Il-Ħarsa tal-Bibbja
X’Jagħmilna Tajbin jew Ħżiena?
IL-PAĠNI tal-istorja huma mimlijin rakkonti taʼ mibegħda u tixrid taʼ demm. Però, minn ġrajjiet traġiċi spiss joħorġu atti straordinarji taʼ qalb tajba u sagrifiċċju persunali. Għala jiġri li individwu wieħed isir qattiel bla qalb u ieħor isir umanitarju ħanin? Għala kultant jidhru karatteristiki annimalistiċi fl-imġiba umana?
L-Imperfezzjoni u l-Kuxjenza
Il-Bibbja tgħid ċar u tond: “Qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu.” (Ġenesi 8:21, Għaqda Biblika Maltija) B’hekk, it-tfal huma inklinati lejn il-bluha. (Proverbji 22:15) Mit-twelid, ilkoll kemm aħna inklinati biex nagħmlu l-ħażen. (Salm 51:5) Li tagħmel it-tajjeb jirrikjedi sforz, bħal li taqdef kontra l-kurrent.
Minkejja dan, aħna ngħatajna wkoll kuxjenza. Dan is-sens li nitwieldu bih taʼ x’inhu tajjeb u ħażin jinfluwenza lill-biċċa l-kbira minna biex naġixxu b’tali mod li l-maġġuranza tan-nies iqisuh bħala rett. Minħabba f’hekk, anki dawk li m’għandhom ebda taħriġ morali jistgħu jkunu magħrufin għall-benevolenza tagħhom. (Rumani 2:14, 15) Madankollu, kif semmejna qabel, l-inklinazzjoni tagħna lejn il-ħażen tistaʼ toħloq konflitt ġewwa fina. X’hemm iktar li jistaʼ jinfluwenzana fit-taqbida tagħna bejn it-tajjeb u l-ħażin?
Ambjent Imħassar
Il-kamaleont ibiddel il-kulur biex jaqbel mal-ambjent li jkun fih. B’mod simili, hemm probabbiltà akbar li dawk li jissieħbu mal-kriminali jadottaw karatteristiki kriminali. Il-Bibbja twissi: “Tmurx wara l-folla għal skopijiet ħżiena.” (Eżodu 23:2) Mill-banda l-oħra, sħubija regulari maʼ dawk li huma onesti, sewwa, u retti moralment tqanqal lil dak li jkun biex jagħmel it-tajjeb.—Proverbji 13:20.
Madankollu, ma nistgħux inqisu lilna nfusna meħlusin mill-influwenza tal-ħażen sempliċement għax ma nissiħbux personalment maʼ dawk li huma involuti f’għemil ħażin. Minħabba l-imperfezzjoni tagħna, ħsibijiet ħżiena jistgħu jkun moħbijin f’moħħna, jistennew opportunità biex ifiġġu. (Ġenesi 4:7) Iżjed minn hekk, il-ħażen jistaʼ jidħol f’darna permezz tal-mezzi tax-xandir. Logħob tal-kompjuter, programmi tat-televixin, u films spiss jigglorifikaw il-vjolenza u l-atti taʼ vendetta. Anki jekk regolarment naraw l-aħbarijiet taʼ madwar id-dinja jew lokali nistgħu nsiru insensittivi għall-ħażen tas-sofferenza u d-diqa umana.
X’inhu l-kaġun ewlieni taʼ dan l-ambjent imħassar? Il-Bibbja twieġeb: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Fl-Iskrittura, dan il-“Ħażin,” Satana x-Xitan, hu mikxuf bħala giddieb u qattiel. (Ġwanni 8:44) Hu jxerred il-ħażen permezz tal-influwenza tad-dinja tiegħu.
Peress li dawn il-fatturi kollha jsawru l-attitudnijiet u l-azzjonijiet tagħna, xi wħud għandhom mnejn jirraġunaw li m’għandhomx jingħataw tort għall-atti ħżiena tagħhom. Iżda, x’inhi r-realtà? Sewwasew bħalma steering jikkontrolla d-direzzjoni taʼ karozza u tmun jikkontrolla d-direzzjoni taʼ vapur, il-moħħ jikkontrolla l-ġisem.
Tajjeb jew Ħażin —L-Għażla Hi Tiegħek
Qabel kull att apposta, tajjeb jew ħażin, ikun hemm ħsieb. Jekk dak li jkun jiżraʼ ħsibijiet pożittivi u virtużi se jaħsad frott tajjeb. Mill-banda l-oħra, jekk iħalli żrieragħ taʼ xewqa egoistika jibdew jikbru f’moħħu, x’aktarx li r-riżultat se jkun ħsad kbir taʼ ħażen. (Luqa 6:43-45; Ġakbu 1:14, 15) B’hekk, jistaʼ jingħad li l-bniedem hu tajjeb jew ħażin daqskemm jagħżel li jkun.
B’ferħ, il-Bibbja tindika li kulħadd jistaʼ jitgħallem jagħmel it-tajjeb. (Isaija 1:16, 17) L-imħabba hi l-forza li tqanqal lil dak li jkun biex jagħmel it-tajjeb, ladarba “l-imħabba ma tagħmilx ħsara lill-proxxmu.” (Rumani 13:10) Meta nikkultivaw l-imħabba għan-nies, lanqas jgħaddilna minn moħħna li nittrattaw lil xi ħadd b’mod ħażin.
Ray, minn Pennsylvania, l-Istati Uniti, tgħallem dan. Peress li tgħallem jiġġieled minn età żgħira, ma damx ma ngħata l-laqam Punch, li rrifletta kemm kien lest jiġġieled. Kellu wkoll il-problema li jitlagħlu malajr. Madankollu, bl-applikar tal-prinċipji Bibliċi, bil-mod il-mod għamel xi bidliet. Imma dan ma kienx dejjem faċli. Kultant ħassu bħalma ħassu Pawlu, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija.” (Rumani 7:21) Issa, wara snin taʼ sforz determinat, Ray hu kapaċi ‘jirbaħ il-ħażen bit-tajjeb.’—Rumani 12:21.
Għala hu taʼ min jagħmel l-isforz biex ‘jimxi fit-triq tat-tajbin’? (Proverbji 2:20-22) Għaliex fl-aħħar mill-aħħar it-tajjeb se jirbaħ lill-ħażen. Il-Bibbja tgħid: “Dawk li jagħmlu l-ħażen se jitqaċċtu ’l barra . . . Ftit ieħor biss, u l-ħażin ma jkunx iktar . . . Imma l-ġwejdin se jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” (Salm 37:9-11) Alla se jneħħi kull traċċa taʼ ħażen. X’futur glorjuż hemm jistenna lil dawk li jaħdmu b’mod diliġenti biex jipprattikaw it-tajjeb!
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● Min hu responsabbli għall-azzjonijiet tagħna?—Ġakbu 1:14.
● Huwa possibbli li nbiddlu ħajjitna?—Isaija 1:16, 17.
● Qatt se jintemm il-ħażen?—Salm 37:9, 10; Proverbji 2:20-22.
[Stampi f’paġna 25]
Il-bniedem hu tajjeb jew ħażin daqskemm jagħżel li jkun