Frott Eżotiku mill-Amażonja
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-BRAŻIL
AÇAÍ, BACURI, U CUPUAÇU. Taf xi jfisser dan il-kliem? Jekk toqgħod il-Brażil għandek mnejn taf. Dawn huma l-ismijiet taʼ tliet frottiet eżotiċi mir-reġjun taʼ l-Amażonja. Il-Brażiljani jitgħaxxqu bit-togħma unika taʼ dan il-frott b’mod partikulari f’deżerta friżata. Imma jintuża b’modi oħra wkoll. Ejja nitgħallmu iktar dwar dan il-frott taʼ l-għaġeb mill-ġungla.
L-Açaí Sustanzjuż
Is-siġra taʼ l-açaí (Euterpe oleracea), palma tropikali b’zokk irqiq, tiffjorixxi f’għelieqi umdużi u għadajjar u speċjalment fid-daħliet tax-xmajjar Amażonja u Tocantins fl-istat taʼ Pará. Din tikber mal-Kosta taʼ l-Atlantiku tal-Brażil, mill-istat taʼ Pará sa dak taʼ Bahia. Meta tkun f’territorju taʼ l-açaí, x’aktarx li saqajk ikunu fl-ilma u rasek għarqan xraba. Iz-zokk tal-palma taʼ l-açaí, b’kuruna taʼ weraq fuqnett, hu rqiq imma b’saħħtu u jikber sa 23 metru.
Minn Awissu sa Diċembru, il-palma tkun tqila bl-għenieqed taʼ l-açaí. Hi tagħmel minn sitta sa tmien għenieqed u kull wieħed ikollu bejn 700 sa 900 frotta li tkun id-daqs taʼ ċirasa. Imma kif iniżżlu l-açaí minn hemm fuq? Xi wħud jinsġu l-ħjut minn siġar taʼ l-açaí iktar qosra u bihom jagħmlu ċinga. Dak li jkun se jitlaʼ mas-siġra jdaħħal saqajh fiċ-ċinga u jagħfashom maz-zokk. B’saqajh marbutin sodi maz-zokk tas-siġra, iqiegħed idejh ’il fuq minn rasu, jerfaʼ lilu nnifsu, u jpoġġi saqajh dejjem iktar ’il fuq maz-zokk sakemm jilħaq il-quċċata. Hemmhekk, iqaċċat għanqud. X’jagħmel bih, iwaddbu fl-art? Le, għax kieku jinfaqaʼ. Kif telaʼ jrid jerġaʼ jinżel, iżda din id-darba jrid iżomm il-frott sewwa biex ma jaqagħlux.
Kif isajruha l-açaí? Eduardo, żagħżugħ minn Pará, jispjega: “Ommi kienet titfaʼ l-frott taʼ l-açaí f’borma bil-misħun. Imbagħad tħawwad il-frott sakemm il-qoxra u l-polpa blu skura jisseparaw minn maʼ l-għadma.” Din il-frotta għandha ħafna kaloriji u mimlija ħadid, kalċjum, fosfru, potassju, u vitamini B1 u B2. Mhux taʼ b’xejn li l-açaí hi mfittxija mill-atleti biex jibnu s-saħħa tagħhom u wkoll mill-ommijiet biex jagħtuha lit-tfal tagħhom minħabba s-sustanzi li fiha! Ħafna Brażiljani jħobbu jixorbu l-açaí mħallta bl-ilma, biz-zokkor, u bil-lamtu tal-kassava. Eduardo jħobb l-açaí bħala kondiment fuq il-gambli mnixxfin u l-kassava. L-açaí tiġi mgħaffġa wkoll fil-misħun u jgħadduha minn passatur biex jipproduċu likwidu aromatiku u magħqud li jiġi servut bħala xarba. Però l-açaí mhux għal dan biss jintuża.
Hemm iżjed x’wieħed jistaʼ jagħmel bil-palma taʼ l-açaí. Il-qalba tal-palma, il-palmito, hija ratba u bajda, tikber fit-tarf tal-friegħi tas-siġra, u hija xi ħaġa mfittxija ħafna għall-insalata. L-għeruq jintużaw f’mediċina għal kontra l-parassiti, u l-ħjut jintużaw biex bihom jagħmlu l-ixkupi. Il-weraq jintuża bħala ikel għall-annimali jew biex minnu jagħmlu l-karti, u anki z-zokk jipprovdi injam eċċellenti għall-bini.
Il-Bacuri u l-Cupuaçu
Il-bacuri (Platonia insignis) hija siġra li jkabbruha għas-sbuħija tagħha u hi għolja bejn 20 u 30 metru. Il-friegħi taʼ fuq huma f’forma taʼ ġewża taʼ prinjola rasha ’l isfel. Il-frotta hija bejn wieħed u ieħor daqs larinġa u għandha forma ovali, b’qoxra ħoxna kulur il-lumi. Fin-nofs għandha żerriegħa mdawra b’polpa bajda ddellek, li hi ħelwa u qarsa fl-istess ħin, u tfuħ. Il-polpa mmerrqa fiha ħafna fosfru, ħadid, u vitamina Ċ. Il-Brażiljani jħalltu l-bacuri mal-ġulepp, mal-jelly, mal-frott mgħolli, u max-xorb. Iż-żrieragħ żejtnija taʼ kulur iswed fl-aħmar ma jintremewx iżda jintużaw biex jitfejqu diversi tipi taʼ mard tal-ġilda. L-injam safrani tas-siġra tal-bacuri jintuża għall-bini taʼ vapuri u affarijiet oħra.
Il-cupuaçu (Theobroma grandiflorum) tiġi mill-pjanta iktar familjari tal-kawkaw (Theobroma cacao). Ix-xaħam fiż-żrieragħ tal-cupuaçu jixbah il-butir tal-kawkaw, li jintuża biex minnu jagħmlu ċ-ċikkulata. Għalkemm il-cupuaçu tikber b’mod naturali fl-ambjent umduż u sħun taʼ l-Amażonja, hija tiġi kultivata mal-Brażil kollu. Is-siġra ffjorixxiet speċjalment fl-istat taʼ Espírito Santo li qiegħed mal-kosta.
L-ewwelnett, is-siġra tal-cupuaçu tkabbar qoxra kulur il-qastan li hi b’saħħitha biżżejjed biex tintuża bħala injam. Imbagħad meta jkollha tmien snin, is-siġra jkollha għenieqed taʼ fjuri u frott. Mill-friegħi twal tagħha miksijin b’weraq kulur is-sadid jiddendel frott kannella sufi li għandu forma ovali. Kull frotta tiżen bejn kilo u kilo u nofs. Għall-ewwel, forsi ma togħġbokx ir-riħa qawwija tagħha. Imma l-polpa bajda, tfuħ, u aċiduża hija eċċellenti biex minnha jagħmlu l-granita u tipi taʼ deżerta oħra.
Jekk xi darba żżur il-Brażil, duq il-ħafna frott uniku li jikber hemmhekk. Il-ħwienet tal-ġelati fil-bliet il-kbar tal-Brażil qed iżidu iktar u iktar togħmiet tropikali mal-lista taʼ ġelati tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, forsi ma jkunx faċli tordna xi granita b’ismijiet bħal jaca, umbu, biribá, buriti, mangaba, murici, sapoti, cajarana, graviola, maracujá, jew jabuticaba. Imma t-togħma tagħhom żgur se togħġbok!
[Stampa f’paġna 15]
“Açaí”
[Sors]
André Valentim/Tyba/BrazilPhotos
[Stampa f’paġna 15]
Wieħed li jaqtaʼ l-“açaí” tielaʼ maʼ siġra
Lena Trindade/BrazilPhotos
[Stampi f’paġna 16]
“Bacuri,” bis-siġra fuq ix-xellug
[Sors]
Il-frott tal-Bacuri: Geyson Magno/Ag. Lumiar
[Stampa f’paġna 17]
“Cupuaçu”
[Stampi f’paġna 17]
Ġelat delizzjuż tal-“cupuaçu,” bis-siġra fuq wara
[Sors]
Fuq wara: Silvestre Silva/Reflexo