Kliem Imsaffar—Mod Effettiv Kif “Jitkellmu”
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-MESSIKU
◼ Fir-reġjun muntanjuż t’Oaxaca, fil-Messiku, in-nies tal-lokal li jissejħu Mazateki m’għandhomx telefons, la ċellulari u lanqas tipi oħrajn. Madankollu, huma xorta jirnexxilhom jikkomunikaw minn distanza taʼ żewġ kilometri jew iktar—per eżempju, waqt li jkunu qed jaħdmu fuq xi għolja fl-għelieqi tal-kafè. X’inhu s-sigriet tagħhom? Ħafna snin ilu, il-Mazateki żviluppaw forma msaffra tal-lingwa tagħhom. Pedro, Mazatek żagħżugħ, jgħid: “Il-Mazateko hi lingwa taʼ tonalità. Għalhekk, meta nsaffru, aħna nikkopjaw it-ton u r-ritmu tal-lingwa mitkellma. U nsaffru bix-xofftejn biss u mhux bl-għajnuna tas-swabaʼ tagħna.”a
Fidencio, il-ħabib taʼ Pedro, jispjega l-vantaġġ tal-forma msaffra tal-lingwa tagħhom: “Aħna nużaw din il-forma taʼ komunikazzjoni minn distanzi twal u ġeneralment għal konversazzjonijiet qosra. Per eżempju, missier setaʼ bagħat lil ibnu f’ħanut biex jixtri t-tortillas imma nesa jgħidlu biex iġib it-tadam. Jekk it-tifel qiegħed ’il bogħod wisq biex jismaʼ l-kliem, missieru jistaʼ jsaffar l-istruzzjonijiet.”
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova wkoll kultant isaffru meta jikkomunikaw maʼ xulxin. Pedro jispjega: “Meta nżur territorji iżolati u nkun irrid nistieden Xhud ieħor biex jakkumpanjani, m’għandix għalfejn immur it-triq kollha sad-dar tiegħu. Jien sempliċement insaffar.”
Pedro jgħid: “Sabiex inkunu nafu min qed ‘jitkellem,’ aħna lkoll għandna tisfira persunali. Normalment, l-irġiel Mazateki biss jużaw kliem imsaffar. Mara tistaʼ tifhem il-lingwa u saħansitra tużaha fil-familja, imma mhux se tużaha biex tikkomunika maʼ kwalunkwe raġel. Dan jiġi kunsidrat mhux xieraq.”
Il-kliem imsaffar ċertament li m’huwiex uniku għall-Mazateki biss; nies oħrajn li jużaw kliem imsaffar instabu fil-Canary Islands, fiċ-Ċina, u fil-Papwa Ginea Ġdida. Ġeneralment, huma nies li jgħixu fil-muntanji u fil-foresti mimlijin siġar. Fil-fatt, jistaʼ jkun li jeżistu iktar minn 70 lingwa msaffra, u minn taʼ l-inqas 12 ġew studjati.
Ma nistgħux ma nimmeraviljawx ruħna bil-kreattività tal-bniedem. Tabilħaqq, meta tgħaqqad dan it-talent max-xewqa kbira biex ikun hemm komunikazzjoni, il-limiti huma biss fl-immaġinazzjoni tagħna—u din tidher li hi kważi mingħajr limitu!
[Nota taʼ taħt]
a Xogħol taʼ referenza jispjega: “Bil-varjazzjoni fil-ħeffa, fit-ton karatteristiku, u fl-intensità tat-tisfira, il-Mazateki kapaċi jgħaddu lil xulxin għadd kbir taʼ ideat.”