LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 2/8 pp. 7-11
  • L-Istress—Tistaʼ Tikkontrollah!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Istress—Tistaʼ Tikkontrollah!
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ikkontrolla l-​Istress tax-​Xogħol
  • Naqqas il-​Pressjoni Finanzjarja
  • Il-​Komunikazzjoni Tnaqqas l-​Istress
  • L-​Isfida tal-​Komunikazzjoni bejn il-​Ġenituri u l-​Ulied
  • Il-​Kooperazzjoni ​—L-​Aħjar Mezz biex Isiru l-​Faċendi
  • Iffaċċja l-​Istress b’Modi Siewja
  • L-Istress—Ir-Raġunijiet u l-Effetti Tiegħu
    Stenbaħ!—2005
  • Kif Nistaʼ Nkampa mal-Istress tal-Iskola?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • X’Tistaʼ Tagħmel Meta Tkun Stressjat
    Stenbaħ!—2020
  • Kif Nistaʼ Nkampa maʼ l-Istress fl-Iskola?
    Stenbaħ!—2009
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2005
g05 2/8 pp. 7-11

L-​Istress—Tistaʼ Tikkontrollah!

“IT-​TAQBIDA biex tibbilanċja x-​xogħol, il-​familja, u impennji oħra ħraxet f’dawn l-​aħħar snin.” Hekk jgħid ktieb dwar il-​ħajja tal-​familja li ħareġ dan l-​aħħar. Tabilħaqq, qed ngħixu fi żminijiet stressanti. Iżda, dan ma jissorprendix lil dawk li jistudjaw il-​Bibbja, għax din bassret li dawn kellhom ikunu “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.”​—2 Timotju 3:​1-5.

“L-​istress hu normali,” jgħid Jesús, missier taʼ tlett itfal. “Għalhekk trid tkun taf kif tikkontrollah.” M’għandniex xi ngħidu, dan huwa eħfef tgħidu milli tagħmlu. Minkejja dan, hemm suġġerimenti prattiċi kif ukoll prinċipji Bibliċi li jistgħu jgħinuk.

Ikkontrolla l-​Istress tax-​Xogħol

Tħossok maħkum mill-​istress, forsi minħabba lkundizzjonijiet fuq il-​post tax-​xogħol? Li ssofri mingħajr ma titkellem għandu mnejn iġagħlek tħossok iktar pressat. Kif tgħid il-​Bibbja fi Proverbji 15:​22 (Karm Żammit), “Il-​ħsibijiet ifallu fejn m’hemmx ftehim.”

Riċerkaturi dwar l-​istress fuq il-​post tax-​xogħol jirrikkmandaw “li titkellem maʼ min jimpjegak: jekk ma jkunx jaf li għandek problema, ma jistax jgħinek.” Dan ma jfissirx li tisfoga r-​rabja u l-​frustrazzjoni tiegħek. “Il-​kalma twitti żbalji kbar,” jgħid Koħèlet 10:4. Kun diplomatiku u evita l-​argumenti. Forsi tistaʼ tikkonvinċi lil min iħaddmek li inqas ma jkollok stress iżjed tistaʼ ttellaʼ xogħol.

L-istess jistaʼ jingħad għal xi problemi oħrajn li jistgħu jqumu fuq il-​post tax-​xogħol, bħal tensjoni u konflitti maʼ sħabek. Fittex modi li jipproduċu riżultati tajbin biex tiffaċċja dawn il-​problemi, billi anki forsi tagħmel xi riċerka jekk ikun hemm bżonn. F’din ir-​rivista ġew pubblikati għadd t’artikli li jistgħu jkunu t’għajnuna.a Jekk is-​sitwazzjoni tidher li ma tistax tissolva, forsi jkun aħjar li tara tistax issib xi xogħol ieħor.

Naqqas il-​Pressjoni Finanzjarja

Il-​Bibbja fiha wkoll pariri li jistgħu jgħinuk tikkontrolla l-​pressjoni finanzjarja. Ġesù Kristu ħeġġeġ: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu.” (Mattew 6:​25) Dan kif inhu possibbli? Billi tikkultiva l-​fiduċja li Alla Ġeħova se jipprovdilek il-​bżonnijiet bażiċi. (Mattew 6:​33) Il-​wegħda t’Alla m’hijiex paroli fil-​vojt. Din tinkuraġġixxi lil miljuni taʼ Kristjani llum.

M’għandniex xi ngħidu, int għandek bżonn ukoll “l-​għerf” prattiku fejn għandhom x’jaqsmu l-​flus. (Proverbji 2:7; Koħèlet 7:​12) Il-​Bibbja tfakkarna: “Ma ġibna xejn magħna fid-​dinja, u ma nistgħu nieħdu xejn. Għalhekk, la għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-​affarijiet.” (1 Timotju 6:​7, 8) Li titgħallem tkun kuntent b’inqas affarijiet hu realistiku u prattiku. Ftakar f’Leandro li spiċċa f’siġġu tar-​roti minħabba aċċident. Hu u martu qagħdu attenti biex jibżgħu għall-​flus. Leandro jispjega: “Nipprovaw nagħmlu l-​ekonomija. Per eżempju, jekk xi dawl ma jkunx qed jintuża nitfuh sabiex niffrankaw l-​elettriku. Rigward il-​karozza, nippjanaw fejn inkunu se mmorru u nlaqqgħu l-​qadi biex niffrankaw il-​petrol.”

Il-ġenituri jistgħu jgħinu lit-​tfal biex ikollhom l-​attitudni xierqa. Carmen, bint Leandro, tammetti: “Jien għandi t-​tendenza li nixtri bl-​addoċċ, iżda l-​ġenituri tiegħi għenuni biex nagħraf dak li hu neċessarju u dak li m’huwiex. Għall-​ewwel kien diffiċli biex naddatta. Imma tgħallimt niddistingwi bejn dak li nixtieq li jkolli u dak li veru għandi bżonn.”

Il-​Komunikazzjoni Tnaqqas l-​Istress

Id-​dar għandha tkun menqa li tħarisna mill-​istress, iżda spiss tkun waħda mill-​iktar affarijiet li jikkaġunawh. X’inhi r-​raġuni? Il-​ktieb Survival Strategies for Couples jgħid, “Koppji . . . li huma xi ftit jew wisq imdejqin, jew dawk li huma ostili, isemmu n-​nuqqas taʼ komunikazzjoni bħala l-​iktar ħaġa li spiss tikkaġuna l-​inkwiet.”

Il-prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinu lill-​koppji jtejbu l-​abbiltà tagħhom biex jikkomunikaw. Il-​Bibbja tgħid li hemm “żmien li tiskot, u żmien li titkellem” u li “kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!” (Koħèlet 3:​1, 7; Proverbji 15:​23, korsiv tagħna.) Dan l-​għarfien jistaʼ jgħinek biex ma tqajjimx xi suġġett emozzjonali meta l-​parti l-​oħra tkun għajjiena jew stressata. Ma jkunx aħjar li tistenna l-​ħin addattat​—meta l-​parti l-​oħra tkun iktar disposta li tisimgħek?

Veru, jekk tkun għaddejt ġurnata diffiċli fuq ix-​xogħol, forsi ma jkunx faċli li tibqaʼ kalm jew paċenzjuż. Iżda x’jistaʼ jiġri jekk tisfoga l-​frustrazzjonijiet tiegħek billi tkellem bl-​aħrax lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek? Il-​Bibbja tfakkarna li “kelma iebsa tqajjem l-​għadab.” (Proverbji 15:1) U b’kuntrast, “kliem ħelu bħal xehda għasel, hu ħlewwa tar-​ruħ u saħħa tal-​ġisem.” (Proverbji 16:24) Għandu mnejn li jkun hemm bżonn taʼ determinazzjoni kbira biex diskussjonijiet bejn il-​miżżewġin jinżammu ħielsa minn “imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tagħjir.” (Efesin 4:​31) Madankollu, il-​benefiċċji huma kbar. Il-​koppji li jikkomunikaw jistgħu jkunu sors taʼ faraġ u t’appoġġ għal xulxin. “Min jieħu l-​parir isib l-​għerf,” jgħid Proverbji 13:10.b

