Barkiet Akbar mill-Għana
JON kellu karriera taʼ suċċess kbir bħala konsulent fl-Istati Uniti. Anki meta kien żagħżugħ, hu dar id-dinja u qalaʼ ħafna flus. Hu u martu kellhom dar sabiħa u ħajja komda. Fil-ħarsa taʼ ħafna, huma kienu mberkin.
Ikkunsidra każ ieħor. Kostasa kien wieħed minn 80 biss li ġew magħżulin fost iktar minn 5,000 applikant biex jaħdmu bħala apprendisti maʼ bank Ewropew prominenti. Fi ftit snin biss, hu ġie mlaħħaq darba wara l-oħra u eventwalment inħatar bħala l-kap taʼ wieħed mill-akbar dipartimenti f’bank ieħor. Sakemm telaq dan ix-xogħol biex jibda l-kumpanija tiegħu stess, f’sena hu kien qed jaqlaʼ iktar flus minn kemm jaqilgħu l-maġġuranza tan-nies f’ħajjithom kollha. Hu ħassu mbierek.
Madankollu, dawn iż-żewġt irġiel huma konvinti li hemm barkiet akbar mill-għana materjali. Per eżempju, illum Jon jagħmel xogħol volontarju bħala għalliem tal-Bibbja billi jgħin lil oħrajn jersqu eqreb lejn Alla. “Jien personalment rajt u esperjenzajt li l-għana materjali ma jwassalx għall-kuntentizza,” jgħid Jon. “It-taħbit biex tiksbu u żżommu ma jħallilekx ħin għal affarijiet oħrajn. Mill-banda l-oħra, li tgħix fi qbil mal-prinċipji Bibliċi jiftaħlek il-bieb għal ħafna barkiet, bħal żwieġ ħafna iktar hieni, paċi tal-moħħ, u kuxjenza tajba.”
B’mod simili, Kostas jikkummenta: “Alla ma jridniex inkunu determinati biex ikollna affarijiet materjali żejda. Jien konvint li kwalunkwe ħaġa li jagħtina iktar milli għandna bżonn kuljum tobbligana li nużawha skond ir-rieda tiegħu.” Reċentement, Kostas u l-familja tiegħu bdew jitgħallmu lingwa oħra sabiex jgħallmu l-prinċipji Bibliċi lil iktar nies. Hu jgħid: “Aħna tgħallimna li nkunu iktar ferħanin meta nagħtu milli meta nirċievu.”—Atti 20:35.
Tabilħaqq, Jon u Kostas, it-tnejn li huma tgħallmu li l-barkiet spiritwali huma ħafna iktar prezzjużi mill-għana materjali. Daniel Gilbert, professur f’Harvard, jinnota li l-esperti tas-saħħa mentali “qattgħu għaxriet taʼ snin jistudjaw ir-relazzjoni bejn l-għana u l-kuntentizza, u ġeneralment huma kkonkludew li l-għana jżid il-kuntentizza tal-bniedem meta jeħles lin-nies minn faqar estrem u meta jdaħħalhom fil-klassi tan-nofs.” Imma mbagħad hu jżid, “Wara dan, l-għana ftit li xejn jgħin biex iżid il-kuntentizza.”
Lezzjoni li Spiss Nitgħallmuha mill-Konsegwenzi Koroh
Osservatur qal li “ladarba persuna ma tibqax fil-faqar, iż-żjieda fid-dħul fir-realtà ftit għandha x’taqsam mal-kuntentizza persunali.” Fil-bidu tas-seklu li għadda, riporter fehem kemm hi minnha din il-lezzjoni meta intervista lil Andrew Carnegie, wieħed li kien involut fl-iżvilupp taʼ l-industrija taʼ l-azzar u li dak iż-żmien kien wieħed mill-iktar irġiel għonja fid-dinja. “In-nies m’għandhomx għalfejn jgħiru għalija,” qallu Carnegie. “L-għana tiegħi kif jistaʼ jgħinni? Għandi sittin sena, u ma nistax niddiġerixxi l-ikel. Lest li nagħti l-miljuni kollha li għandi kieku jistaʼ jerġaʼ jkolli ż-żgħożija u saħħti.”
Imbagħad ir-riporter kompla jgħid: “Is-Sinjur Carnegie dar f’daqqa waħda, u b’leħen baxx u b’rabja u b’sentiment profond li ma tantx tistaʼ tiddeskrivih, qal: ‘Minn qalbi lest li nbigħ kwalunkwe ħaġa biex jerġaʼ jkolli ħajti mill-ġdid.’” J. Paul Getty, multimiljunarju ieħor u negozjant kbir fl-industrija taż-żejt, iktar tard qal fi qbil maʼ dan: “Il-flus mhux bilfors iġibu l-kuntentizza. Forsi iktar iġibu niket.”
Int għandek mnejn taqbel sew mal-kittieb tal-Bibbja li talab: “Tagħtinix faqar u lanqas rikkezzi. Ħallini niekol l-ikel li neħtieġ, sabiex ma nixbax u nispiċċa niċħdek u ngħid: ‘Min hu Ġeħova?’ u sabiex ma niftaqarx u nispiċċa nisraq u nżeblaħ isem Alla tiegħi.”—Proverbji 30:8, 9.
Is-Sultan Salamun taʼ Israel tal-qedem spjega: “Kbirt u żidt dak li kelli iktar minn kulmin kien qabli f’Ġerusalemm.” Madankollu, hu żied: “Kollox kien frugħa u ġiri wara r-riħ.” Salamun qal ukoll: “Il-barka taʼ Ġeħova—hi li ġġib l-għana, u hu ma jżid l-ebda wġigħ magħha.”—Ekkleżjasti 2:9-11; 5:12, 13; Proverbji 10:22.
It-Triq Għal Barkiet Dejjiema
B’mod ċar, aħna nistgħu nsibu l-verità u l-kuntentizza dejjiema biss wara li nissodisfaw b’mod xieraq il-bżonnijiet spiritwali tagħna. Jekk inpoġġu lil Alla l-ewwel, aħna se nsibu li kull aspett taʼ ħajjitna jsir iktar sinifikanti u iktar sodisfaċenti.
Għandna għalxiex inkunu grati li nistgħu ngħidu li mhux se jibqaʼ jkollna għalfejn nitħassbu dwar il-flus. Il-Bibbja tassigurana dwar futur meta l-kummerċ rgħib li jisfrutta lin-nies se jitneħħa għal dejjem. (1 Ġwanni 2:15-17) Is-sistema l-ġdida t’Alla li ġejja se tkun immexxija mill-prinċipji ġusti tiegħu. L-art se tinbidel f’ġenna kif kien l-iskop t’Alla oriġinalment meta poġġa lill-ewwel koppja fiha. X’barka se tkun li naraw l-art kollha mimlija bl-hena, il-paċi, u l-imħabba!—Isaija 2:2-4; 2 Pietru 3:13; 1 Ġwanni 4:8-11.
F’dak iż-żmien, il-ħajja m’hijiex se tkun taʼ dwejjaq jew tedjanti. Minbarra relazzjoni mill-qrib miegħu, Alla se jagħtina barkiet materjali hekk kif iwettaq l-iskop oriġinali tiegħu għall-bnedmin li jgħixu għal dejjem f’art magħmula ġenna. Aħna żgurati li se jkun hemm iktar minn biżżejjed ikel, djar, u xogħol sinifikanti għal kulħadd. Il-faqar se jiġi eliminat għalkollox.—Salm 72:16; Isaija 65:21-23; Mikea 4:4.
Kulmin sinċerament jeżerċita fidi f’Ġeħova, l-Alla tal-Bibbja, mhux se jkun diżappuntat. (Rumani 10:11-13) Kemm huwa għaqli, allura, li issa nirsistu għall-barkiet li huma akbar mill-għana!—1 Timotju 6:6-10.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.
[Kumment f’paġna 8]
Jekk inpoġġu lil Alla l-ewwel, ħajjitna tistaʼ ssir iktar sodisfaċenti
[Stampa f’paġna 8]
Jekk inqassmu l-flus bil-għaqal jistaʼ jkollna ħajja iktar pjaċevoli