LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 10/10 pp. 15-17
  • ‘L-Iktar Tajra Grandjuża fid-Dinja’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘L-Iktar Tajra Grandjuża fid-Dinja’
  • Stenbaħ!—2010
  • Materjal Simili
  • Ir-​Ritorn Taʼ L-​Għasfur Kbir Abjad
    Stenbaħ!—1998
  • Ħarsa lejn id-dinja
    Stenbaħ!—2014
  • Speċi Mhedda bl-Estinzjoni
    Stenbaħ!—2005
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2002
Stenbaħ!—2010
g 10/10 pp. 15-17

‘L-​Iktar Tajra Grandjuża fid-​Dinja’

MHUX taʼ b’xejn li l-​albatross ġie deskritt bħala ‘l-​iktar tajra grandjuża fid-​dinja.’ Il-​qies taʼ din it-​tajra bi ġwinħajha miftuħin hu taʼ tliet metri, u għalhekk din hi l-​akbar tajra tal-​baħar li tistaʼ ttir b’veloċità taʼ iktar minn 115-​il kilometru fis-​siegħa. Fuq l-​art, l-​albatross għandu mnejn jidher kemxejn stramb, imma fis-​sema hu tassew spettaklu li jpaxxi l-​għajn.

Instabu madwar 20 speċi differenti taʼ albatross. 15 minnhom jistgħu jinstabu fl-​oċeani taʼ madwar New Zealand. L-​uniku post fejn ibejjet l-​albatross hu Taiaroa Head li jinsab fl-​Emisfera tan-​Nofsinhar, f’tarf il-​Peninsula Otago, fuq South Island fi New Zealand.

Hawnhekk, l-​albatross irjali tat-​tramuntana jibda jkollhom il-​frieħ fl-​età taʼ bejn sitta u għaxar snin. Dawn jibqgħu jkollhom il-​frieħ tul ħajjithom kollha, u din tistaʼ tkun twila mhux ħażin. Huwa magħruf li xi wħud minn dawn it-​tjur jgħixu ’l fuq sew minn 50 sena! L-​albatross ibidu bajda waħda kull sentejn u s-​sena li ma jbidux iqattgħuha fuq il-​baħar. Normalment, dawn it-​tjur jibqgħu mal-​imseħbin tagħhom għal għomorhom.

Kemm l-​albatross raġel u kemm l-​albatross mara jieħdu sehem f’li jibnu l-​bejta. Din jibdewha f’Settembru. Imbagħad, f’Novembru, l-​albatross mara tbid bajda li tistaʼ tiżen sa 500 gramma. Kemm ir-​raġel u kemm il-​mara jkunu involuti fl-​inkubazzjoni tal-​bajda li ddum madwar 80 ġurnata, sakemm din tfaqqas fil-​bidu taʼ Frar. Imbagħad, l-​omm u l-​missier, darba kull wieħed, jgħassu u jitimgħu lill-​fellus. Id-​dieta tiegħu tikkonsisti minn ħut u klamari mgħaffġin li l-​omm jew il-​missier ikunu tellgħu mill-​istonku tagħhom biex jitimgħuhom lill-​fellus. Meta jkollu sitt xhur, il-​fellus jistaʼ jiżen sa 12-​il kilo—ħafna iktar minn albatross adult!

Wara kważi sena, l-​omm u l-​missier jerħulha lejn Taiaroa Head biex iqattgħu sena fuq il-​baħar qabel ma jmorru lura ħalli jerġgħu jbejtu. Sadanittant, il-​fellus tagħhom, li jkun irqaq u jkun tellaʼ r-​rix kollu, jibqaʼ jipprova jtir għal darba wara l-​oħra sakemm jitgħallem jiftaħ ġwinħajh u jittajjar mar-​riħ fl-​ajru. X’inhi d-​destinazzjoni tiegħu? L-​oċean. Huwa hawnhekk li l-​albatross li jkun għadu żgħir iqattaʼ ftit tas-​snin. Qabel isir adult, l-​albatross jerġaʼ lura lejn Taiaroa Head. Hawnhekk, waqt li l-​għasafar akbar ikunu medhijin jibnu l-​bejtiet u jkollhom iż-​żgħar, l-​albatross li jkun għadu ma sarx adult jgħaddi l-​ħin inaddaf u jirranġa r-​rix b’munqaru, jaqbeż u jilgħab, u juri kemm jaf itir.

[Kaxxa f’paġna 17]

ŻJARA LILL-​KOLONJA TAL-​ALBATROSS IRJALI

Sa minn tfuliti, l-​istejjer dwar l-​albatross kienu jaffaxxinawni, u għalhekk bdejt inħares ’il quddiem bil-​ħerqa lejn iż-​żjara tiegħi lill-​kolonja tal-​albatross irjali. Kienet ġurnata bir-​riħ, u hekk kif jien u ħabibti bdejna noqorbu, qgħadna niflu s-​sema biex forsi nilmħu l-​ispettaklu tal-​albatross fl-​ajru. Ma ħriġniex diżappuntati. Hekk kif bdew ifiġġu l-​għasafar, ma stajniex ma nibqgħux b’ħalqna miftuħ meta rajna dawn l-​esperti leġġendarji tat-​titjir!

Malli wasalna, ngħaqadna maʼ grupp taʼ viżitaturi oħrajn għal żjara taʼ siegħa bil-​gwida. Permezz taʼ xi mudelli, wirjiet, u vidjos li ntużaw, sirna nafu li l-​albatross irjali tat-​Tramuntana jistaʼ jgħix il-​ħin kollu fuq il-​baħar, u jistaʼ saħansitra jorqod fuq l-​ilma! Sew jekk fuq il-​baħar u sew jekk fl-​ajru, dan l-​għasfur affaxxinanti hu verament meravilja. Din hi raġuni oħra biex nagħtu tifħir lil dak li ‘ħalaq l-​affarijiet kollha,’ Alla Ġeħova!—Rivelazzjoni 4:11.

[Stampa f’paġna 16]

L-​omm u l-​missier, darba kull wieħed, jgħassu u jitimgħu lill-​fellus li meta jkollu sitt xhur jistaʼ jiżen sa 12-​il kilo

[Stampa f’paġna 16]

Taiaroa Head, fejn jgħix l-​albatross irjali tat-​Tramuntana

[Stampa f’paġna 16]

L-​albatross irjali tat-​Tramuntana jistaʼ jgħix il-​ħin kollu fuq il-​baħar, u jistaʼ saħansitra jorqod fuq l-​ilma

[Sorsi tal-istampa f’paġna 15]

Fuq: © David Wall/Alamy; taħt: © Kim Westerskov/Alamy

[Sorsi tal-istampa f’paġna 17]

Sfond: © davidwallphoto.com; paġna 24, fuq: Tui De Roy/Roving Tortoise Photos; paġna 24, taħt: Courtesy Diarmuid Toman; paġna 25, albatross itir: © Naturfoto-​Online/Wolfgang Bittmann

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja