Int Tistaʼ Ttejjeb il-Memorja Tiegħek
ALLA ĠEĦOVA ħalaq il-moħħ uman bl-abbiltà meraviljuża li jiftakar. Hu ddisinjah biex ikun bir taʼ informazzjoni li nkunu nistgħu nieħdu minnu mingħajr ma nitilfu l-affarijiet prezzjużi li jkunu ntefgħu fih. Id-disinn tal-moħħ hu konsistenti mal-iskop taʼ Alla li ħalaq il-bnedmin biex jgħixu għal dejjem.—Salm 139:14; Ġw. 17:3.
Imma għandek mnejn tħoss li ħafna mill-informazzjoni li ddaħħal f’moħħok tintilef. Donnha ma tkunx hemm meta tkun tridha. X’tistaʼ tagħmel biex ittejjeb il-memorja tiegħek?
Interessa Ruħek
L-interess hu fattur importanti biex il-memorja titjieb. Jekk niħduha drawwa li nosservaw, li ninteressaw ruħna fin-nies u f’dak li qed jiġri madwarna, moħħna se jiġi stimulat. Imbagħad se jkun iktar faċli għalina li nwieġbu b’interess simili meta naqraw jew nisimgħu xi ħaġa taʼ valur dejjiemi.
Mhijiex xi ħaġa rari li persuna ssibha diffiċli tiftakar l-ismijiet tan-nies. Madankollu, bħala Kristjani, aħna nafu li n-nies huma importanti—il-Kristjani sħabna, dawk li nagħtuhom xhieda, u oħrajn li nittrattaw magħhom hekk kif nieħdu ħsieb l-affarijiet neċessarji tal-ħajja. X’jistaʼ jgħinna niftakru l-ismijiet li tassew għandna niftakruhom? L-appostlu Pawlu semma b’isimhom lil 26 membru tal-kongregazzjoni li lilha kiteb. L-interess tiegħu fihom huwa indikat mill-fatt li mhux biss kien jaf isimhom imma wkoll semma dettalji speċifiċi dwar ħafna minnhom. (Rum. 16:3-16) Xi indokraturi li jivvjaġġaw tax-Xhieda taʼ Ġeħova taʼ żmienna jiftakruhom sew l-ismijiet, għalkemm jivvjaġġaw minn kongregazzjoni għal oħra kull ġimgħa. X’jgħinhom? Huma jiħduha drawwa li jużaw l-isem taʼ persuna diversi drabi meta jkellmuha għall-ewwel darba. Jagħmlu sforz biex jorbtu l-isem mal-wiċċ tal-persuna. Ukoll, huma jqattgħu l-ħin maʼ diversi individwi fil-ministeru tal-għalqa u f’ikliet flimkien. Meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd, se tiftakru ismu? Ibda billi ssib raġuni tajba għala għandek tiftakar l-isem, imbagħad ipprova xi wħud mis-suġġerimenti li semmejna.
Huwa importanti wkoll li tiftakar dak li taqra. X’jistaʼ jgħinek titjieb f’dan ir-rigward? Huwa importanti kemm li tinteressa ruħek u kemm li tifhem. Għandek bżonn tieħu biżżejjed interess f’dak li tkun qed taqra biex tiffoka l-attenzjoni sħiħa tiegħek fuqu. M’intix se taħżen l-informazzjoni jekk moħħok ikun band’oħra waqt li tkun qed tipprova taqra. Int tifhem aħjar meta torbot l-informazzjoni maʼ affarijiet li huma familjari għalik jew maʼ għarfien li għandek diġà. Staqsi lilek innifsek: ‘Kif u meta nistaʼ napplika din l-informazzjoni f’ħajti stess? Kif nistaʼ nużaha biex ngħin lil ħaddieħor?’ Il-fehma titjieb ukoll jekk taqra frażijiet sħaħ minflok kliem individwali. Se tifhem l-ideat u tidentifika l-ħsibijiet prinċipali iktar malajr, u se jkun iktar faċli tiftakarhom.
Ħu l-Ħin Biex Tagħmel Reviżjoni
L-esperti fil-qasam tal-edukazzjoni jenfasizzaw il-valur tar-reviżjoni. Fi studju wieħed, professur taʼ kulleġġ wera li jekk dak li jkun iqattaʼ minuta jagħmel reviżjoni mill-ewwel jaħżen id-doppju tal-informazzjoni. Mela eżatt malli tlesti l-qari tiegħek—jew parti kbira minnu—irrivedi l-ideat prinċipali ħalli ddaħħalhom sew f’moħħok. Aħseb dwar kif kieku tispjega fi kliemek xi punt ġdid li tkun tgħallimt. Jekk iġġedded il-memorja tiegħek eżatt wara li tkun qrajt xi ħsieb, int se tibqaʼ tiftakar il-punt għal iktar żmien.
Imbagħad fil-ġranet taʼ wara, fittex opportunitajiet biex tirrivedi dak li tkun qrajt billi taqsam l-informazzjoni maʼ xi ħadd ieħor. Tistaʼ tagħmel dan maʼ membru tal-familja, xi ħadd fil-kongregazzjoni, ħabib tax-xogħol, ħabib tal-iskola, ġar, jew xi ħadd ieħor li tiltaqaʼ miegħu fil-ministeru tal-għalqa. Ipprova rripeti kemm il-fatti prinċipali kif ukoll l-irraġunar Skritturali marbut magħhom. Jekk tagħmel dan se tibbenefika, billi ddaħħal sew fil-memorja tiegħek dak li hu importanti; dan se jkun taʼ benefiċċju wkoll għal oħrajn.
Immedita Dwar Affarijiet Importanti
Minbarra li tirrivedi dak li tkun qrajt u taqsmu maʼ oħrajn, se ssib li jkun taʼ benefiċċju meta timmedita dwar l-affarijiet importanti li tkun tgħallimt. Il-kittieba tal-Bibbja Asaf u David hekk għamlu. Asaf qal: “Jien se niftakar dak li għamel Jah; iva, niftakar l-għemejjel meraviljużi tiegħek taʼ żmien twil ilu. U se nimmedita fuq l-attività tiegħek kollha, u nikkunsidra għemilek.” (Salm 77:11, 12) B’mod simili, David kiteb: “Matul l-għases tal-lejl nimmedita fuqek,” u “jien ftakart fil-jiem taʼ żmien twil ilu; immeditajt fuq l-attività kollha tiegħek.” (Salm 63:6; 143:5) Tagħmel hekk int?
Meta toqgħod taħseb b’dan il-mod, fil-fond u b’konċentrazzjoni kbira, u timmedita dwar dak li jagħmel Ġeħova, il-kwalitajiet tiegħu, u l-espressjonijiet dwar ir-rieda tiegħu tiġi megħjun ħafna biex taħżen il-fatti f’moħħok. Jekk tiħodha drawwa li taħseb b’dan il-mod, se tnaqqax f’qalbek affarijiet tassew vitali. Dan se jsawwar il-persuna li int minn ġewwa. Il-memorji li toħloq se jirrappreżentaw l-iktar ħsibijiet ġewwinin tiegħek.—Salm 119:16.
L-Irwol tal-Ispirtu taʼ Alla
Meta nipprovaw niftakru l-veritajiet dwar l-attivitajiet taʼ Ġeħova u l-affarijiet li qal Ġesù Kristu, aħna ma nitħallewx mingħajr għajnuna. Fil-lejl taʼ qabel mewtu, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Għedtilkom dan waqt li għadni magħkom. Imma l-ajjutant, l-ispirtu qaddis, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għedtilkom.” (Ġw. 14:25, 26) Mattew u Ġwanni kienu fost dawk preżenti. Kien l-ispirtu qaddis taʼ għajnuna għalihom? Iva, tabilħaqq! Xi tmien snin wara, Mattew spiċċa jikteb l-ewwel rakkont dettaljat tal-ħajja taʼ Kristu, u inkluda memorji imprezzabbli bħall-Prietka taʼ fuq il-Muntanja u s-sinjal dettaljat tal-preżenza taʼ Kristu u l-konklużjoni tas-sistema. Ħamsa u sittin sena wara l-mewt taʼ Ġesù, l-appostlu Ġwanni kiteb l-Evanġelju tiegħu, u inkluda dettalji dwar dak li qal Ġesù fl-aħħar lejl li l-appostli qattgħu mal-Mulej qabel ma ta ħajtu. Żgur li kemm Mattew u kemm Ġwanni kellhom memorji ċari tal-affarijiet li qal u għamel Ġesù waqt li kienu miegħu, imma l-ispirtu qaddis kellu rwol ewlieni f’li jiżgura li ma jinsew ebda dettall importanti li Ġeħova ried li jinkiteb fil-Kelma miktuba tiegħu.
L-ispirtu qaddis jgħin lill-qaddejja taʼ Alla llum? Dażgur! M’għandniex xi ngħidu, l-ispirtu qaddis ma jpoġġilniex f’moħħna affarijiet li qatt ma tgħallimniehom, imma jgħinna minħabba li jfakkarna affarijiet importanti li nkunu studjajna fil-passat. (Lq. 11:13; 1 Ġw. 5:14) Imbagħad, skont il-bżonn, l-abbiltà tagħna li naħsbu tiġi mqanqla biex ‘tiftakar dak li ngħad qabel mill-profeti mqaddsa u l-kmandament li ta l-Mulej u s-Salvatur.’—2 Pt. 3:1, 2.
“Tinsiex”
Ġeħova wissa lil Israel għal darba wara l-oħra: “Tinsiex.” Hu ma stenniex li kienu se jiftakru kollox perfettament. Imma ma kellhomx ikunu tant medhijin bil-ġiri wara l-affarijiet persunali tagħhom li jwarrbu fil-ġenb il-mod kif Ġeħova ttratta magħhom. Huma kellhom iżommu ħajjin il-memorji tagħhom dwar kif Ġeħova ħelishom meta l-anġlu tiegħu qatel lill-ewwel imweldin tal-Eġittu kif ukoll meta Ġeħova fetaħ il-Baħar l-Aħmar u mbagħad għalqu, u għarraq lill-Fargħun u l-armata tiegħu. L-Israelin kellhom jiftakru li Alla tahom il-Liġi tiegħu fuq il-Muntanja Sinaj u li mexxiehom minn ġox-xagħri għal ġol-Art Imwiegħda. Huma ma kellhomx jinsew fis-sens li l-memorji dwar dawn l-affarijiet kellhom ikomplu jħallu effett profond fuq il-ħajja tagħhom taʼ kuljum.—Dt. 4:9, 10; 8:10-18; Eżo. 12:24-27; Salm 136:15.
Aħna wkoll irridu noqogħdu attenti li ma ninsewx. Hekk kif inkampaw mal-pressjonijiet tal-ħajja, irridu niftakru f’Ġeħova, inżommu f’moħħna x’tip taʼ Alla hu u l-imħabba li wera fl-għotja taʼ Ibnu, li pprovda fidwa għal dnubietna ħalli jkun jistaʼ jkollna ħajja perfetta għal dejjem. (Salm 103:2, 8; 106:7, 13; Ġw. 3:16; Rum. 6:23) Il-qari regulari tal-Bibbja u s-sehem attiv fil-laqgħat tal-kongregazzjoni u fil-ministeru tal-għalqa se jżommu dawn il-veritajiet prezzjużi ħajjin fina.
Meta tiffaċċja deċiżjonijiet kbar jew żgħar, ftakar f’dawn il-veritajiet vitali, u ħallihom jinfluwenzaw il-ħsibijiet tiegħek. Tinsiex. Fittex lil Ġeħova għall-gwida. Minflok ma tħares lejn l-affarijiet sempliċement mill-ħarsa tal-bniedem jew tafda f’dak li tgħidlek il-qalb imperfetta tiegħek f’dak il-mument, staqsi lilek innifsek, ‘Liema pariri jew prinċipji mill-Kelma taʼ Alla għandhom jeffettwaw id-deċiżjoni tiegħi?’ (Prov. 3:5-7; 28:26) Ma tistax tiftakar affarijiet li qatt ma qrajt jew smajt. Imma int u tkabbar l-għarfien eżatt u l-imħabba tiegħek għal Ġeħova, il-ħażna tal-għarfien li l-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinek tiftakar se tiżdied, u l-imħabba tiegħek għal Ġeħova li dejjem tikber se tqanqlek taġixxi fi qbil magħha.