Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Kif Nistaʼ Nidra Meta Tintemm ir-Relazzjoni?
“Konna ilna noħorġu flimkien sitt xhur u konna ilna ħbieb ħames snin. Meta hu ried itemm ir-relazzjoni, lanqas biss setaʼ jiffaċċjani. Hu sempliċement waqaf ikellimni. Ħassejtni mitlufa. Id-diżappunt kien kbir wisq. Bqajt nistaqsi lili nnifsi, ‘X’għamilt ħażin?’”—Rachel.a
IT-TMIEM taʼ relazzjoni jistaʼ jfarrak u jbiddel il-karattru ferrieħi tiegħek u minflok tispiċċa tibki b’disprament. Ikkunsidra lil Jeff u lil Susan, li kienu ilhom jinnamraw sentejn. Matul dak iż-żmien, ir-rabta emozzjonali tagħhom kibret. Matul il-jum, Jeff kien jibgħat lil Susan messaġġi miktubin bit-telefon ċellulari b’espressjonijiet taʼ mħabba. Minn żmien għal żmien, kien jagħtiha r-rigali biex juri li kien qed jaħseb fiha. “Jeff kien jagħmel sforz biex jismagħni u jifhimni,” tgħid Susan. “B’dawn l-affarijiet kont inħossni speċjali.”
Jeff u Susan ma damux ma bdew jitkellmu fuq iż-żwieġ u fejn kienu se jgħixu bħala miżżewġin. Jeff saħansitra ta x’jifhem li kien se jistaqsi lil Susan biex tiżżewġu. Imbagħad, f’daqqa waħda, hu temm ir-relazzjoni! Susan ħassitha mkissra. Hi kienet tagħmel l-affarijiet taʼ kuljum, imma kienet tħossha konfuża u vojta. Hi tgħid: “Sirt eżawrita mentalment u fiżikament.”b
Għala Tweġġaʼ
Jekk int kont f’sitwazzjoni simili għal dik taʼ Susan, forsi ħsibt, ‘Qatt se jerġgħu jiġu normali l-affarijiet?’ (Salm 38:6) Hu normali li tkun imnikkta. It-tmiem taʼ relazzjoni jistaʼ jkun waħda mill-iktar esperjenzi trawmatiċi li qatt kellek tissaporti f’ħajtek. Fil-fatt, xi wħud qalu li t-tmiem taʼ relazzjoni hu bħallikieku tmut parti minnek. Int saħansitra tistaʼ ssib lilek innifsek għaddejja minn dawn il-fażijiet komuni taʼ niket jew forsi minn fażijiet komuni oħrajn:
Ċaħda. ‘Ma jistax ikun li għalih spiċċat ir-relazzjoni. Hu dalwaqt se jbiddel fehemtu.’
Rabja. ‘Kif jistaʼ jagħmilli hekk? Ma nistax nittollerah iżjed!’
Dipressjoni. ‘Mhux taʼ min iħobbni. Ħadd qatt m’hu se jħobbni.’
Aċċettar. ‘Issa jgħaddili. Il-firda weġġgħetni, imma qed nirkupra.’
L-aħbar tajba hi li int tistaʼ tilħaq il-fażi taʼ meta tibda taċċetta. Kemm se ddum biex tilħaqha jiddependi minn għadd taʼ fatturi, inkluż kemm damet ir-relazzjoni tagħkom u safejn kienet waslet. Sadanittant, kif tistaʼ tkampa mal-qsim il-qalb tiegħek?
Timxi ’l Quddiem
Forsi smajt lil min jgħid l-espressjoni, Iż-żmien iderri. Għall-ewwel li ntemmet ir-relazzjoni, dan il-kliem forsi ma tantx kien jikkonvinċik. Dan hu minħabba li ż-żmien hu biss parti mis-soluzzjoni. Biex nagħtu eżempju: Ferita fil-ġilda se tfiq biż-żmien, imma issa tweġġgħek. Għandek bżonn twaqqaf id-demm u ttaffi l-uġigħ. Ukoll, hemm bżonn li ma tħallihiex tiġi infettata. L-istess hu minnu meta jkollok ferita emozzjonali. Bħalissa tweġġgħek. Imma hemm passi li tistaʼ tieħu biex ittaffi l-uġigħ u biex iżżomm milli int tiġi infettata mir-rabja. Iż-żmien iderri, imma int x’tistaʼ tagħmel biex tidra? Ipprova dan li ġej.
◼ Ħalli lilek innifsek titnikket. M’hemm xejn ħażin billi tibki bikja tajba. Fuq kollox, il-Bibbja tgħid li hemm “żmien li tibki” u saħansitra “żmien li tolfoq.” (Ekkleżjasti 3:1, 4) Ma jfissirx li int dgħajfa għax tibki. Meta kien f’niket emozzjonali, saħansitra David—gwerrier kuraġġuż—darba ammetta: “Kull lejl nibki fuq friexi, bid-dmugħ inxarrab soddti.”—Salm 6:7 (6:6, NW), Għaqda Biblika Maltija.
◼ Ħu ħsieb is-saħħa fiżika tiegħek. Eżerċizzju fiżiku u nutriment xieraq se jgħinu biex iġibu lura l-enerġija mitlufa minħabba l-effett emozzjonali tat-tmiem taʼ relazzjoni. “It-taħriġ tal-ġisem hu taʼ benefiċċju,” tgħid il-Bibbja.—1 Timotju 4:8.
Liema aspetti konnessi maʼ saħħtek forsi għandek bżonn tagħtihom attenzjoni?
․․․․․
◼ Żomm ruħek okkupata. Tiqafx tagħmel l-affarijiet li jinteressawk. U issa, iktar minn qatt qabel, tinqatax għalik waħdek. (Proverbji 18:1) Il-fatt li tassoċja maʼ dawk li jimpurtahom minnek se jagħtik xi ħaġa pożittiva fuqiex tiffoka.
Liema miri tistaʼ tagħmel biex iżżomm ruħek okkupata?
․․․․․
◼ Itlob lil Alla dwar dak li tħoss. Dan jistaʼ jkun taʼ sfida. Wara li tintemm relazzjoni, xi wħud saħansitra jħossuhom traduti minn Alla. Huma jirraġunaw, ‘Jien tlabt kemm-il darba biex insib lil xi ħadd, u issa ara x’ġara!’ (Salm 10:1) Imma taħseb li jkun xieraq li nħarsu lejn Alla bħala wieħed li mis-sema jlaqqaʼ n-nies? Żgur li le; lanqas ma hu responsabbli meta xi ħadd mill-koppja ma jkunx jixtieq ikompli r-relazzjoni. Aħna nafu dan dwar Ġeħova: ‘Hu jimpurtah minnek.’ (1 Pietru 5:7) Għalhekk, fit-talb esprimi miegħu dak li tħoss. Il-Bibbja tgħid: “Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.”—Filippin 4:6, 7.
Liema affarijiet speċifiċi tistaʼ titlob lil Ġeħova dwarhom waqt li qed tistinka biex tkampa mad-dwejjaq tat-tmiem tar-relazzjoni?
․․․․․
Tħares ’il Quddiem
Wara li jkun għadda ż-żmien biex tfiq, int forsi tagħmel tajjeb jekk teżamina sew x’ġara eżatt fir-relazzjoni li kellek. Meta tkun lesta li tagħmel dan, int tistaʼ ssibha t’għajnuna jekk tikteb it-tweġibiet tiegħek għall-mistoqsijiet li ġejjin.
◼ Ngħatajt raġuni għala ntemmet ir-relazzjoni? Jekk inhu hekk, ikteb ir-raġuni hawn taħt, anki jekk taħseb li m’hijiex minnha.
․․․․․
◼ Liema raġunijiet oħrajn taħseb li setgħu kienu involuti?
․․․․․
◼ Meta terġaʼ taħseb dwar dak li ġara, kien hemm xi ħaġa li stajt tagħmel u li setgħet tbiddel l-affarijiet? Jekk iva, x’inhi?
․․․․․
◼ Uriet din l-esperjenza xi modi fejn tixtieq tikber spiritwalment u emozzjonalment?
․․․․․
◼ Liema affarijiet, jekk hemm, kieku tagħmel differenti fir-relazzjoni tiegħek li jmiss?
․․․․․
Veru, ir-relazzjoni li kont involuta fiha ma spiċċatx kif xtaqt int. Imma ftakar dan: F’nofs tempesta, hu faċli li tiffoka fuq is-sema skur u x-xita nieżla. Imma eventwalment ix-xita tieqaf u s-sema jiċċara. Iż-żgħażagħ kwotati qabel f’dan l-artiklu sabu li maż-żmien huma setgħu jibqgħu għaddejjin b’ħajjithom. Kun ċerta li int ukoll tistaʼ tagħmel l-istess!
Iktar artikli mis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fil-Web site www.watchtower.org/ype
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
b Għalkemm l-individwi kwotati f’dan l-artiklu huma nisa, il-prinċipji diskussi japplikaw għall-irġiel ukoll.
AĦSEB DWAR DAN
◼ X’tgħallimt dwarek innifsek mir-relazzjoni li kellek?
◼ X’tgħallimt dwar is-sess oppost?
◼ F’min tistaʼ tafda jekk tħoss li d-dwejjaq minħabba t-tmiem tar-relazzjoni jidhru kbar wisq?
[Kaxxa f’paġna 27]
SUĠĠERIMENT
Susan, li ssemmiet qabel, għamlet lista taʼ skritturi u żammithom fejn setgħet issibhom faċilment sabiex taqrahom meta kienet tħossha li se titlef il-kontroll. Forsi int tistaʼ tagħmel l-istess bi ftit mill-iskritturi li hawn ċitati f’dan l-artiklu.
[Stampa f’paġna 26]
It-tmiem taʼ relazzjoni qisu ferita li tweġġaʼ—tweġġgħek imma biż-żmien tfiq