Kif it-Tajjeb Se Jirbaħ lill-Ħażin
Is-Sultan David kien raġel tajjeb. Hu kellu mħabba kbira għal Alla, kien jixxennaq għall-ġustizzja, u kien jieħu interess bi mħabba fl-umli. Però, dan l-istess sultan tajjeb għamel adulterju maʼ mart wieħed mill-irġiel fdati li kellu. U meta David sar jaf li l-mara, Batseba, inqabdet tqila minnu, hu mbagħad organizza l-qtil taʼ żewġha. Imbagħad hu żżewweġ lil Batseba biex jipprova jgħatti d-delitti tiegħu.—2 Samwel 11:1-27.
JIDHER ċar li l-bnedmin huma kapaċi jagħmlu ħafna tajjeb. Imma allura għala jwettqu daqshekk ħażen? Il-Bibbja tidentifika diversi raġunijiet fundamentali. Din turi wkoll li Alla permezz taʼ Kristu Ġesù se jneħħi l-ħażen darba għal dejjem.
Ġibda Lejn il-Ħażen
Is-Sultan David stess identifika wieħed mill-kaġuni taʼ dan il-ħażen. Wara li nkixfulu d-delitti tiegħu, hu aċċetta r-responsabbiltà kollha għall-għemejjel tiegħu. Imbagħad hu kiteb b’sogħba: “Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, u fid-dnub nisslitni ommi.” (Salm 51:7 [51:5, NW]) Qatt ma kien l-iskop t’Alla li l-ommijiet jildu tfal li jidinbu. Madankollu, meta Eva u mbagħad Adam għażlu li jirribellaw kontra Alla, huma tilfu l-abbiltà tagħhom li jkollhom tfal li jkunu bla dnub. (Rumani 5:12) Hekk kif ir-razza taʼ bnedmin imperfetti bdiet tikber, beda jidher ċar li “qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu.”—Ġenesi 8:21.
Jekk ma tiġix kontrollata, din il-ġibda lejn il-ħażen twassal għaż-“żína, . . . il-mibegħda, il-ġlied, l-għira, l-għadab, it-tilwim, il-firda, is-setet, l-invidja,” u mġiba qerrieda oħra li l-Bibbja tiddeskriviha bħala “għemejjel tal-laħam.” (Galatin 5:19-21) Fil-każ tas-Sultan David, hu ċeda għad-dgħjufija tal-laħam u kkommetta ż-żína, li wasslitu għal ġlied vjolenti. (2 Samwel 12:1-12) Hu setaʼ rreżista l-ġibda immorali tiegħu. Minflok, minħabba li qagħad jaħseb fuq ix-xewqa tiegħu għal Batseba, David segwa l-eżempju li ddeskriva d-dixxiplu Ġakbu iktar tard: “Kull bniedem jiġġarrab billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-xewqa ssir fertili, tiled id-dnub; u meta d-dnub jitwettaq, iġib il-mewt.”—Ġakbu 1:14, 15.
Il-qtil taʼ folol kbar taʼ nies, l-istupri, u s-serq li semmejna fl-artiklu taʼ qabel huma eżempji estremi taʼ dak li jiġri meta n-nies iħallu x-xewqat ħżiena jidderieġu l-għemejjel tagħhom.
Il-Ħażen Kaġunat mill-Injoranza
L-esperjenza taʼ l-appostlu Pawlu tenfasizza t-tieni raġuni għala n-nies jagħmlu l-ħażen. Sakemm miet, l-appostlu Pawlu kiseb reputazzjoni taʼ raġel ġentili u kollu affezzjoni. Hu kien ta minnu nnifsu bla egoiżmu biex jaqdi lil ħutu l-Kristjani rġiel u nisa. (1 Tessalonikin 2:7-9) Però, iktar kmieni f’ħajtu, meta kien magħruf bl-isem Sawl, hu kien ‘jhedded u kellu xewqa kbira li joqtol’ lil dan l-istess grupp taʼ nies. (Atti 9:1, 2) Pawlu għala aċċetta u pparteċipa fl-għemejjel ħżiena li saru kontra l-Kristjani tal-bidu? “Għax kont fl-injoranza,” jgħid hu. (1 Timotju 1:13) Iva, Pawlu qabel kellu “żelu għal Alla, imma mhux skond l-għarfien eżatt.”—Rumani 10:2.
Bħal Pawlu, ħafna wħud sinċieri ħadu sehem f’għemejjel ħżiena minħabba li ma kellhomx għarfien eżatt tar-rieda t’Alla. Per eżempju, Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu: “Ġejja s-siegħa meta kulmin joqtolkom jimmaġina li qed jagħti servizz sagru lil Alla.” (Ġwanni 16:2) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum jesperjenzaw kemm hu minnu l-kliem taʼ Ġesù. F’ħafna pajjiżi, huma ġew persegwitati u saħansitra maqtulin minn nies li jgħidu li jaqdu lil Alla. Ovvjament, żelu żbaljat bħal dan ma jogħġobx lill-Alla l-veru.—1 Tessalonikin 1:6.
L-Oriġinatur tal-Ħażen
Ġesù identifika r-raġuni prinċipali għala jeżisti l-ħażen. Meta kien qed jindirizza lill-mexxejja reliġjużi li kellhom il-ħsieb li joqtluh, hu qal: “Intom minn missierkom ix-Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-xewqat taʼ missierkom. Dan kien qattiel meta beda.” (Ġwanni 8:44) Kien Satana li għal raġunijiet egoistiċi ħajjar lil Adam u Eva biex jirribellaw kontra Alla. Dik ir-ribelljoni ġabet id-dnub—u għalhekk il-mewt—fuq l-umanità kollha.
L-attitudni qattiela taʼ Satana dehret iktar fil-mod kif ittratta lil Ġob. Meta Ġeħova tah il-permess biex iġarrab l-integrità taʼ Ġob, Satana ma kienx kuntent għax sempliċement seraqlu kulma kellu. Hu kkaġuna wkoll il-mewt taʼ l-għaxar ulied li kellu. (Ġob 1:9-19) Matul dan l-aħħar seklu, l-umanità esperjenzat żjieda taʼ min jinnotaha fil-ħażen minħabba l-imperfezzjoni umana u l-injoranza u minħabba li Satana qed jindaħal dejjem iktar fl-affarijiet tal-bnedmin. Il-Bibbja turi li x-Xitan kien “twaddab ’l isfel lejn l-art, u l-anġli tiegħu twaddbu għal isfel miegħu.” Dik l-istess profezija bassret b’eżattezza li minħabba li Satana ntefaʼ ’l barra hu kien se joħloq “gwaj għall-art” li qatt ma kien hawn bħalu. Waqt li Satana ma jistax jisforza lin-nies biex jagħmlu l-ħażen, hu tas-sengħa meta jiġi biex “iqarraq bl-art abitata kollha.”—Rivelazzjoni 12:9, 12.
Titneħħa l-Ġibda Lejn il-Ħażen
Jekk il-ħażen irid jiġi eliminat għalkollox mis-soċjetà umana, iridu jitneħħew il-ġibda li l-bniedem għandu minn ġewwa lejn il-ħażen, in-nuqqas t’għarfien eżatt li għandu, u l-influwenza taʼ Satana. L-ewwelnett, kif tistaʼ l-ġibda li għandu l-bniedem minn ġewwa lejn id-dnub titneħħa minn qalbu?
Ebda tabib uman jew mediċina magħmula mill-bniedem ma tistaʼ tagħmel din il-biċċa xogħol. Però, Alla Ġeħova pprovda kura għad-dnub li jintiret u l-imperfezzjoni għal dawk kollha li huma lesti jaċċettawha. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Id-demm taʼ Ġesù . . . jnaddafna minn kull dnub.” (1 Ġwanni 1:7) Meta r-raġel perfett Ġesù offra ħajtu minn jeddu, hu “ġarr dnubietna f’ġismu stess fuq iz-zokk, sabiex neħilsu mid-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja.” (1 Pietru 2:24) Il-mewta taʼ sagrifiċċju taʼ Ġesù kellha tneħħi l-effetti taʼ l-għemejjel ħżiena taʼ Adam. Pawlu jgħid li Kristu Ġesù sar “għal kulħadd bħala fidwa ekwivalenti.” (1 Timotju 2:6) Iva, il-mewt taʼ Ġesù fetħet it-triq għall-umanità kollha biex terġaʼ tikseb il-perfezzjoni li tilef Adam.
Però, għandek mnejn tistaqsi, ‘Jekk il-mewt taʼ Ġesù xi 2,000 sena ilu għamlitha possibbli għall-umanità biex terġaʼ tikseb il-perfezzjoni, il-ħażen u l-mewt għala għadhom jeżistu?’ Meta nsibu t-tweġiba għal din il-mistoqsija nistgħu niġu megħjunin inneħħu t-tieni kaġun tal-ħażen—il-fatt li l-bniedem ma jafx x’inhuma l-iskopijiet t’Alla.
It-Tjieba Tissaħħaħ bl-Għarfien Eżatt
Meta individwu sinċier jikseb għarfien eżatt dwar dak li Ġeħova u Ġesù qed jagħmlu issa biex jeliminaw il-ħażen, jistaʼ jiġi megħjun biex ma jmurx bl-injoranza jaċċetta għemejjel ħżiena, jew agħar minn hekk, isir ġellied “fil-fatt . . . kontra Alla.” (Atti 5:38, 39) Alla Ġeħova lest li jagħlaq għajnejh għall-iżbalji tal-passat li saru fl-injoranza. Meta kien qed jitkellem f’Ateni, l-appostlu Pawlu qal: “Alla għalaq għajnejh għal żminijiet taʼ injoranza bħal din, iżda issa qed jgħid lill-bnedmin kullimkien li għandhom jindmu lkoll. Għax hu stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika l-art abitata fis-sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar, u ta garanzija lill-bnedmin kollha billi rxoxtah mill-imwiet.”—Atti 17:30, 31.
Pawlu kien jaf mill-esperjenza persunali li Ġesù kien tqajjem mill-mewt, għax Ġesù stess irxoxtat kellem lil Pawlu u waqqfu milli jippersegwita lill-Kristjani tal-bidu. (Atti 9:3-7) Ladarba Pawlu rċieva l-għarfien eżatt dwar l-iskopijiet t’Alla, hu nbidel u sar individwu tajjeb ġenwinament meta imita lil Kristu. (1 Korintin 11:1; Kolossin 3:9, 10) Iktar minn hekk, Pawlu biż-żelu ppriedka “din l-aħbar tajba tas-Saltna.” (Mattew 24:14) Matul il-kważi 2,000 sena wara li Ġesù miet u ġie rxoxtat, Kristu għażel mill-umanità lil dawk li, bħal Pawlu, se jaħkmu miegħu fis-Saltna tiegħu.—Rivelazzjoni 5:9, 10.
Fis-seklu li għadda u sal-ġurnata taʼ llum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova wettqu biż-żelu l-inkarigu taʼ Ġesù: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” (Mattew 28:19, 20) Dawk li wieġbu għal dan il-messaġġ għandhom il-prospett li jgħixu għal dejjem f’art taħt il-ħakma tal-gvern tas-sema taʼ Kristu. Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) L-akbar ġid li jistaʼ jagħmel individwu lil ħaddieħor hu li jgħinu jikseb dan l-għarfien.
Dawk li jħaddnu din l-aħbar tajba tas-Saltna juru kwalitajiet bħall-“imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna,” minkejja l-ħażen kollu li għandhom madwarhom. (Galatin 5:22, 23) Biex jimitaw lil Kristu, huma ma ‘jroddu lil ħadd ħsara bi ħsara.’ (Rumani 12:17) B’mod individwali huma jistinkaw biex ‘dejjem jirbħu l-ħażen bit-tajjeb.’—Rumani 12:21; Mattew 5:44.
L-Aħħar Rebħa fuq il-Ħażen
Waħedhom, il-bnedmin qatt ma se jirnexxilhom jegħlbu l-kaġun primarju tal-ħażen, Satana x-Xitan. Però, Ġeħova dalwaqt se juża lil Ġesù biex jisħaq ras Satana. (Ġenesi 3:15; Rumani 16:20) Ukoll, dalwaqt Ġeħova se jidderieġi lil Kristu Ġesù biex ‘ifarrak u jtemm’ is-sistemi politiċi kollha, li ħafna minnhom ikkaġunaw tant ħażen matul l-istorja. (Danjel 2:44; Koħèlet 8:9) Matul dan il-jum taʼ ġudizzju li ġej, dawk kollha li “ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù . . . jieħdu l-kastig ġudizzjarju taʼ qerda għal dejjem.”—2 Tessalonikin 1:8, 9; Sofonija 1:14-18.
Ladarba jitneħħa Satana u dawk li jappoġġawh, Ġesù se jgħin mis-sema lil dawk li jsalvaw biex jirrestawraw l-art għall-kundizzjoni oriġinali tagħha. Ukoll, Kristu se jirxoxta lil dawk li jistħoqqilhom l-opportunità li jgħixu fuq l-art restawrata. (Luqa 23:32, 39-43; Ġwanni 5:26-29) Meta jagħmel dan se jħassar xi ftit mill-effetti tal-ħażen li batiet l-umanità.
Ġeħova mhux se jisforza lin-nies biex jobdu l-aħbar tajba dwar Ġesù. Madankollu, hu qed jagħti lin-nies l-opportunità biex jieħdu l-għarfien li jwassal għall-ħajja. Huwa vitali li int tieħu vantaġġ minn din l-opportunità issa! (Sofonija 2:2, 3) Jekk tagħmel dan, se titgħallem kif tkampa maʼ kull ħażen li issa qed iħassarlek ħajtek. Se tara wkoll kif Kristu se jmexxi r-rebħa finali fuq il-ħażen.—Rivelazzjoni 19:11-16; 20:1-3, 10; 21:3, 4.
[Stampa f’paġna 5]
Sawl ma qiesx l-għemejjel bħala ħżiena minħabba li ma kellux għarfien eżatt
[Stampa f’paġna 7]
L-akbar ġid li jistaʼ jagħmel individwu lil ħaddieħor hu li jgħinu jikseb l-għarfien t’Alla