LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 7/09 pp. 19-22
  • Ir-Raġel li Għamel l-Ewwel Mappa tad-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ir-Raġel li Għamel l-Ewwel Mappa tad-Dinja
  • Stenbaħ!—2009
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jaqleb għall-Ġeografija
  • Jitwieled Kartografu
  • Akkużat b’Ereżija
  • L-Ewwel Atlas
  • “L-Aqwa Ġeografu taʼ Żmienna”
  • Kaxxa għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2000
  • Aristotele
    Stenbaħ!—2016
  • “Aqsam L-art”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sib l-Għaxqa Tiegħek fil-Kelma taʼ Alla
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2009
g 7/09 pp. 19-22

Ir-Raġel li Għamel l-Ewwel Mappa tad-Dinja

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-BELĠJU

Fil-bidu tas-sena 1544, Gerardus Mercator sab ruħu f’ċella kiesħa u mudlama. Hu ħassu ċert li kien se jmut. Dan għala seħħ lill-aqwa kartografu tas-seklu 16? Biex inkunu nafu, ejja l-ewwel neżaminaw ħajtu u żmienu iktar mill-qrib.

MERCATOR twieled fis-sena 1512 f’Rupelmonde, port żgħir ħdejn Antwerp, il-Belġju. Hu rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-università taʼ Louvain. Wara li ggradwa, hu studja t-tagħlim t’Aristotele, u ma damx ma beda jħossu diżappuntat minħabba li ma setax isib qbil bejn it-tagħlim t’Aristotele u t-tagħlim tal-Bibbja. Mercator kiteb: “Meta rajt li l-verżjoni tal-Ġenesi tad-dinja li kiteb Mosè ma kinitx taqbel biżżejjed u f’ħafna modi mal-ħarsa t’Aristotele u tal-filosfi l-oħrajn, bdejt niddubita dwar kemm kienu jgħidu l-verità l-filosfi kollha u bdejt nistudja n-natura.”

Ladarba ma riedx isir filosfu, Mercator waqqaf l-istudji universitarji tiegħu. Madankollu, għall-bqija taʼ ħajtu hu pprova jsib evidenza biex juri li r-rakkont tal-Bibbja dwar il-ħolqien kien eżatt.

Jaqleb għall-Ġeografija

Fl-1534, Mercator beda jistudja l-matematika, l-astronomija, u l-ġeografija mingħand il-matematiku Gemma Frisius. Iktar minn hekk, jistaʼ jkun li Mercator tgħallem l-arti taʼ l-inċiżjoni minn Gaspar Van der Heyden, li kien inċiżur u kien jagħmel il-globi. Fil-bidu tas-seklu 16, il-kartografi kienu jużaw kitba skura jew sewda tat-tip Gotiku, li kienet tillimita l-ispazju disponibbli għall-informazzjoni miktuba fuq il-mapep. Madankollu, Mercator adotta stil ġdid mill-Italja taʼ kitba bil-magħqud li tissejjaħ korsiv, u li wriet li kienet taʼ benefiċċju biex isiru l-globi.

Fl-1536, Mercator ħadem bħala inċiżur ma’ Frisius u Van der Heyden biex jipproduċu globu li jirrappreżenta d-dinja. Il-kitba bil-magħqud u mill-isbaħ taʼ Mercator ikkontribwiet għas-suċċess tal-proġett. Nicholas Crane, bijografu modern taʼ Mercator, kiteb li waqt li kartografu ieħor “irnexxielu jdaħħal ħamsin isem taʼ postijiet Amerikani fuq mappa wiesgħa daqs it-tul taʼ raġel, Mercator daħħal 60 fuq sfera li d-dijametru tagħha kien inqas minn nofs metru”!

Jitwieled Kartografu

Sa l-1537, Mercator għamel l-ewwel mappa waħdu—mappa taʼ l-Art Imqaddsa, li għamilha biex jikkontribwixxi għal “fehma aħjar taż-żewġ testmenti.” Fis-seklu 16, mapep taʼ l-Art Imqaddsa xejn ma kienu eżatti, xi wħud b’inqas minn 30 isem taʼ postijiet—u ħafna minnhom kienu jkunu fil-post żbaljat. Madankollu, il-mappa taʼ Mercator identifikat iktar minn 400 post! Iżjed minn hekk, din kienet turi r-rotta li segwew l-Israelin fil-vjaġġ tagħhom minn ġod-deżert wara l-Eżodu. Minħabba li kienet eżatta, il-mappa kienet ammirata ħafna minn bosta wħud li għexu fi żmien Mercator.

Inkuraġġit mis-suċċess tiegħu, Mercator ippubblika mappa tad-dinja fl-1538. Qabel dak iż-żmien, dawk li kienu jagħmlu l-mapep ma tantx kienu jafu dwar l-Amerika taʼ Fuq u kienu jsejħulha l-Art Imbiegħda Mhux Magħrufa. Għalkemm l-isem ġeografiku “Amerika” kien diġà jeżisti, Mercator kien l-ewwel wieħed li applika dan l-isem kemm għall-Amerika taʼ Fuq u kemm għal taʼ Isfel.

Mercator għex fi żmien meta l-oċeani tad-dinja kienu qed jiġu esplorati u kienu qed jiġu skoperti ħafna artijiet ġodda. Il-baħrin kienu jgħaddu informazzjoni kontradittorja, u minħabba f’hekk kien kważi impossibbli li ssir mappa, għaliex il-kartografi kellhom jipprovaw jaqtgħu fejn kienu l-postijiet li ma kellhomx informazzjoni dwarhom. Minkejja dan, fl-1541, Mercator laħaq il-mira tiegħu li jagħmel “globu iktar komplet minn dak li [kien] sar sa żmienu.”

Akkużat b’Ereżija

F’Louvain, fejn kien jgħix Mercator, kien hemm ħafna Luterani. Sa l-1536, Mercator kien jaqbel mal-Luteraniżmu, u milli jidher martu iktar tard saret Luterana. Fi Frar taʼ l-1544, Mercator ġie arrestat flimkien ma’ 42 ċittadin ieħor taʼ Louvain fuq akkuża li kitbu “ittri suspettużi.” Madankollu, jistaʼ jkun ukoll li dan kien minħabba li l-mappa li ppubblika taʼ l-Art Imqaddsa qajmet is-suspetti taʼ Tapper u Latomus, żewġ teoloġi mill-università taʼ Louvain. Iż-żewġt irġiel mexxew il-każ tat-traduttur tal-Bibbja William Tyndale, li ngħata l-mewt wara sentenza tal-qorti fil-Belġju fl-1536. Jistaʼ jkun li Tapper u Latomus kienu konċernati li l-mappa taʼ l-Art Imqaddsa li għamel Mercator, bħat-traduzzjoni tal-Bibbja taʼ Tyndale, kienet tinkuraġġixxi l-qari tal-Bibbja. Kien x’kien il-każ, Mercator intefaʼ l-ħabs fil-kastell taʼ pajjiżu Rupelmonde.

Antoinette Van Roesmaels, waħda mill-oħrajn li kienu taħt akkuża, xehdet li Mercator qatt m’attenda sessjonijiet tal-Protestanti taʼ qari tal-Bibbja fil-privat. Madankollu, minħabba li hi nfisha attendiet sessjonijiet taʼ qari bħal dawn, Antoinette ġiet midfuna ħajja biex tmut bil-mod il-mod billi tifga. Mercator inħeles wara seba’ xhur ħabs, imma kulma kellu kien ġie konfiskat. Fl-1552, Mercator mar jgħix f’Duisburg, il-Ġermanja, fejn sab ambjent reliġjuż iktar tolleranti.

L-Ewwel Atlas

Mercator kompla jiddefendi r-rakkont Bibliku tal-ħolqien. Hu qattaʼ l-maġġorparti taʼ ħajtu jagħmel sintesi, jew deskrizzjoni ġenerika, tal-ħolqien kollu “tas-sema u l-art, mill-bidu taż-żminijiet sal-preżent,” kif poġġieha hu. Dan ix-xogħol kien fih kemm informazzjoni kronoloġika u kemm ġeografika.

Fl-1569, Mercator ippubblika lista taʼ l-iktar ġrajjiet importanti mill-ħolqien ’il quddiem—l-ewwel parti tas-sintesi tiegħu, intitolata Chronologia. Il-mira tiegħu kienet li jgħin lill-qarrejja tiegħu jifhmu fejn kien posthom fil-medda taż-żmien u fl-istorja. Madankollu, minħabba li Mercator inkluda fil-ktieb tiegħu l-protesta taʼ Luteru kontra l-indulġenzi fl-1517, Chronologia tpoġġa fl-indiċi tal-kotba projbiti tal-Knisja Kattolika.

Fis-snin taʼ wara, Mercator qattaʼ ħafna ħin ipinġi u jagħmel inċiżjonijiet fuq il-pjanċi taʼ l-istampar għall-mapep tal-ġeografija l-ġdida tiegħu. Fl-1590, Mercator tatu puplesija li tellfitu l-abbiltà li jitkellem u ħallietu paralizzat fuq in-naħa tax-xellug tiegħu, u dan għamilhielu diffiċli ferm biex ikompli xogħlu. Madankollu, hu kien determinat li ma jħallix ix-xogħol taʼ ħajtu nofs leħja, u baqaʼ għaddej bih sakemm miet fl-1594 fl-età taʼ 82 sena. Rumold, bin Mercator, spiċċa ħames mapep li ma kinux lesti. Il-kollezzjoni kompluta tal-mapep taʼ Mercator ġiet pubblikata fl-1595. Kienet l-ewwel kollezzjoni taʼ mapep li ġiet imsemmija atlas.

L-Atlas taʼ Mercator kien fih studju taʼ l-ewwel kapitlu tal-Ġenesi, li fih ġiet difiża l-awtentiċità tal-Kelma t’Alla kontra l-oppożizzjoni mill-filosfi. Mercator sejjaħ dan l-istudju “l-mira tal-ħidma kollha tiegħi.”

“L-Aqwa Ġeografu taʼ Żmienna”

Edizzjoni mkabbra taʼ l-Atlas, pubblikata minn Jodocus Hondius fl-1606, ġiet stampata b’ħafna lingwi u nbigħu ħafna kopji minnha. Abraham Ortelius, kartografu tas-seklu 16, faħħar lil Mercator bħala “l-aqwa ġeografu taʼ żmienna.” Iktar reċenti, il-kittieb Nicholas Crane ddeskriva lil Mercator bħala “r-raġel li għamel l-ewwel mappa tal-pjaneta.”

Il-wirt taʼ Mercator għadu jagħmel parti mill-ħajja tagħna taʼ kuljum. Per eżempju, kulmeta nikkonsultaw xi atlas jew nixegħlu Global Positioning System (GPS), aħna nkunu qed nibbenefikaw mill-ħidma iebsa taʼ Mercator, raġel taʼ min jammirah li ħajtu kollha stinka biex ikun jaf iż-żmien u l-post tiegħu fil-ħolqien t’Alla.

[Kaxxa f’paġna 21]

MERCATOR—STUDENT ĦERQAN TAL-BIBBJA

Mercator kien jemmen li l-art kienet se tinbidel f’post fejn se jkun hemm is-sewwa, il-paċi, u l-prosperità. Hu kiteb kummentarju li ma ġiex pubblikat taʼ Rumani kapitli 1-11, u fih wera li l-idea Kalvinista tal-predestinazzjoni kienet żbaljata. Huwa interessanti wkoll li hu ma kienx jaqbel ma’ Luteru u qal li minbarra l-fidi hemm bżonn l-għemejjel għas-salvazzjoni. Mercator kiteb f’ittra li d-dnub “ma jiġix mill-pjaneti [l-astroloġija] u lanqas ma jiġi minn kwalunkwe inklinazzjoni tan-natura maħluqa minn Alla, imma biss mil-libertà taʼ l-għażla tal-bniedem.” Fil-korrispondenza tiegħu hu ċaħad id-domma Kattolika Rumana tal-bidla tal-ħobż u l-inbid fil-ġisem u d-demm taʼ Ġesù, u qal li l-kliem taʼ Ġesù “dan hu ġismi” m’għandux jiġi interpretat letteralment imma minflok, għandu jittieħed bħala li hu simboliku.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 22]

IT-TPINĠIJA TAL-GLOBU TAʼ MERCATOR

Qatt ipprovajt tiċċattja l-qoxra taʼ larinġa? M’għandniex xi ngħidu, huwa impossibbli li tagħmel dan mingħajr ma tibdlilha l-forma. Dan l-eżempju juri l-problema li jiffaċċjaw dawk li jagħmlu l-mapep—kif ipinġu l-globu (l-art) fuq mappa ċatta. Mercator solva l-problema billi introduċa sistema li llum hija magħrufa bħala t-tpinġija tal-globu taʼ Mercator (Mercator projection). F’dan il-metodu, il-linji li jifformaw il-gradi tal-latitudni mill-ekwatur sal-poli huma mqassmin fi spazji proporzjonati. Għalkemm dan il-metodu jgħawweġ id-distanzi u d-daqsijiet (speċjalment lejn it-tramuntana u n-nofsinhar), dan kien żvilupp ġdid kbir fil-kartografija. Il-mappa tad-dinja li teħel mal-ħajt li vvinta Mercator fl-1569 kienet kapolavur li kkontribwixxa bil-kbir għall-fama tiegħu bħala kartografu. Fil-fatt, it-tpinġija tiegħu tal-globu għadha tintuża f’mapep taʼ l-oċean u mill-Global Positioning System (GPS) moderna.

[Stampa f’paġna 22]

It-tpinġija tal-globu taʼ Mercator tistaʼ titqabbel ma’ ċilindru maqtugħ li fuqu d-dinja tidher ċatta

[Stampa f’paġna 20]

Il-mappa taʼ Mercator taʼ l-Art Imqaddsa, 1537, identifikat iktar minn 400 post

[Stampa f’paġna 20, 21]

Il-mappa tad-dinja li għamel Mercator, 1538

Innota l-kelma “AMERI CAE” fuq iż-żewġ kontinenti Amerikani

[Sors tal-Istampa f’paġna 19]

Antwerpen, Stedelijk Prentenkabinet

[Sors tal-Istampa f’paġna 20]

Iż-żewġ mapep: Mill-American Geographical Society Library, University of Wisconsin-Milwaukee Libraries

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja