LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 6/1 pp. 4-7
  • Is-Sors tal-Ħażen Jinkixef!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Is-Sors tal-Ħażen Jinkixef!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ħażen Jimla l-​Art
  • Il-​Wieħed Ħażin Jinkixef Għalkollox!
  • “Ħares lil Qalbek”
  • Kif Tirreżisti l-​Influwenza mill-​Agħar taʼ Satana
  • Il-​Ħażen Wasal fi Tmiemu!
  • Kif it-Tajjeb Se Jirbaħ lill-Ħażin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Satana
    Stenbaħ!—2013
  • Għadu Tal-Ħajja Taʼ Dejjem
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • It-Tajjeb Qatt se Jikkonkwista lill-Ħażin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 6/1 pp. 4-7

Is-​Sors tal-​Ħażen Jinkixef!

FL-​EWWEL seklu, ħafna mil-​Lhud kienu qed jistennew il-​miġja tal-​Messija Mwiegħed. (Ġwanni 6:14) Meta Ġesù ġie fuq l-​art, hu ġab il-​faraġ u t-​tidwil. Hu fejjaq lill-​morda, tema lill-​imġewħin, ikkontrolla t-​temp, u saħansitra qajjem lill-​mejtin. (Mattew 8:26; 14:​14-21; 15:​30, 31; Marku 5:​38-43) Hu tkellem ukoll dwar il-​kliem taʼ Ġeħova u wiegħed il-​ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 3:34) B’dak li qal u għamel, Ġesù wera bis-​sħiħ li hu kien il-​Messija, il-​wieħed li kellu jeħles lill-​umanità mid-​dnub u mill-​konsegwenzi kollha tiegħu.

Huwa loġiku li l-​mexxejja reliġjużi Lhud kellhom ikunu l-​ewwel uħud li jilqgħu lil Ġesù, jisimgħu minnu, u bil-​ferħ jaċċettaw id-​direzzjoni tiegħu. Madankollu, m’għamlux hekk. Minflok huma bagħduh, ippersegwitawh, u kkonfoffaw biex joqtluh!—Marku 14:1; 15:​1-3, 10-15.

Ġesù bix-​xieraq ikkundanna lil dawk l-​irġiel li kien jistħoqqilhom jiġu mċanfrin. (Mattew 23:​33-35) Madankollu, hu rrikonoxxa li kien hemm xi ħadd ieħor li kellu parti mit-​tort għall-​ħażen li kellhom f’qalbhom. Hu qalilhom: “Intom minn missierkom ix-​Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-​xewqat taʼ missierkom. Dan kien qattiel meta beda, u ma żammx sħiħ fil-​verità, għax il-​verità mhix fih. Meta jigdeb, jitkellem skond il-​karattru tiegħu, għax hu giddieb u missier il-​gidba.” (Ġwanni 8:​44) Għalkemm Ġesù rrikonoxxa li l-​bnedmin huma kapaċi jagħmlu affarijiet mill-​agħar, hu semma s-​sors ewlieni tal-​ħażen—Satana x-​Xitan.

Billi qal li Satana “ma żammx sħiħ fil-​verità,” Ġesù wera li dan il-​ħliqa spirtu darba kien qaddej leali t’Alla imma ħareġ mit-​triq it-​tajba. Satana għala rribella kontra Ġeħova? Għaliex hu rabba sentimenti taʼ kburija sal-​punt li żviluppa xenqa b’għira għall-​qima li tappartjeni biss lil Alla.a​—Mattew 4:​8, 9.

Ir-ribelljoni taʼ Satana dehret fil-​ġnien taʼ l-​Għeden meta qarraq b’Eva biex tiekol mill-​frotta projbita. Billi qal l-​ewwel gidba li qatt intqalet u billi kkalunnja lil Ġeħova, Satana għamel lilu nnifsu “missier il-​gidba.” Iktar minn hekk, billi ħajjar lil Adam u Eva biex ikunu diżubbidjenti, hu ġiegħel li d-​dnub jaħkem fuqhom, u fl-​aħħar mill-​aħħar wassal għall-​mewt tagħhom u tal-​ġenerazzjonijiet taʼ warajhom. Għalhekk, Satana wkoll għamel lilu nnifsu “qattiel”—tabilħaqq, l-​iktar qattiel kiefer li qatt eżista!—Ġenesi 3:​1-6; Rumani 5:12.

L-influwenza mill-​agħar taʼ Satana laħqet saħansitra l-​qasam taʼ l-​ispirti, fejn hu ħajjar lil anġli oħrajn biex jingħaqdu miegħu fir-​ribelljoni. (2 Pietru 2:4) Bħal Satana, dawn l-​ispirti mill-​agħar ħadu interess mhux f’loku fil-​bnedmin. Però, fil-​każ tagħhom dan kien interess sesswali pervers, b’konsegwenzi diżastrużi u mill-​agħar.

Il-​Ħażen Jimla l-​Art

Il-​Bibbja tgħidilna: “Meta l-​bnedmin bdew joktru fuq l-​art u tweldulhom il-​bniet, raw ulied Alla li l-​bniet tal-​bnedmin kienu ħelwin, u ’l dawk li għoġbuhom ħaduhom b’nisa tagħhom.” (Ġenesi 6:​1, 2) Min kienu dawn “ulied Alla”? Dawn kienu ħlejjaq spirti, mhux bnedmin. (Ġob 1:6; 2:1) Kif nafuh dan? Raġuni waħda hi li ż-​żwieġ bejn il-​bnedmin kien ilu jseħħ għal xi 1,500 sena u sa dak iż-​żmien il-​Bibbja qatt ma rreferiet għalih bħala xi ħaġa taʼ barra minn hawn. Allura billi jiġbed l-​attenzjoni lejn ir-​rabta sesswali taʼ “wlied Alla” li mmaterjalizzaw ruħhom u ħadu lill-​“bniet tal-​bnedmin,” ir-​rakkont b’mod ċar jirreferi għal xi ħaġa li qatt ma kienet seħħet qabel, xi ħaġa mhux normali.

Il-fatt li dan ma kienx normali hu konfermat mit-​tip taʼ nisel li twieled minn din l-​unjoni. Imsejħin Nefilim, dawn kienu bgħula li meta kibru saru ġganti. Huma kienu wkoll bulijiet ħorox. Fil-​fatt, in-​New World Translation turi li l-​kelma oriġinali bl-​Ebrajk li tirreferi għal dawn il-​ġganti vjolenti, jew “Nefilim,” tfisser ‘uħud li jwaqqgħu lil ħaddieħor.’ Dawn l-​irġiel kefrin huma deskritti bħala “n-​nies kbar imsemmija sa mill-​qedem.”—Ġenesi 6:4.

In-Nefilim u missirijiethom ġabu l-​ħażen fi stat li qatt ma kien agħar minn hekk qabel. Ġenesi 6:11 jinnota li “l-​art tħassret quddiem Alla u mtliet bil-​vjolenza.” Iva, il-​bnedmin adottaw il-​prattiki vjolenti u baxxi taʼ dawn l-​uħud ġodda li ġew fosthom.

In-Nefilim u missirijiethom kif eżerċitaw qawwa mill-​agħar daqshekk qawwija fuq il-​bnedmin? Billi ħajru lil oħrajn bl-​inklinazzjonijiet u x-​xewqat midinbin tagħhom. Ir-​riżultat? “Kull ħliqa ħajja . . . għawwġet triqtha fuq l-​art.” Fl-​aħħarnett, Ġeħova qered lil dik id-​dinja permezz taʼ Dilluvju globali, u ħelisha biss lil Noè li kien ġust u lill-​familja tiegħu. (Ġenesi 6:​5, 12-22) Madankollu, l-​anġli materjalizzati marru lura fil-​qasam taʼ l-​ispirti f’kundizzjoni t’għajb. Bħala demonji baxxi, huma komplew jopponu lil Alla u lill-​familja ġusta tiegħu t’anġli leali. Milli jidher, minn dak iż-​żmien ’l hawn, lil dawn l-​anġli mill-​agħar Alla ma ħallihomx jerġgħu jimmaterjalizzaw ruħhom. (Ġuda 6) Minkejja dan, huma għad għandhom influwenza qawwija fuq l-​affarijiet tal-​bnedmin.

Il-​Wieħed Ħażin Jinkixef Għalkollox!

L-​effett kbir u mill-​agħar li għandu Satana jintwera ċar fl-​1 Ġwanni 5:​19, li jgħid: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” Ix-​Xitan qed jimmanipula lill-​bnedmin f’maltemp taʼ inkwiet li dejjem jiżdied. Fil-​fatt hu determinat iktar minn qatt qabel li jagħmel il-​ħsara. Għala? Għaliex hu u d-​demonji tiegħu tkeċċew mis-​sema wara li ġiet stabbilita s-​Saltna t’Alla fl-​1914. Dwar din it-​tkeċċija, il-​Bibbja bassret: “Gwaj għall-​art . . . għax ix-​Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:​7-12) Allura, Satana kif jeżerċita l-​influwenza tiegħu fuq l-​umanità llum?

Primarjament, Satana jagħmel dan billi jinkuraġġixxi spirtu li jikkontrolla l-​mod kif in-​nies jaħsbu u jaġixxu. Għalhekk, Efesin 2:2 isejjaħ lix-​Xitan “il-​ħakkiem taʼ l-​awtorità taʼ l-​arja, l-​ispirtu [jew, l-​attitudni dominanti] li issa qed jaħdem f’ulied id-​diżubbidjenza.” Minflok ma tinkuraġġixxi l-​biżaʼ minn Alla u t-​tjieba, din l-​“arja” demonika tinkuraġġixxi r-​ribelljoni kontra Alla u l-​livelli tiegħu. Għalhekk, Satana u d-​demonji tiegħu jinkuraġġixxu l-​ħażen li jagħmlu l-​bnedmin u jiggravawh.

“Ħares lil Qalbek”

Mod wieħed kif tidher din l-​“arja” hu permezz tal-​pjaga tal-​pornografija, li tqanqal xewqat sesswali mhux xierqa u tagħmel imġiba mhux normali tidher attraenti. (1 Tessalonikin 4:​3-5) L-​istupru, is-​sadiżmu, l-​istupru minn grupp taʼ nies, il-​bestjalità, u l-​abbuż sesswali fuq it-​tfal huma xi ftit mis-​suġġetti li l-​pornografija tippreżenta bħala divertiment. Anki fil-​forom tagħha li jagħmlu l-​inqas ħsara, il-​pornografija hija faċli biex issir vizzju u tagħmel il-​ħsara lil dawk li jarawha jew jaqrawha, u min jaraha jispiċċa jaqbadha bħala drawwa.b Din hija ħażen li jagħmel il-​ħsara kemm lir-​relazzjonijiet bejn il-​bnedmin u kemm lir-​relazzjoni taʼ l-​individwu m’Alla. Il-​pornografija tirrifletti l-​mentalità baxxa tad-​demonji li jinkuraġġuha—ribelli li x-​xewqat sesswali mhux xierqa tagħhom bdew mid-​dinja taʼ qabel id-​Dilluvju taʼ żmien Noè.

Mhux taʼ b’xejn li r-​raġel għaref Salamun wissa: “Ħares lil qalbek bir-​reqqa kollha, għax minnha ġejja l-​ħajja.” (Proverbji 4:23) F’termini prattiċi, li tħares lil qalbek min-​nassa tal-​pornografija jistaʼ jfisser li tibdel l-​istazzjon tat-​televixin jew titfi l-​kompjuter jekk jiġu xeni b’kontenut erotiku, u huwa importanti li tagħmel dan minnufih u b’determinazzjoni! Immaġina lilek innifsek suldat li qed tipprova twaqqaf bullet li huwa mmirat lejn qalbek. Satana jimmira lejn il-​qalb figurattiva tiegħek—minfejn ġejjin il-​motivazzjonijiet u x-​xewqat tiegħek—u jipprova jikkorrompiha.

Ukoll, għandek bżonn tipproteġi lil qalbek mill-​imħabba għall-​vjolenza, għaliex ix-​Xitan jaf li Ġeħova “jobgħod ’il min iħobb id-​dnewwa,” jew il-​vjolenza. (Salm 11:​5, korsiv tagħna.) Satana m’għandux għalfejn jibdlek fi bniedem kattiv għatxan għad-​demm biex jagħmlek għadu t’Alla; hu sempliċement irid jikkultiva fik imħabba għall-​vjolenza. Allura, ma nissorprendux ruħna li l-​mezzi tax-​xandir huma invażati bil-​vjolenza, spiss bl-​okkult involut. In-​Nefilim huma mejtin u spiċċaw, imma l-​kwalitajiet u l-​imġiba tagħhom tassew għadhom fostna! Juri d-​divertiment li tagħżel int li żżomm ’il bogħod mill-​proġetti taʼ Satana?—2 Korintin 2:11.

Kif Tirreżisti l-​Influwenza mill-​Agħar taʼ Satana

Il-​qawwiet tal-​ħażen jistgħu jidhru tassew b’saħħithom. Il-​Bibbja ssemmi li dawk li qed jistinkaw biex jogħġbu lil Alla ‘jissaraw kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar,’ minbarra li jissaraw kontra l-​ġisem imperfett tagħhom stess. Biex nirbħu l-​ġlieda u jkollna l-​favur t’Alla, aħna rridu nieħdu vantaġġ mill-​ħafna provvedimenti t’Alla.—Efesin 6:12; Rumani 7:​21-25.

Dawn il-​provvedimenti jinkludu l-​ispirtu qaddis t’Alla, l-​iktar forza qawwija fl-​univers. L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu: “Aħna ma rċivejniex l-​ispirtu tad-​dinja, imma l-​ispirtu li ġej mingħand Alla.” (1 Korintin 2:12) Dawk li huma mmexxijin mill-​ispirtu t’Alla jħobbu dak li Alla jħobb u jobogħdu dak li hu jobgħod. (Għamos 5:15) Kif jistaʼ dak li jkun jirċievi l-​ispirtu qaddis? Primarjament permezz tat-​talb, l-​istudju tal-​Bibbja—minħabba li l-​Bibbja nfisha hija prodott taʼ l-​ispirtu qaddis—u sħubija li tibni maʼ dawk li tassew iħobbu lil Alla.—Luqa 11:13; 2 Timotju 3:16; Ebrej 10:​24, 25.

