LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 7/10 pp. 20-23
  • X’Ġibidni Lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Ġibidni Lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Stenbaħ!—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Militar Kien Jiġbidni
  • Irnexxieli Nikseb Pożizzjoni Prestiġjuża
  • Kollox fl-​Ordni fis-​Sala tas-​Saltna
  • Għamilt Progress Biex Nitgħammed
  • Kooperazzjoni Bbażata fuq l-​Imħabba
  • Nipprietka għall-​Ewwel Darba
  • Minn Kmandant Militari għal ‘Suldat taʼ Kristu’
    Stenbaħ!—2008
  • It-​Tfittxija Tagħna Għall-​Ġustizzja
    Stenbaħ!—1997
  • Għala Nitgħaxxaq Nagħmel Dixxipli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa: Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
Stenbaħ!—2010
g 7/10 pp. 20-23

X’Ġibidni Lejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova

KIF RAKKONTATA MINN TOMÁS OROSCO

L-​ewwel darba li attendejt laqgħa tax-​Xhieda fis-​Sala tas-​Saltna tagħhom, kien hemm tifel ċkejken jagħti taħdita. Avolja bilkemm setaʼ jlaħħaq mal-​leġiju tal-​kelliemi, il-​manjiera rpożata u l-​abbiltà tiegħu kienu taʼ min jinnotahom. Jien bqajt impressjonat ferm.

STAJT nara li l-​udjenza kienet qed issegwi b’attenzjoni sħiħa. Minħabba li kont naqdi bħala diplomat militari tal-​Bolivja fl-​Istati Uniti, bħala kmandant tal-​forzi armati, u bħala assistent persunali tal-​president, kont imdorri nintwera rispett. Iżda r-​rispett li ntwera dan it-​tifel ġegħelni nerġaʼ neżamina l-​miri tiegħi fil-​ħajja.

Missieri miet f’nofs is-​snin 30 fil-​gwerra bejn il-​Paragwaj u l-​Bolivja, imsejħa l-​Gwerra taʼ Chaco. Ftit taż-​żmien wara ntbgħatt ngħix f’kulleġġ Kattoliku. Għal bosta snin kont immur il-​quddies kuljum fejn konna ngħannu innijiet, nisimgħu l-​katekiżmu, u nirripetu talb li nkunu tgħallimnieh bl-​amment. Saħansitra kont abbati u kont inkanta fil-​kor. Iżda qatt ma kont qrajt il-​Bibbja; fil-​fatt qatt ma kont rajt Bibbja b’għajnejja.

Il-​festi reliġjużi kienu jogħġbuni għax pjuttost kienu festi taʼ ċelebrazzjoni, u kont inħobb naqtaʼ ftit mir-​rutina. Iżda l-​qassisin u xi nies oħrajn li kienu jgħallmu r-​reliġjon kienu ħorox. Kienu nies li jimbottawni, iktar milli jiġbduni. Ħassejt li ma ridtx ninvolvi ruħi iktar minn hekk fir-​reliġjon.

Il-​Militar Kien Jiġbidni

Kienet ġurnata bnazzi meta żewġ uffiċjali żgħażagħ lebsin pulit ġew f’Tarija, raħal twelidi. Kienu bil-​frank u ġew minn La Paz, il-​belt prinċipali tal-​Bolivja. Imxew mill-​pjazza ewlenija bil-​kalma u bil-​grazzja kollha. Bqajt impressjonat bid-​dehra nobbli, nadifa, u rispettabbli tagħhom. Kienu lebsin uniformi ħadra; libsa kompluta bil-​kappell li kellu pizz ileqq. Kien proprju f’dak il-​mument li ddeċidejt li nsir uffiċjal tal-​militar. Bdejt inħares lejhom bħala nies li ħajjithom kienet mogħnija b’esperjenzi u b’atti li ġabulhom unur.

Fl-​1949, meta kelli 16-​il sena, dħalt fil-​kulleġġ militari tal-​Bolivja. Ħija, li kien akbar minni, qagħad miegħi fir-​ringiela twila taʼ rġiel żgħażagħ li kienet tibqaʼ sejra sal-​kanċell tal-​kwartieri tas-​suldati. Hu introduċieni mal-​logutenent u talbu jieħu ħsiebi sew. Imbagħad, ħija qagħad ifaħħarni miegħu. Meta telaq, ngħatajt it-​tislima li normalment jingħataw ir-​rekluti l-​ġodda. Xeħitni mal-​art u qalli, “Issa naraw min jistħoqqlu t-​tifħir hawn ġew!” B’hekk doqt għall-​ewwel darba d-​dixxiplina u l-​biżaʼ tal-​militar. Madankollu ma qtajtx qalbi; ma kontx imweġġa, imma biss imbarazzat.

Maż-​żmien tgħallimt niġġieled fil-​gwerra u sirt uffiċjal tal-​militar rispettat. Iżda mill-​esperjenza tgħallimt li l-​apparenza nadifa u dinjituża tal-​korp militari tistaʼ tqarraq bik.

Irnexxieli Nikseb Pożizzjoni Prestiġjuża

Kmieni fil-​karriera tiegħi, kont nitħarreġ abbord il-​General Belgrano, vapur tal-​gwerra tal-​flotta navali tal-​Arġentina li setaʼ jakkomoda ’l fuq minn elf membru tal-​korp. Qabel it-​Tieni Gwerra Dinjija, dan il-​vapur kien varat fl-​Istati Uniti bħala l-​USS Phoenix, u fl-​1941 kien baqaʼ sħiħ wara l-​attakk mill-​Ġappuniżi fuq Pearl Harbor, il-​Ħawajj.

Maż-​żmien beda jkolli gradi ogħla fil-​militar, u lħaqt it-​tieni kmandant tal-​flotta militari tal-​Bolivja, li tissorvelja l-​ilmijiet li jifformaw il-​fruntieri tal-​Bolivja. Dawn l-​ilmijiet kienu jinkludu x-​xmajjar tal-​Amazon Basin, kif ukoll Lake Titicaca, lag navigabbli li jinsab 3,810 metri ’l fuq mil-​livell tal-​baħar.

Sadanittant, f’Mejju tal-​1980 ġejt magħżul biex inkun parti minn kummissjoni taʼ diplomati militari li ntbagħtet Washington, D.C., il-​belt kapitali tal-​Istati Uniti. Intgħażel uffiċjal f’kariga għolja minn kull fergħa taʼ servizz—l-​armata militari, il-​forzi armati tal-​ajru, u n-​navy. Peress li kont ili żmien twil naqdi fl-​armata laħħquni koordinatur tal-​grupp. Għamilt kważi sentejn ngħix fl-​Istati Uniti, u iktar tard sirt l-​assistent persunali tal-​president tal-​Bolivja.

Bħala kmandant militari, bilfors kelli immur il-​quddies kull nhar taʼ Ħadd. L-​indħil tal-​qassis tal-​armata u taʼ qassisin oħrajn fir-​rivoluzzjonijiet u fil-​gwerer ġegħelni nħossni diżappuntat bir-​reliġjon. Kont naf li l-​pożizzjoni li ħadu l-​knejjes biex jappoġġaw tixrid taʼ demm bħal dan kienet ħażina. Iżda minflok ma ġegħlitni nabbanduna r-​reliġjon, din l-​ipokrisija ħeġġitni nfittex il-​verità spiritwali. Qatt ma kont qrajt il-​Bibbja. Għalhekk, kultant kont naqbadha u naqra xi silta ’l hemm u ’l hawn.

Kollox fl-​Ordni fis-​Sala tas-​Saltna

Bqajt mistagħġeb meta marti Manuela bdiet tistudja l-​Bibbja maʼ waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, missjunarja jisimha Janet. Iktar tard, Manuela bdiet tattendi l-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna, il-​post fejn jagħtu qima. Ma kont insib l-​ebda oġġezzjoni biex inwassalha, iżda ma ridtx nattendi. Kont naħseb li l-​laqgħat ikunu storbjużi u emozzjonali żżejjed.

Ġurnata minnhom, Manuela staqsietni jekk kontx lest li naċċetta li jżurni r-​raġel taʼ Janet. Għall-​ewwel irrifjutajt l-​istedina. Imbagħad, ħsibt li bit-​taħriġ reliġjuż kollu tiegħi kont se nkun kapaċi nirribatti kwalunkwe ħaġa li setaʼ jgħid hu. Meta ltqajt maʼ Ian għall-​ewwel darba, kienet il-​kondotta tiegħu li impressjonatni l-​iktar, u mhux dak li qal. Hu ma pprovax jimbarazzani bit-​taħriġ u bl-​għarfien li kellu mill-​Bibbja. Minflok, hu kien qalbu tajba u wrieni rispett.

Il-​ġimgħa taʼ wara ddeċidejt li mmur is-​Sala tas-​Saltna, u kien proprju dakinhar li kont smajt lit-​tifel ċkejken, li semmejt fil-​bidu, jagħti taħdita. Jien u nisimgħu jaqra u jispjega l-​versi mill-​ktieb Bibliku taʼ Isaija, irrealizzajt li kont sibt organizzazzjoni unika. L-​ironija hi li bħala żagħżugħ xtaqt inkun uffiċjal militari rispettat, iżda issa xtaqt inkun bħal dan it-​tifel u nipprovdi taħriġ mill-​Bibbja. Kien bħallikieku qalbi rtabet u bdejt nuri interess.

Maż-​żmien bdejt nimpressjona ruħi bil-​puntwalità tax-​Xhieda u bil-​kordjalità li biha kienu dejjem jilqgħuni u kienu jġegħluni nħossni komdu. Anki l-​ilbies nadif u pulit impressjonani. Dak li għoġobni b’mod speċjali kien l-​ordni matul il-​laqgħat. Pereżempju, jekk fl-​iskeda jkun hemm imniżżel li se tingħata taħdita partikulari, proprju din it-​taħdita kont nismaʼ dakinhar. Stajt nifhem li din kienet dixxiplina bbażata fuq l-​imħabba, u mhux fuq il-​biżaʼ.

Wara l-​ewwel laqgħa li mort, aċċettajt li nistudja l-​Bibbja maʼ Ian. Bħala bażi għall-​istudju konna nużaw il-​ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art.a Għadni niftakar it-​tielet kapitlu fejn hemm stampa taʼ isqof ibierek lit-​truppi qabel ma jmorru jiggwerraw. Ma kellix l-​iċken dubju jekk dan kienx minnu għax kont rajt din il-​ħaġa ssir b’għajnejja stess. Mis-​Sala tas-​Saltna kont ksibt il-​ktieb Reasoning From the Scriptures. Meta rajt x’tgħid il-​Bibbja dwar in-​newtralità, indunajt li kelli nagħmel xi bidliet. Iddeċidejt li qatt ma ndur lura għall-​Knisja Kattolika, u bdejt nattendi l-​laqgħat regolarment fis-​Sala tas-​Saltna. Ukoll, ippjanajt li nirtira mill-​militar.

Għamilt Progress Biex Nitgħammed

Ftit ġimgħat wara smajt li l-​kongregazzjoni kienet se tnaddaf il-​post li kellu jintuża għall-​konvenzjoni li kien imiss. Kont eċċitat biex immur u nagħti daqqa t’id fit-​tindif. Ħdimt spalla maʼ spalla m’oħrajn u verament ħadt gost naħdem u nissieħeb magħhom. Jien u niknes l-​art, resaq fuqi żagħżugħ u staqsieni jekk kontx l-​ammirall.

“Iva,” wiġibtu.

Kollu stagħġib qal b’leħen għoli: “Lanqas nistaʼ nemmen! Ammirall qed jiknes l-​art!” Uffiċjal f’kariga għolja qatt ma tarah jiġbor karta mill-​art, aħseb u ara jaħsel l-​art. Iż-​żagħżugħ kien ix-​xufier persunali tiegħi fil-​militar, u issa sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova!

Kooperazzjoni Bbażata fuq l-​Imħabba

L-​ordni militari hu bbażat fuq ir-​rispett għall-​grad taʼ dak li jkun. Dan kien prinċipju li bdejt inħaddan b’qalbi kollha. Pereżempju, niftakar li kont staqsejt jekk xi Xhieda taʼ Ġeħova humiex iktar importanti minn oħrajn minħabba l-​pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà tagħhom jew l-​inkarigi li jwettqu. Il-​ħarsa tiegħi lejn il-​gradi u l-​pożizzjonijiet kienet rabbiet l-​għeruq fil-​fond, iżda ma kellhiex iddum ma tinbidel b’mod drammatiku.

Dik il-​ħabta, jiġifieri fl-​1989, sirt naf li membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova kien ġej minn New York biex jagħti taħdita fi stadju fil-​Bolivja. Kont ħerqan biex nara kif membru li, fil-​fehma tiegħi, kellu pożizzjoni għolja fl-​organizzazzjoni kien se jiġi trattat. Kont naħseb li xi ħadd b’responsabbiltà bħal din kien se jiġi milqugħ b’ċertu pompa u ċerimonji.

Meta bdiet il-​laqgħa, ma kien hemm ebda ħjiel li kien wasal xi ħadd speċjali u bdejt nikkonfondi. Ġara li xħin jien u Manuela konna bilqiegħda, rajna koppja mdaħħla fiż-​żmien bilqiegħda maġenbna. Manuela nnotat li l-​mara kellha ktieb tal-​għanjiet bl-​Ingliż. Għalhekk, waqt l-​intervall fil-​programm, Manuela bdiet tkellem lill-​mara. Iżda mbagħad il-​koppja telqet.

It-​tnejn li aħna bqajna verament skantati meta, iktar tard, rajna r-​raġel taʼ din il-​mara miexi lejn il-​platform biex jagħti t-​taħdita prinċipali! Dak il-​ħin, kulma kont tgħallimt fil-​militar dwar il-​gradi, ir-​rispett, il-​poter, u l-​pożizzjoni kien sfaxxa fix-​xejn. Imbagħad għedt, “Mur obsor! Il-​ħu li kien bilqiegħda ħdejna, fuq dawk is-​siġġijiet skomdi tal-​istadju, kien membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna!”

Illum nitbissem meta naħseb dwar kemm-​il darba Ian kien ipprova jgħinni nifhem il-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 23:8: “Intom ilkoll aħwa.”

Nipprietka għall-​Ewwel Darba

Meta temmejt l-​obbligi militari tiegħi, Ian stidinni biex noħroġ fil-​ministeru minn dar għal dar miegħu. (Atti 20:20) It-​territorju fejn ħdimna kien wieħed li kont nittama li nevitah għax kien mimli bi djar taʼ wħud fil-​militar. Ġeneral li ridt nevita b’mod speċjali fetaħ il-​bieb. Ħassejtni ansjuż u beżgħan, speċjalment meta rani bil-​basket tal-​ministeru u bil-​Bibbja. Imbagħad, b’disprezz staqsieni, “X’fettillek?”

Malli għedt talba qasira, bdejt inħossni kunfidenti u kalm. Il-​ġeneral ta widen għal dak li kelli xi ngħid u saħansitra aċċetta xi letteratura Biblika. Din l-​esperjenza ħeġġitni biex niddedika ħajti lil Ġeħova. Issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi permezz tal-​magħmudija fl-​ilma fit-​3 taʼ Jannar, 1990.

Maż-​żmien, anki marti, ibni, u binti saru Xhieda taʼ Ġeħova. Issa ninsab ferħan li qed naqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni u bħala predikatur full-​time tal-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. L-​iktar privileġġ prezzjuż li għandi hu li naf lil Ġeħova u li Ġeħova jaf lili. Dan jisboq kwalunkwe grad jew pożizzjoni li xi ħadd qatt jistaʼ joħlom li jkollu jew li jilħaq. Tabilħaqq, sabiex jinżamm l-​ordni, m’hemmx għalfejn wieħed ikun aħrax jew riġidu. Anzi, għandu juri interess u qalb tajba. Ġeħova hu Alla taʼ ordni iżda, iktar importanti minn hekk, hu Alla taʼ mħabba.—1 Korintin 14:33, 40; 1 Ġwanni 4:8.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, iżda issa m’għadux jiġi stampat.

[Stampa f’paġna 21]

Maʼ ħija Renato fl-​1950

[Stampa f’paġna 21]

Waqt attività soċjali li attendejt flimkien maʼ xi membri tal-​korp militari miċ-​Ċina u minn pajjiżi oħrajn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja