It-Trobbija taʼ l-Adoloxxenti—L-Irwol tal-Fehma
Immaġina li qed iżżur pajjiż barrani u ma tafx titkellem bil-lingwa tal-post. Bla dubju, il-komunikazzjoni tkun diffiċli —imma mhux impossibbli. Per eżempju, id-dizzjunarju jistaʼ jgħinek titgħallem l-espressjonijiet bażiċi tal-lingwa. Jew forsi xi ħadd jistaʼ jittraduċi għalik sabiex tkun tistaʼ tifhem lil oħrajn —u sabiex huma jifhmuk.
IL-ĠENITURI li jrabbu lil adoloxxenti, kultant għandhom mnejn iħossuhom li qegħdin f’sitwazzjoni simili. L-istess bħal lingwa barranija, il-mod kif jaġixxu l-adoloxxenti jistaʼ jkun diffiċli—imma mhux impossibbli—biex tifhmu. Is-soluzzjoni għall-ġenituri hija li jipprovaw jifhmu xi jkun qed jiġri matul dan iż-żmien taʼ żvilupp li kultant ikun eċċitanti, imma spiss inkwetanti.
Ir-Raġuni għall-Imġiba Tagħhom
Ix-xewqa għall-indipendenza li jkollu żagħżugħ mhux dejjem tfisser li jkun irid jirribella kontra l-ġenituri tiegħu. Ftakar li l-Bibbja tirrikonoxxi li maż-żmien “raġel iħalli lil missieru u lil ommu.” (Ġenesi 2:24) Sabiex iż-żgħażagħ ikunu preparati għal responsabbiltajiet akbar meta jsiru adulti, huma għandhom bżonn minn taʼ l-inqas ftit esperjenza f’li jieħdu deċiżjonijiet.
Ikkunsidra x’tistaʼ tkun ir-raġuni għall-imġiba tagħhom li ġiet osservata mill-ġenituri li ġew kwotati fl-artiklu taʼ qabel.
Lia, fil-Britannja, ilmentat: “It-tifel tiegħi . . . , f’daqqa waħda . . . sar iktar kunfidenti fl-opinjonijiet tiegħu u kellu iktar it-tendenza li jiddubita l-awtorità tagħna.”
Bħat-tfal żgħar, l-adoloxxenti kontinwament jistaqsu, “Għala?” Issa, però, tweġiba qasira u sempliċi forsi ma tkunx biżżejjed bħala risposta għall-mistoqsija tagħhom. Xi nbidel? L-appostlu Pawlu kiteb: “Meta kont tifel ċkejken, kont . . . nirraġuna taʼ tifel.” (1 Korintin 13:11) Hekk kif iż-żgħażagħ jiżviluppaw l-abbiltà li jirraġunaw, huma għandhom bżonn iktar spjegazzjonijiet konvinċenti sabiex “is-sensi tagħhom” jiġu mħarrġin.—Ebrej 5:14.
John, fil-Gana, qal: “Il-bniet tagħna saru inqas kunfidenti fihom infushom, speċjalment dwar l-apparenza tagħhom.”
Kemm jekk isseħħ kmieni, tard, jew f’waqtha, il-bidla f’daqqa waħda tal-pubertà tagħmel lil ħafna żgħażagħ iffokati żżejjed fuq id-dehra tagħhom. It-tfajliet jistgħu jirreaġixxu għall-forom ġodda f’ġisimhom b’eċċitament jew bil-biżaʼ—jew bi ftit mit-tnejn. Żid maʼ dan il-fatt li jiskopru l-akne—u l-makeup—u jkun iktar faċli li tifhem għala ż-żgħażagħ donnhom qed iqattgħu iktar ħin quddiem il-mera milli jistudjaw.
Daniel, fil-Filippini, jispjega: “Uliedna kellhom it-tendenza li jaħbu xi jkunu qed jagħmlu u jaħsbu, u riedu li jkollhom iktar privatezza. Spiss, kienu jippreferu li jkunu maʼ ħbiebhom minflok magħna.”
It-tendenza li jaħbu tistaʼ tkun perikoluża. (Efesin 5:12) Madankollu, il-privatezza hija differenti. Anki Ġesù ra li kien importanti li jfittex “post imwarrab biex ikun waħdu.” (Mattew 14:13) Waqt li jkunu qed jikbru, iż-żgħażagħ ukoll għandhom bżonn daqsxejn spazju persunali—u jeħtieġu li l-adulti jirrispettaw dan. Ċertu ammont taʼ privatezza se jgħin liż-żgħażagħ jitgħallmu kif jirraġunaw fuq xi kwistjoni—sengħa vitali li se sservihom tajjeb meta jsiru adulti.
B’mod simili, bħala parti mill-proċess, huma u jikbru għandhom bżonn jitgħallmu jistabbilixxu ħbiberiji. Huwa minnu li “kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:33) Madankollu, fl-istess ħin, kif tgħid il-Bibbja: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.” (Proverbji 17:17) Sengħa vitali li tibqaʼ anki meta dak li jkun isir adult hi li wieħed jitgħallem kif jifforma u jżomm ħbiberiji b’saħħithom.
Meta jiltaqgħu maʼ xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġew imsemmijin hawn fuq, il-ġenituri jagħmlu tajjeb li jiksbu l-fehma sabiex ma jinterpretawx ħażin il-kondotta taʼ wliedhom. M’għandniex xi ngħidu, mal-fehma l-ġenituri għandhom bżonn l-għerf, l-abbiltà li jirreaġixxu għal ċerta sitwazzjoni b’tali mod li jiksbu l-aqwa riżultat. Kif jistgħu l-ġenituri taʼ l-adoloxxenti jagħmlu dan?
[Kumment f’paġna 21]
Hekk kif iż-żgħażagħ jiżviluppaw il-qawwa tagħhom tar-raġuni, għandhom bżonn iktar spjegazzjonijiet dettaljati għar-regoli tal-familja