Jekk tieħu vantaġġ minn dawn il-​provvedimenti divini, int tibda tilbes “l-​armatura sħiħa mingħand Alla,” l-​unika protezzjoni ċerta kontra “t-​tnassis tax-​Xitan.” (Efesin 6:​11-18) Huwa urġenti issa iktar minn qatt qabel li int tuża bis-​sħiħ dawn il-​provvedimenti. Kif tistaʼ tagħmel dan?

Il-​Ħażen Wasal fi Tmiemu!

“Mqar jekk iħaddru bħall-​ħaxix il-​ħżiena, u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-​ħażen, lkoll għad jinqerdu għal dejjem,” jgħid is-​salmista. (Salm 92:8 [92:​7, NW]) Iva, bħal fi żmien Noè, il-​ħażen mifrux li hawn bħalissa huwa evidenza li l-​ġudizzju t’Alla dalwaqt se jseħħ, mhux biss kontra l-​bnedmin mill-​agħar imma wkoll kontra Satana u d-​demonji tiegħu, li se jintefgħu f’abbiss taʼ inattività qabel ma jinqerdu għalkollox. (2 Timotju 3:​1-5; Rivelazzjoni 20:​1-3, 7-10) Min se jesegwixxi dan il-​ġudizzju? Ħadd iktar ħlief Ġesù Kristu, li dwaru naqraw: “Għalhekk intwera l-​Iben t’Alla, jiġifieri, biex ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan.”—1 Ġwanni 3:8.

Tixxennaq int biex tara l-​ħażen jispiċċa għalkollox? Jekk iva, tistaʼ tikseb il-​faraġ mill-​wegħdi li hemm fil-​Bibbja. Ebda ktieb ieħor ma jikxef min hemm wara l-​ħażen verament, Satana, u ebda ktieb ieħor ma juri kif hu u l-​għemejjel mill-​agħar kollha tiegħu fl-​aħħar mill-​aħħar se jitqaċċtu mill-​għeruq. Inħeġġuk tieħu għarfien eżatt tal-​Bibbja ħalli tipproteġi lilek innifsek kontra l-​influwenzi ħżiena taʼ Satana issa u jkollok tama ċerta li tgħix f’dinja ħielsa mill-​ħażen.—Salm 37:​9, 10.

[Noti taʼ taħt]

a Ma nafux x’kien l-​isem oriġinali taʼ l-​anġlu li sar Satana. It-​termini “Satana” u “Xitan” ifissru “Avversarju” u “Kalunnjatur.” F’ċerti aspetti, il-​ħajja taʼ Satana tixbah lil dik tas-​sultan taʼ Tir tal-​qedem. (Eżekjel 28:​12-19) It-​tnejn li huma bdew b’ħajja bla ħtija imma saru vittmi tal-​kburija tagħhom stess.

b Ara s-​serje t’artikli “Il-​Pornografija—Tagħmel Ħsara jew Le?” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 t’Awissu, 2003, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

Leġġendi b’Nitfa Verità

Stejjer dwar nofs allat, ġganti, u dilluvju katastrofiku jinsabu fil-​mitoloġiji tal-​qedem madwar id-​dinja. Per eżempju, l-​Epika taʼ Gilgamex t’Akkad issemmi dilluvju, vapur, u wħud li salvaw. Gilgamex innifsu kien deskritt bħala nofs alla, jew parti alla u parti bniedem, li kien żieni u vjolenti. Il-​mitoloġija taʼ l-​Azteki titkellem dwar dinja tal-​qedem abitata minn ġganti u dwar dilluvju kbir. Il-​leġġenda Nordika tiddeskrivi razza taʼ ġganti u raġel għaref imsejjaħ Bergelmir li bena dgħajsa kbira u salva lilu nnifsu u lil martu. Dawn il-​leġġendi kollha jixhdu għall-​provi li tagħti l-​Bibbja li l-​bnedmin kollha ġejjin minn dawk li salvaw mid-​dilluvju li qered id-​dinja mill-​agħar li kienet teżisti fil-​qedem.

[Stampa]

Tavla mnaqqxa bl-​Epika taʼ Gilgamex

[Sors]

The University Museum, University of Pennsylvania (neg. # 22065)

[Stampa f’paġna 5]

Il-​kwalitajiet tan-​Nefilim tistaʼ tarahom fin-​nies illum

[Stampa f’paġna 7]

Għarfien eżatt isaħħaħna kontra l-​influwenzi ħżiena

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja