GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ
Kif il-Miżżewġin Jistgħu Jevitaw il-Vizzju li Ma Jkellmux lil Xulxin
L-ISFIDA
Tnejn min-nies li wiegħdu li jħobbu lil xulxin kif jaslu sal-punt li ma jkellmux lil xulxin għal sigħat jew saħansitra għal ġranet sħaħ? Forsi bejnhom u bejn ruħhom jgħidu, ‘Għall-inqas ma nkomplux niġġieldu.’ Imma xorta waħda, il-kwistjoni ma tkunx ġiet solvuta, u t-tnejn li huma ma jħossuhomx komdi.
GĦALA JIĠRI DAN
Tpattija. Xi miżżewġin jużaw is-silenzju biex ipattuha lil xulxin. Pereżempju, ejja ngħidu li r-raġel jagħmel pjanijiet għal tmiem il-ġimgħa mingħajr ma jiddiskutihom maʼ martu. Meta hi ssir taf, tirrabja u takkużah li ma jimpurtahx mis-sentimenti tagħha. Hu jgħidilha li hi tieħu għaliha mix-xejn. Martu tirrabja u titlaq ’l hemm u ma tkunx trid tkellmu iżjed. Hi bħallikieku tkun qed tgħidlu, “Int weġġajtni u jien se npattihielek.”
Manipulazzjoni. Xi wħud jużaw is-silenzju biex jieħdu dak li jridu. Pereżempju, immaġina li raġel u martu jippjanaw vjaġġ u l-mara tkun trid tieħu lill-ġenituri tagħha magħhom. Ir-raġel joġġezzjona. Hu jgħidilha, “Jien lilek iżżewwiġt u mhux ’l ommok u ’l missierek.” Imbagħad hu ma jkunx irid ikellimha, u jinjoraha bit-tama li ċċedi u tagħmel dak li jixtieq hu.
M’għandniex xi ngħidu, xi kultant meta tħoss li se titlef it-tempra jkun tajjeb li ma tkomplix targumenta u tieħu l-ħin biex tikkalma. Dan it-tip taʼ silenzju jistaʼ jkun taʼ benefiċċju. Il-Bibbja tgħid li hemm “żmien li toqgħod kwiet.” (Ekkleżjasti 3:7) Imma meta s-silenzju jintuża biex tpatti jew timmanipula, il-fatt li ma tkunx trid titkellem mhux talli ma jwaqqafx il-ġlieda imma talli jġib fix-xejn ir-rispett li l-koppja jkollhom lejn xulxin. Kif tistaʼ tevita li dan jiġri lilek?
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
L-ewwel pass biex tikser is-silenzju taʼ bejnietkom hu li tagħraf eżattament għala tagħmel hekk. Din hi biss tattika li, l-iktar l-iktar, taħdem għal ftit imma ma ssolvix il-problema. Veru, billi ma titkellimx tistaʼ tħoss li pattejtha jew ġegħelt lill-parti l-oħra ċċedi għal dak li tkun xtaqt int. Imma huwa dan il-mod kif trid tittratta lil xi ħadd li wegħedtu li tħobbu? Hemm modi aħjar kif issolvi n-nuqqas taʼ qbil.
Uża d-Dixxerniment. Il-Bibbja tgħid li l-imħabba “ma tiġix provokata.” (1 Korintin 13:4, 5) Ibqgħu kalmi meta xi ħadd minnkom fir-rabja jgħid xi affarijiet bħal: “Int qatt ma tismaʼ” jew “Int dejjem tard.” Minflok, ara x’verament ikun ifisser dan il-kliem. Pereżempju, “Int qatt ma tismaʼ” jistaʼ jkun li jfisser “Inħoss li int ma tagħtix kas l-opinjoni tiegħi.”—Prinċipju Bibliku: Proverbji 14:29.
Qis lill-parti l-oħra fiż-żwieġ bħala membru tal-istess tim minflok bħala opponent
Baxxi leħnek. Iktar ma tkompli targumenta, iktar ikompli jiħrax l-argument. Mill-banda l-oħra, int tistaʼ tagħmel xi ħaġa biex ma tħallix id-diskussjoni ssir waħda taħraq. X’tistaʼ tagħmel? Il-ktieb Fighting for Your Marriage jgħid li żewġ affarijiet li huma t’għajnuna kbira biex tittaffa t-tensjoni u biex il-problema ma tikbirx huma li tbaxxi leħnek u tirrikonoxxi l-opinjoni tal-parti l-oħra. Spiss hekk biss ikun hemm bżonn.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 26:20.
Għid “aħna,” mhux “jien.” Il-Bibbja tgħid: “Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.” (1 Korintin 10:24) Jekk tqis lill-parti l-oħra fiż-żwieġ bħala membru tal-istess tim minflok bħala opponent, ikun hemm inqas ċans li tieħu għalik, li targumenta, u li mbagħad tispiċċa ma tkellimx lill-parti l-oħra.—Prinċipju Bibliku: Ekkleżjasti 7:9.
Il-Bibbja tgħid: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; mill-banda l-oħra, il-mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:33) Meta tnejn miżżewġin ma jkellmux lil xulxin ikunu qed imorru kontra dan il-parir. Għala ma tiftehmux bejnietkom biex ma tħallux dan jiġri fiż-żwieġ tagħkom?