jgħinu lil Ġesù, ma ħallewx lill-​ġenituri jġibu liċ-​ċkejknin tagħhom għandu, Ġesù kkorreġġiehom bl-​aħrax. Qalilhom: “Ħalluhom it-​tfal żgħar jiġu għandi.” U mbagħad “ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” (Mark 10:​13-16) It-​tfal m’humiex insinifikanti la f’għajnejn Alla Jehovah u lanqas f’għajnejn Ibnu.

Fil-fatt, Alla dalwaqt jaġixxi permezz taʼ Ġesù Kristu, is-​Sultan maħtur minnu, biex iġib serħan lit-​tfal li huma maltrattati. F’din id-​dinja, kulmin qed jieħu vantaġġ b’regħba jew qed jabbuża bla skruplu minn oħrajn se jiġi meqrud għal dejjem. (Salm 37:​10, 11) Rigward il-​ġwejdin li jfittxu lil Jehovah, il-​Bibbja tgħid: “Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.”​—Apokalissi 21:​3, 4.

Sadattant, Alla juri mħabbtu minn issa stess billi joffri għajnuna spiritwali u emozzjonali lil dawk kollha li qed jiġu sfruttati u abbużati. Hu jwiegħed: “Jiena nfittex il-​mitlufa, nreġġaʼ lura l-​imxerrda, ninfaxxa l-​ġrieħi tal-​miġrugħa, u nqawwi l-​marida.” (Eżekjel 34:16) Permezz tal-​Kelma tiegħu, l-​ispirtu qaddis tiegħu, u l-​kongregazzjoni Kristjana, Jehovah ifarraġ lit-​tfal li huma mgħakksin u fil-​faqar. X’ferħ li tkun taf li minn issa, bħalma se jibqaʼ jagħmel fil-​futur, ‘Missier il-​ħniena u Alla taʼ kull faraġ ifarraġna fl-​hemm kollu tagħna.’—2 Korintin 1:​3, 4.

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 18]

© Mikkel Ostergaard/Panos Pictures

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja