Liema Xorta taʼ Kewkba Wasslet lill-“Irġiel Għorrief” Għand Ġesù?
Xi stejjer popolari tal-Milied jgħidu li l-kewkba kienet sinjal tajjeb mis-sema. Kienet tassew hekk?
◼ Il-kewkba stramba fid-dehra tagħha ġibdet l-attenzjoni tal-“irġiel għorrief” mil-Lvant u eventwalment wasslithom għand iċ-ċkejken Ġesù, jirrakkonta Mattew, il-kittieb tal-Bibbja. (Mattew 2:1-12, King James Version) Xi stejjer popolari tal-Milied jgħidu li l-kewkba kienet sinjal tajjeb mis-sema. Xogħol taʼ referenza jiddeskrivi l-kewkba bħala parti minn “arranġament divin minn qabel li fih . . . iċ-ċkejken Ġesù ġie onorat u missieru rrikonoxxieh bħala Ibnu l-maħbub.” Anki l-għanjiet tal-Milied jagħtu unur lil din il-kewkba. X’kienet din il-kewkba?
Xi wħud ħasbu li din kienet xi fenomenu naturali li seħħ fis-sema. Xi studjużi qalu li hemm il-possibbiltà li kienet għadd taʼ pjaneti li dehru fl-istess ħin. Madankollu, bħalma juri The New Bible Dictionary, “fenomenu bħal dan mhux bilfors tistaʼ tirreferi għalih bħala ‘kewkba.’” Meta għadd taʼ pjaneti jgħaddu viċin xulxin, xorta waħda jidhru bħala sorsi individwali taʼ dawl u mhux bħala kewkba waħda biss. Oħrajn ħasbu li kienet fenomenu ieħor li seħħ fis-sema, bħal xi kometa jew xi supernova, jiġifieri splużjoni taʼ stilla. Madankollu, l-ebda fenomenu minn dawn ma jistaʼ jiċċaqlaq ’l hawn u ’l hemm fis-sema b’tali mod li jwassal lill-irġiel sa belt partikulari mbagħad jieqaf fuq xi dar partikulari.
Setgħet il-kewkba kienet xi avveniment naturali jew kienet xi dehra li seħħet b’mod divin? Ikkunsidra xi fatti: L-“irġiel għorrief” la kienu nies akkademiċi, bħalma nsejħulhom illum, u lanqas kienu slaten. Bħalma hemm imniżżel f’ħafna mit-traduzzjonijiet moderni bl-Ingliż, dawn kienu “astroloġi.” Huma kienu jieħdu sehem fi prattika li hi kundannata mill-Iskrittura Mqaddsa. (Dewteronomju 18:10-12) Innota li ġie rapportat li dawn l-astroloġi biss “raw” il-kewkba. Li kieku l-kewkba kienet tassew kewkba, din kienet tkun viżibbli bħala dawwala li sservi taʼ sinjal għal kulħadd. Imma anki s-Sultan Erodi kellu jitlobhom jiddeskrivu d-dehra tagħha fid-dettall. Din il-kewkba l-ewwel iggwidat lill-astroloġi lejn Ġerusalemm, għand Erodi, li kien avversarju qattiel tal-Messija li kellu jiġi fil-futur. Hu kellu f’moħħu li joqtol liċ-ċkejken Ġesù. Imbagħad, il-kewkba dawret id-direzzjoni u mexxiet lill-astroloġi lejn in-nofsinhar, fid-direzzjoni taʼ Betlehem fejn kien hemm Ġesù, u b’hekk poġġiet il-ħajja taʼ Ġesù fil-periklu.
Dawn il-fatti juru li l-kewkba kienet ġejja minn sors ħażin, x’aktarx minn Satana x-Xitan. Il-Bibbja tiddeskrivih bħala li qed juża “sinjali giddibin u għeġubijiet.” (2 Tessalonikin 2:9) Għalhekk, il-Kristjani veri ma jissorprendux ruħhom li Satana ġiegħel li l-astroloġi biss jaraw oġġett li jixbah lil kewkba. Hu setaʼ jimmanuvra din il-“kewkba” sabiex twassalhom għand l-Iben t’Alla, dak il-wieħed li Satana ried jeqred. M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma jistaʼ jgħaddi lil Alla Ġeħova fl-għerf. Mhux taʼ b’xejn li l-pjan makakk tax-Xitan biex joqtol lil Ġesù qabel iż-żmien ġie mfixkel.
Madankollu, tajjeb wieħed jinnota li Alla fil-fatt ħabbar it-twelid taʼ Ġesù billi uża mezzi mirakolużi. F’dak il-lejl stess li fih twieled Ġesù, deher anġlu lil grupp taʼ rgħajja u ħabbar it-twelid taʼ “Salvatur.” Ukoll, l-anġlu pprovda direzzjonijiet biex ir-rgħajja jkunu jistgħu jmorru jaraw lil Ġesù. Imbagħad, deher għadd kbir taʼ anġli u bdew ifaħħru lil Alla. (Luqa 2:8-14) Alla uża lil dawn l-anġli, u mhux il-kewkba, biex iħabbar it-twelid taʼ Ġesù lin-nies.