L-​Isfida tal-​Komunikazzjoni bejn il-​Ġenituri u l-​Ulied

Il-​komunikazzjoni mat-​tfal hija taʼ sfida​—speċjalment meta l-​ħin tal-​ġenituri jkun limitat. Il-​Bibbja tinkuraġġixxi lill-​ġenituri biex jitkellmu maʼ wliedhom f’kull opportunità, bħal ‘meta jkunu f’darhom u meta jkunu mexjin fit-​triq.’ (Dewteronomju 6:​6-8) “Trid tfittex opportunitajiet biex titkellem magħhom,” jgħid Leandro. “Meta nkun fil-​karozza maʼ ibni, nieħu l-​opportunità biex nitkellem miegħu.”

Irridu nammettu li mhux il-​ġenituri kollha jsibuha faċli biex jikkomunikaw maʼ wliedhom. Alejandra, omm taʼ tlett itfal, tammetti: “Ma kontx naf kif noqgħod nismaʼ. Nuqqas taʼ komunikazzjoni tajba kien iġagħalni nħossni rrabjata u ħatja.” Ġenitur kif jistaʼ jegħleb din il-​problema? Ibda billi titgħallem ‘tkun ħafif biex tismaʼ.’ (Ġakbu 1:​19) “Li tismaʼ bl-​attenzjoni hu l-​aħjar għodda biex tnaqqas l-​istress,” tgħid it-​Tabiba Bettie B. Youngs. Trid toqgħod attent kif tismaʼ. Ħares f’għajnejhom. Tipprovax iċċekken il-​problema taʼ wliedek. Inkuraġġixxi lil uliedek biex jesprimu s-​sentimenti tagħhom. Staqsi mistoqsijiet xierqa. Iżżommx lura milli tesprimi mħabbtek u turi li int fiduċjuż li huma se jagħmlu dak li hu sewwa. (2 Tessalonikin 3:4) Itlob maʼ wliedek.

Jirrikjedi sforz biex tikkomunika b’mod siewi fuq bażi regulari. Iżda billi tagħmel dan se tiġi megħjun tnaqqas l-​istress fil-​familja tiegħek. Il-​komunikazzjoni tistaʼ tgħinek tinduna jekk uliedek humiex għaddejjin minn xi stress. Jekk tifhem x’qed iħossu u minn xiex ikunu għaddejjin, tkun f’pożizzjoni aħjar biex tagħti lil uliedek direzzjoni għaqlija. Finalment, iż-​żgħażagħ li jiġu inkuraġġiti jitkellmu dwar dak li jkun qed jikkaġunalhom l-​istress għandhom inqas tendenza li jesprimu l-​istress tagħhom permezz taʼ mġiba ħażina.

Il-​Kooperazzjoni ​—L-​Aħjar Mezz biex Isiru l-​Faċendi

Meta kemm ir-​raġel u kemm il-​mara jaħdmu sekularment, il-​faċendi tad-​dar jistgħu jsiru sors ieħor taʼ stress. Xi ommijiet li jaħdmu jirnexxilhom jegħlbu l-​problema billi jissimplifikaw ir-​rutina tax-​xogħol tad-​dar. Forsi jikkonkludu li, la hu possibbli u lanqas prattiku li ssajjar ikel elaborat. Ftakar fil-​parir li ta Ġesù lil waħda mara li kienet qed tħejji ikla elaborata: “Iżda ftit affarijiet huma meħtieġa, jew sempliċement ħaġa waħda.” (Luqa 10:42) Għalhekk issimplifika l-​affarijiet. Il-​ktieb The Single-Parent Family jissuġġerixxi li tagħmel borma waħda biex tnaqqas mill-​ħasil taʼ wara. Iva, billi tissimplifika r-​rutina tax-​xogħol tad-​dar tistaʼ tnaqqas l-​istress.

Anki jekk tagħmel hekk, forsi xorta jkun hemm ħafna affarijiet li jridu jsiru. Omm li taħdem tammetti: “Meta kont iżgħar, kont illaħħaq maʼ kollox. Issa li kbirt, qed insibha iktar diffiċli. Qed nibda nħoss l-​effetti tal-​ħajja mgħaġġla li dejjem kelli. Għalhekk, il-​kooperazzjoni minn kull membru tal-​familja hija turija taʼ konsiderazzjoni u tgħinni biex ma ninħakimx minn tant stress li nistaʼ nimrad.” Iva, jekk il-​membri kollha tal-​familja jagħtu daqqa t’id, il-​faċendi tad-​dar jistgħu jsiru u ma jaqax piż żejjed fuq persuna waħda. Ktieb dwar it-​trobbija tat-​tfal josserva: “Li tagħti lit-​tfal xi xogħol fid-​dar hu wieħed mill-​aħjar modi biex tgħinhom jiżviluppaw . . . abbiltà fix-​xogħol. Xogħol regulari fid-​dar jistabbilixxi drawwiet tajbin u attitudnijiet xierqa lejn ix-​xogħol.” Meta tagħmlu x-​xogħol tad-​dar flimkien jistaʼ jagħtik ukoll opportunità li tqattaʼ ħin mat-​tfal tiegħek.

Iż-żagħżugħa Julieta tgħid: “Ninduna li ommi tieħu pjaċir meta nnaqqsilha ftit mit-​toqol. Dan iferraħni u jġagħalni nħossni bniedma responsabbli. Jgħinni napprezza d-​dar. Il-​fatt li nitgħallem kif nieħu ħsieb id-​dar jagħtini bażi għall-​futur.” Bl-​istess mod, Mary Carmen tgħid: “Minn mindu konna żgħar, il-​ġenituri tiegħi għallmuna biex nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Dan kien taʼ vantaġġ kbir għalina.”

Iffaċċja l-​Istress b’Modi Siewja

L-​istress huwa realtà taʼ żmienna; ma tistax taħrab minnu. Iżda tistaʼ titgħallem tikkontrollah. (Ara l-​kaxxa f’paġna 10.) Ikun t’għajnuna jekk issegwi l-​prinċipji tal-​Bibbja. Per eżempju, jekk tħossok imdejjaq minħabba xi sitwazzjoni partikulari, ftakar li “ħabib tassew jintrabat miegħek aktar minn ħuk.” (Proverbji 18:24) Tkellem dwar il-​problema maʼ xi ħabib matur (jew ħabiba) jew mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. “Iżżommx ġo fik,” jgħid is-​soċjologu Ronald L. Pitzer. “Iftaħ qalbek u tkellem dwar dak li qed jinkwetak maʼ xi persuna moħħha f’loku, li tistaʼ tifhmek u tagħdrek.”

Il-Bibbja titkellem ukoll dwar ‘min jagħmel ġid lilu nnifsu.’ (Proverbji 11:17) Iva, hija ħaġa tajba li tieħu ħsieb il-​bżonnijiet tiegħek. Il-​Bibbja tgħid: “Aħjar id waħda mimlija mistrieħ, milli żewġ idejn mimlija taħbit, u ġiri wara r-​riħ.” (Ekkleżjażti 4:​6, KŻ) Li twarrab ftit ħin għalik innifsek jistaʼ jkun taʼ serħan kbir​—anki jekk ikunu biss ftit minuti kmieni fil-​għodu sabiex tkun tistaʼ tieħu kikkra te, taqra ftit, titlob, jew timmedita fil-​paċi.

Ftit taʼ l-​eżerċizzju u ikel bnin u moderat huma wkoll t’għajnuna. Ktieb dwar it-​trobbija tat-​tfal ifakkarna: “Meta tuża ftit mill-​enerġija u mill-​ħin prezzjuż tiegħek għalik, sa ċertu punt, tkun qed tiċċarġja l-​batteriji tiegħek. . . . Meta tkun qed tagħti kontinwament trid tkun ċert li qed iġġib lura l-​enerġija minn xi mkien ieħor, inkella tissogra li taqaʼ lura emozzjonalment, jew fil-​fatt tispiċċa għalkollox.”

Barra minn dan, il-​Bibbja tgħin lil dak li jkun jiżviluppa kwalitajiet li għandu bżonn biex jikkontrolla l-​istress, kwalitajiet bħal “temperament ġwejjed,” paċenzja, u qalb tajba. (Galatin 5:​22, 23; 1 Timotju 6:​11) Iktar minn hekk, il-​Bibbja toffri tama​—il-​wegħda taʼ dinja ġdida li ġejja u li fiha se jispiċċa dak kollu li jġib il-​miżerja lill-​bnedmin! (Rivelazzjoni 21:​1-4) Għalhekk ikun għaqli li nikkultivaw id-​drawwa li naqraw il-​Bibbja kuljum. Jekk tixtieq għajnuna biex tibda tagħmel dan, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova lesti li jagħtuk għajnuna persunali, mingħajr ħlas.

Dan ma jfissirx li Kristjan jgħix ħajja ħielsa mill-​istress. Iżda, Ġesù qal li hu possibbli li ma tħallix l-​ansjetajiet tal-​ħajja jtaqqluk. (Luqa 21:​34, 35) Ukoll, jekk issir taf lil Alla Ġeħova bħala ħabib, hu jkun kenn veru għalik! (Salm 62:​9, [62:​8, NW]) Hu jistaʼ jgħinek tkampa mal-​pressjonijiet tal-​ħajja.

[Noti taʼ taħt]

a Ara s-​serje t’artikli “Victimized at Work​—What Can You Do?” (X’Tistaʼ Tagħmel Jekk Tħossok Qisek Vittma fuq ix-​Xogħol?) fl-​Awake! tat-​8 taʼ Mejju, 2004.

b Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 3 tal-​ktieb Is-​Sigriet taʼ l-​Hena fil-​Familja, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 11]

“Meta kont iżgħar, kont illaħħaq maʼ kollox. Issa li kbirt, qed insibha iktar diffiċli. Qed nibda nħoss l-​effetti tal-​ħajja mgħaġġla li dejjem kelli”

[Kaxxa/Stampi f’paġna 10]

Kif Tnaqqas l-​Istress

◼ Agħti lil ġismek biżżejjed mistrieħ kuljum

◼ Kul ikel bnin u moderat. Tikolx iżżejjed

◼ Agħmel eżerċizzju xieraq b’mod regulari, bħal li timxi tgħaġġel

◼ Jekk ikollok xi ħaġa li tkun qed tinkwetak, tkellem dwarha maʼ xi ħabib jew ħabiba

◼ Qattaʼ iktar ħin tgawdi l-​familja tiegħek

◼ Qabbad lil membri oħra tal-​familja biex jgħinuk fil-​faċendi tad-​dar

◼ Taqbiżx il-​limiti fiżiċi u emozzjonali tiegħek

◼ Agħmel miri realistiċi; tkunx perfezzjonista

◼ Kun organizzat; żomm skeda bilanċjata u raġunevoli

◼ Ikkultiva kwalitajiet Kristjani bħalma huma l-​ħlewwa u l-​paċenzja

◼ Warrab ftit ħin għalik

[Stampa f’paġna 7]

Jekk titkellem bir-​rispett dwar il-​problemi tiegħek maʼ min iħaddmek jistaʼ jwassal għal inqas stress fuq ix-​xogħol

[Stampa f’paġna 8]

Il-​ġenituri jistgħu jiddiskutu modi kif it-​tfal tagħhom jibżgħu għall-​flus

[Stampa f’paġna 8]

Intom iż-​żgħażagħ, tkellmu dwar dak li jkun qed jikkaġunalkom l-​istress maʼ xi ħadd li jistaʼ jgħinkom

[Stampa f’paġna 8, 9]

Kulħadd jistaʼ jgħin fix-​xogħol tad-​dar

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja