L-Ajkla Arpija—Għasfur tal-Priża tal-Foresta tax-Xita
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-EKWADOR
◼ L-esploraturi bikrin taʼ l-Amerika t’Isfel żgur li baqgħu mgħaġġbin meta raw dan l-għasfur enormi. Tant baqgħu impressjonati li tawh l-isem taʼ mostru tal-biżaʼ fil-mitoloġija Griega li kien nofsu għasfur u nofsu mara—l-arpija.
Illum, id-dehra impressjonanti taʼ l-ajkla arpija għadha tgħaġġeb lin-nies. Bit-tul taʼ 91 ċentimetru u bil-wisa’ taʼ ġwinħajh minn naħa s’oħra taʼ 2 metri, dan l-għasfur tal-foresti tax-xita taʼ l-Amerika Ċentrali u t’Isfel hu wieħed mill-akbar ajkli fid-dinja u wieħed mill-iktar b’saħħithom. In-nisa huma akbar u jistgħu jiżnu sa disaʼ kilogrammi. Skond id-daqs tagħhom, l-ajkli arpiji huma armati bi dwiefer b’saħħithom li jitwalu sa 13-il ċentimetru, id-doppju tad-dwiefer taʼ l-ajkli taʼ rashom bajda. Iktar minn hekk, skond National Geographic Today, id-dwiefer taʼ l-ajkla arpija tant huma b’saħħithom li jistgħu jgħaffġu “l-għadam tas-sloths, ix-xadini, u priżi oħrajn li l-ajkla taħtaf mill-wiċċ tal-foresta tax-xita, u din spiss toqtol il-vittmi tagħha mill-ewwel.” Minkejja d-daqs kbir u l-arma taʼ l-għaġeb li għandha l-ajkla arpija, din tant ittir bla ħoss li saħansitra tistaʼ ma tiġix notata meta tgħaddi minn fuq ras dak li jkun.
Għasfur fil-Periklu
Għalkemm il-bnedmin m’għandhomx għalfejn jibżgħu mill-ajkla arpija, l-għasfur għandu għalfejn jibżaʼ mill-bnedmin. Il-kaċċa illegali u l-qerda tal-foresta fejn jgħix poġġew lill-għasfur fil-lista taʼ l-ispeċi li jinsabu fil-periklu, u issa rari tarah fis-salvaġġ. Fi sforz biex tipprova ssalva l-ajkla arpija, il-Panama ddikjaratha l-għasfur nazzjonali, u dawk li jinqabdu jikkaċċjawha illegalment jiġu kastigati bl-aħrax.
Fl-Ekwador ukoll qed jipprovaw isalvaw l-ajkla arpija. F’intervista ma’ Stenbaħ!, il-veterinarja Dr. Yara Pesantes tal-Park Storiku Guayaquil spjegat li l-ajkli arpiji ma jistgħux jirriproduċu qabel ikollhom erba’ jew ħames snin. Anki meta jkollhom din l-età, huma jnisslu darba kull sentejn, u n-nisa jbidu biss bajda jew tnejn kull darba. Huwa diffiċli ssalvahom minħabba li jirriproduċu daqshekk bil-mod. Imma l-programm tal-park biex jgħinhom inisslu meta jkunu maqbudin diġà pproduċa nisel f’saħħtu, qalet Dr. Pesantes.
Madankollu, il-bnedmin dalwaqt mhux se jkollhom għalfejn jipprovaw isalvaw l-annimali milli jiġu estinti. Dan kif se jseħħ? Alla Ġeħova, il-Ħallieq, se jieħu l-kontroll sħiħ fuq kulma jseħħ fuq l-art u se juri mingħajr ebda dubju li hu ma ħalaqx il-pjaneta tagħna u l-ħlejjaq meraviljużi tagħha għalxejn.—Salm 104:5; Isaija 45:18.
[Stampa f’paġna 18]
Iħejju biex jagħmlu ħolqa lill-ajkla
[Sors]
Pete Oxford/Minden Pictures
[Sors tal-Istampa f’paġna 18]
Tui De Roy/Roving Tortoise Photos