LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/09 pp. 10-13
  • Int Tistaʼ Ttejjeb il-Memorja Tiegħek!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Tistaʼ Ttejjeb il-Memorja Tiegħek!
  • Stenbaħ!—2009
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Potenzjal Enormi
  • Kif Ittejjeb il-​Memorja Tiegħek
  • L-​Imnemoniki​—Għodda Utli
  • Int Tistaʼ Ttejjeb il-Memorja Tiegħek
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Pinġi Biex Tiftakar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Aħseb Dwar l-Iktar Punti Importanti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Idea Biex Tistudja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
Stenbaħ!—2009
g 4/09 pp. 10-13

Int Tistaʼ Ttejjeb il-​Memorja Tiegħek!

“Il-​memorja ttejjeb lil ħajjitna. Mingħajrha, kull ġurnata tkun bidu ġdid, saħansitra lanqas biss nagħrfu lilna nfusna. Kull ġurnata u ġrajja ma jkollhom ebda konnessjoni mal-​passat jew mal-​futur.” —“MYSTERIES OF THE MIND.”

GĦALA xi għasafar jistgħu jiftakru sa xhur wara fejn ikunu ħażnu ż-​żrieragħ għax-​xitwa u l-​iskojjattli jistgħu jiftakru l-​post fejn radmu l-​lewż, imma aħna għandu mnejn ninsew fejn inkunu poġġejna ċ-​ċwievet wara siegħa biss? Iva, ħafna minna nilmentaw minħabba memorja difettuża. Madankollu, il-​moħħ tal-​bniedem, għalkemm imperfett, għandu kapaċità taʼ l-​għaġeb li jitgħallem u jiftakar. Is-​sigriet hu li nużawh kemm nistgħu.

Potenzjal Enormi

Il-​moħħ tal-​bniedem jiżen kważi kilo u nofs u bejn wieħed u ieħor għandu d-​daqs taʼ grapefruit, madankollu jikkonsisti f’xi 100 biljun newron, jew ċellula tan-​nervituri, li lkoll kemm huma jifformaw biċċa xogħol inkredibbli u kumplessa. Tabilħaqq, newron wieħed biss jistaʼ jkun konness maʼ 100,000 ieħor. Din il-​konnessjoni tagħti lill-​moħħ il-​kapaċità biex jipproċessa u jaħżen ammont enormi taʼ informazzjoni. Ovvjament, l-​isfida għal dak li jkun hija li jiftakar l-​informazzjoni meta jiġi bżonnha. Xi wħud huma tajbin ħafna f’dan, inkluż ħafna li għandhom ftit jew xejn skola.

Per eżempju, fl-​Afrika tal-​Punent hemm uħud illetterati li jibqgħu jiftakru affarijiet dwar it-​tribù tagħhom u li jissejħu griots. Dawn jistgħu jgħidulek bl-​amment l-​ismijiet taʼ ħafna ġenerazzjonijiet taʼ nies fil-​villaġġi tagħhom. Il-​griots għenu lill-​awtur Amerikan Alex Haley, li l-​ktieb tiegħu Roots rebaħ il-​premju Pulitzer, biex jinvestiga l-​arblu tar-​razza tiegħu fil-​Gambja sa sitt ġenerazzjonijiet b’lura. Haley qal: “Nammetti li nħossni midjun ħafna lejn il-​griots taʼ l-​Afrika—fejn illum jgħidu sew li meta jmut griot, ikun daqslikieku librerija nħarqet għalkollox.”

Ikkunsidra wkoll lil Arturo Toscanini, direttur famuż Taljan taʼ l-​orkestra, li ġie “skopert” fl-​età taʼ 19-il sena meta ġie msejjaħ biex jissostitwixxi direttur ieħor. Minkejja li kellu vista batuta, hu kien kapaċi jmexxi l-​opera Aida—kollha kemm hi bl-​amment!

Kapulavuri bħal dawn jistgħu jaffaxxinawna. Madankollu, ħafna nies għandhom il-​potenzjal li jiftakru ħafna iktar milli jaħsbu li jistgħu. Tixtieq ittejjeb il-​memorja tiegħek?

Kif Ittejjeb il-​Memorja Tiegħek

Il-​memorja tinvolvi tliet passi: li tittrasforma, taħżen, u ġġib lura l-​informazzjoni. Moħħok jittrasforma l-​informazzjoni meta jagħrafha u jirreġistraha. Imbagħad, din l-​informazzjoni tistaʼ tinħażen biex tinġieb lura fil-​futur. Meta xi wieħed minn dawn il-​passi ma jibqax jaħdem, ikun hemm difett fil-​memorja.

Il-memorja nfisha ġiet maqsuma f’diversi tipi, li jinkludu l-​memorja sensorjali, il-​memorja fil-​qosor, u l-​memorja fit-​tul. Il-​memorja sensorjali tirċievi informazzjoni minn stimuli permezz tas-​sensi, bħar-​riħa, il-​vista, u l-​mess. Il-​memorja fil-​qosor, li tissejjaħ ukoll il-​memorja ħaddiema, iżżomm ammonti żgħar taʼ informazzjoni għal perijodi qosra. Minħabba f’hekk, aħna nistgħu nagħmlu somma f’moħħna, indumu niftakru numru tat-​telefon biżżejjed sakemm niġu biex inċempluh, u niftakru l-​ewwel nofs taʼ sentenza waqt li nkunu qegħdin naqraw jew nisimgħu t-​tieni nofs. Imma bħalma nafu lkoll, il-​memorja fil-​qosor għandha l-​limiti tagħha.

Jekk trid taħżen l-​informazzjoni għal żmien indefinit, din trid tmur fil-​memorja fit-​tul tiegħek. Kif tistaʼ tpoġġiha hemm? Il-​prinċipji li ġejjin se jkunu t’għajnuna.

◼ Interess Ikkultiva interess fis-​suġġett, u fakkar lilek innifsek għala tgħallimtu. Bħalma forsi taf mill-​esperjenza tiegħek stess, meta jkunu involuti l-​emozzjonijiet tiegħek, int ittejjeb il-​memorja tiegħek. Dan il-​fatt jistaʼ jkun t’għajnuna kbira għall-​istudenti tal-​Bibbja. Meta jaqraw il-​Bibbja biż-​żewġ miri li jersqu qrib Alla u li jgħallmu lil oħrajn dwaru, huma jistgħu jtejbu ħafna l-​memorja tagħhom.—Proverbji 7:3; 2 Timotju 3:16.

◼ Attenzjoni “Ħafna ‘nuqqasijiet fil-​memorja’ fil-​fatt jirrappreżentaw nuqqas t’attenzjoni,” jgħid il-​ktieb Mysteries of the Mind. X’jistaʼ jgħinek toqgħod attent? Ħu interess, u meta jkun possibbli, ħu n-​noti. Meta s-​semmiegħ jieħu n-​noti, mhux biss se jgħin lil moħħu jiffoka imma dan se jippermettilu wkoll jirrivedi l-​materjal iktar tard.

◼ Fehma “Maʼ dak kollu li tikseb, ikseb l-​abbiltà li tifhem,” jgħid Proverbji 4:7. Meta ma tifhimx xi tagħlim jew idea, x’aktarx li mhux se tiftakarha sew, jekk tiftakarha. Il-​fehma se tgħinek biex tara kif il-​ħsibijiet individwali jifformaw idea sħiħa. Per eżempju, meta student tal-​mekkanika jifhem kif taħdem magna, hu se jiftakar aħjar id-​dettalji dwar il-​magna.

◼ Organizzazzjoni Qassam f’kategoriji ħsibijiet jew ideat li huma simili għal xulxin. Per eżempju, huwa iktar faċli tiftakar lista tax-​xiri meta tqassam l-​affarijiet f’kategoriji—laħam, ħaxix, frott, u affarijiet oħrajn. Ukoll, qassam l-​informazzjoni f’porzjonijiet iżgħar taʼ mhux iktar minn ħames sa sebaʼ affarijiet. Normalment, in-​numri tat-​telefon jinqasmu sabiex dak li jkun jiftakarhom iktar faċilment. Fl-​aħħarnett, jistaʼ jkun t’għajnuna li tqassam il-​lista tiegħek f’ċertu ordni, forsi f’ordni alfabetiku.

◼ Ripetizzjoni mlissna Meta tirripeti b’leħen għoli dak li trid tiftakar (per eżempju, kelma jew frażi b’lingwa barranija) se ssaħħaħ il-​konnessjonijiet tan-​newroni. F’liema sens? L-​ewwelnett, li tlissen il-​kelma jġiegħlek toqgħod iktar attent. It-​tieninett, għandu mnejn li l-​għalliem tiegħek jirreaġixxi mill-​ewwel. U t-​tieletnett, meta tismaʼ—saħansitra lilek innifsek—tħaddem partijiet oħrajn taʼ moħħok.

◼ Immaġinazzjoni Ġib quddiem għajnejk dak kollu li tixtieq tiftakar. Jistaʼ jkun t’għajnuna wkoll li tpinġih fuq karta. Bħar-​ripetizzjoni mlissna, l-​immaġinazzjoni tuża partijiet differenti taʼ moħħok. Iktar ma tuża sensi, iktar tinħażen fil-​fond l-​informazzjoni.

◼ Konnessjoni Meta titgħallem xi ħaġa ġdida, agħmel konnessjoni maʼ xi ħaġa li diġà taf. Meta tgħaqqad ħsibijiet maʼ memorji diġà maħżunin se jkun iktar faċli biex tittrasforma l-​informazzjoni u ġġibha lura, u l-​konnessjoni sservi bħala sinjal. Per eżempju, sabiex tiftakar l-​isem taʼ xi ħadd, assoċjah maʼ xi fatturi mhux tas-​soltu fl-​apparenza tiegħu jew maʼ xi ħaġa oħra li se tfakkrek l-​isem. Iktar ma l-​konnessjoni tkun umoristika jew ridikola, iktar se tgħinek tiftakar. Fi ftit kliem, għandna bżonn naħsbu dwar in-​nies u l-​affarijiet li rridu niftakru.

Il-ktieb Searching for Memory jgħid: “Jekk ngħixu b’mod awtomatiku l-​biċċa l-​kbira taʼ ħajjitna u ma nirriflettux dwar l-​ambjent tagħna u l-​esperjenzi tagħna, nistgħu nħallsu qares billi jkollna biss memorji mhux dettaljati taʼ fejn konna u x’għamilna.”

◼ Konsolidazzjoni Ħalli l-​ħin biex l-​informazzjoni tgħaddi minn proċess, jew biex tidħol sew fil-​memorja tiegħek, bħall-​ilma li jinxtorob bil-​mod il-​mod mill-​art. Wieħed mill-​aħjar modi kif tistaʼ tagħmel dan huwa billi tirrivedi dak li tkun tgħallimt, forsi billi tirripetih lil xi ħadd ieħor. Jekk kellek xi esperjenza interessanti jew qrajt xi ħaġa taʼ inkuraġġiment mill-​Bibbja jew minn pubblikazzjoni li tgħinek tistudja l-​Bibbja, aqsamha maʼ ħaddieħor. B’dan il-​mod, se tibbenefikaw it-​tnejn li intom—il-​memorja tiegħek se tiġi msaħħa u sieħbek se jiġi inkuraġġit. Mhux taʼ b’xejn li huwa fatt magħruf li meta xi ħadd jirripeti l-​informazzjoni jiġi megħjun jiftakarha.

L-​Imnemoniki​—Għodda Utli

Fil-​Greċja u f’Ruma taʼ l-​antik, l-​oraturi kienu kapaċi jitkellmu fit-​tul mingħajr ma jirreferu lanqas għal nota waħda. Kif kienu jagħmlu dan? Kienu jużaw l-​imnemoniki. L-​imnemonika hija strateġija jew għodda li tgħinna naħżnu l-​informazzjoni fil-​memorja fit-​tul u niftakruha meta jkun hemm bżonn.

Għodda taʼ l-​imnemonika li kienu jużaw l-​oraturi Griegi kienet il-​metodu tal-​lokazzjoni, li ġie deskritt l-​ewwel darba mill-​poeta Grieg Simonides taʼ Ceos fis-​sena 477 Q.E.K. Din it-​teknika tiġbor flimkien il-​prinċipji taʼ l-​organizzazzjoni, l-​immaġinazzjoni, u l-​konnessjoni maʼ xi ħaġa familjari, bħal sinjal fit-​triq jew oġġett fil-​kamra jew fid-​dar taʼ xi ħadd. Nies li jużaw it-​teknika tal-​lokazzjoni jmorru mixja immaġinarja, billi jqabblu kull biċċa informazzjoni li jridu jiftakru maʼ ċerti sinjali jew oġġetti. Meta jkunu jridu jiftakru l-​informazzjoni, huma sempliċement jerġgħu jieħdu din l-​istess mixja immaġinarja.—Ara l-​kaxxa “Mur Mixja Immaġinarja.”

Permezz taʼ riċerka li saret fuq nies li ġew minn taʼ l-​ewwel fil-​Kampjonati Dinjin tal-​Memorja, li jinżammu kull sena, instab li l-​memorji superjuri tagħhom ma kinux minħabba intelliġenza straordinarja. Iktar minn hekk, ħafna parteċipanti kellhom bejn l-​40 u l-​50 sena. X’kien is-​sigriet tagħhom? Ħafna jgħidu li għandhom din l-​abbiltà minħabba li jużaw b’mod effettiv l-​imnemonika.

Għandek bżonn tiftakar xi listi taʼ kliem? Mnemonika effettiva għal dan hija l-​akronimu—ġabra taʼ l-​ewwel ittra jew ittri fi grupp taʼ kliem biex jifformaw kelma ġdida. Per eżempju, ħafna mill-​Amerikani taʼ Fuq jiftakru l-​ismijiet tal-​ħames Lagi Kbar—Huron, Ontario, Michigan, Erie, u Superior—bl-​akronimu “HOMES.” Għajnuna simili għall-​memorja hija l-​akrostiku, li kien jintuża ħafna mill-​Ebrej tal-​qedem. Per eżempju, f’ħafna mis-​salmi l-​ewwel kelma taʼ kull vers jew grupp taʼ versi tibda bl-​ittra li jmiss taʼ l-​alfabet Ebrajk. (Ara Salm 25, 34, 37, 111, 112, u 119.) Din l-​għajnuna utli għall-​memorja għenet lill-​għannejja biex jiftakru Salm 119 kollu li fih 176 vers!

Iva, int tistaʼ tħarreġ u ttejjeb il-​memorja tiegħek. Kif urew l-​istudji, il-​memorja tagħna tixbah ħafna lil muskolu. Iktar ma nużawha, iktar issir b’saħħitha, anki aħna u nixjieħu.

[Kaxxa f’paġna 11]

IKTAR SUĠĠERIMENTI

◼ Stimula l-​memorja tiegħek billi titgħallem snajjaʼ ġodda, lingwa ġdida, jew strument mużikali.

◼ Iffoka l-​attenzjoni tiegħek fuq l-​iktar affarijiet importanti.

◼ Tgħallem tekniki mnemoniċi.

◼ Ixrob biżżejjed ilma. Nuqqas taʼ fluwidi jistaʼ jikkaġuna konfużjoni mentali.

◼ Orqod biżżejjed. Matul l-​irqad, il-​moħħ jaħżen il-​memorji.

◼ Irrilassa waqt li tkun qed tistudja. L-​istress iqanqal il-​ħruġ tal-​cortisol (ormoni taʼ l-​istress), li jistaʼ jfixkel il-​mod kif jaħdmu n-​nervituri.

◼ Evita t-​tipjip u l-​abbuż taʼ l-​alkoħol. L-​alkoħol iħalli effett ħażin fuq il-​memorja fil-​qosor, u l-​alkoħoliżmu jistaʼ jwassal għal nuqqas taʼ thiamine, vitamina-B li hi essenzjali biex il-​memorja taħdem kif suppost. It-​tipjip inaqqas l-​ammont t’ossiġnu li jgħaddi għall-​moħħ.a

[Nota taʼ taħt]

a Dan it-​tagħrif hu bbażat fuq l-​informazzjoni pubblikata fir-​rivista elettronika Brain & Mind.

[Kaxxa/​Stampi f’paġna 12, 13]

MUR MIXJA IMMAĠINARJA

Kieku kif tiftakar lista tax-​xiri b’diversi affarijiet, bħal ħobż, bajd, ħalib, u butir? Int tistaʼ “tarahom” waqt li tieħu mixja immaġinarja fis-​salott tiegħek billi tuża l-​metodu tal-​lokazzjoni.

Immaġina mħadda tal-​ħobż fuq is-​siġġu

bajd miżmum sħun taħt il-​lampa

il-​“goldfish” tiegħek tgħum f’akkwarju mimli ħalib

butir imdellek maʼ l-​iskrin kollu tat-​televixin

Iktar ma tkun tad-​daħq u mhux tas-​soltu, iktar aħjar! Meta tasal fil-​ħanut, erġaʼ ftakar fil-​mixja immaġinarja tiegħek.

[Kaxxa f’paġna 13]

KUN KUNTENT LI TISTAʼ TINSA!

Immaġina kif tkun ħajtek kieku kellek tiftakar kollox, kemm jekk importanti u kemm jekk le. Kieku moħħok jimtela b’ħafna affarijiet mhux bżonnjużi, hux hekk? Infatti, waħda mara li prattikament setgħet tiftakar dak kollu li ġara f’ħajjitha, “iddeskriviet il-​fatt li tiftakar kollox kontinwament bħala ‘bla waqfien, bla kontroll, u jgħejjiha għalkollox,’ u bħala ‘piż,’” tgħid ir-​rivista New Scientist. Kemm aħna grati li ħafna minna m’għandniex din il-​problema minħabba li, bħalma jaħsbu xi riċerkaturi, moħħna għandu l-​abbiltà li jarmi informazzjoni mhux bżonnjuża jew antika. New Scientist tgħid li “biex il-​memorja tiffunzjona bis-​sħiħ huwa importanti ħafna li tinsa b’mod effiċjenti. Meta ninsew xi ħaġa utli, . . . dan sempliċement juri li din is-​sistema li tarmi l-​informazzjoni qed taħdem tajjeb wisq.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja