LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 9/14 pp. 4-7
  • X’tista’ tagħmel jekk tkun eżawrit?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’tista’ tagħmel jekk tkun eżawrit?
  • Stenbaħ!—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • 1. IKKUNSIDRA L-PRIJORITAJIET TIEGĦEK.
  • 2. ISSIMPLIFIKA ĦAJTEK.
  • 3. TGĦALLEM META GĦANDEK TGĦID LE GĦAX-XOGĦOL.
  • 4. WARRAB ĦIN GĦALL-MISTRIEĦ U R-RIKREAZZJONI.
  • Kif nistaʼ nevita li jkolli burnout?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Għandek wisq x’tagħmel?
    Stenbaħ!—2017
  • 2 | Ħu Ħsieb ix-​Xogħol u l-​Affarijiet Tiegħek
    Stenbaħ!—2022
  • Agħmel ix-xogħol bil-ferħ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2014
g 9/14 pp. 4-7

SUĠĠETT PRINĊIPALI

X’tistaʼ tagħmel jekk tkun eżawrit?

Anil, li rnexxielu ma jibqax eżawrit minħabba x-xogħol

ANIL kien għajjien mejjet. Xi żmien qabel, kien beda xogħol ġdid għax dan offrielu pożizzjoni u paga aħjar. Imma issa kien qed jaħdem sa tard billejl kif ukoll is-​Sibtijiet u l-​Ħdud. Kultant kien qed jaħdem 80 siegħa fil-​ġimgħa! Hu jgħid: “Ix-​xogħol kien hemm ġenn sħiħ, u r-​responsabbiltà kollha waqgħet fuqi. Għedt bejni u bejn ruħi: ‘X’għamilt b’idejja? Żgur li ma nistax nibqaʼ sejjer hekk.’” Anil kien qed jispiċċa eżawrit.

Li tkun eżawrit minħabba x-​xogħol hu iktar minn sempliċi għeja. Dan jinvolvi iktar mill-​istress normali li tħabbat wiċċek miegħu fuq ix-​xogħol. Jekk tkun eżawrit, tkun totalment bla saħħa u tħossok tassew frustrat u li m’għandek kontroll fuq xejn. In-​nies li jkunu eżawriti għandhom ħabta ma jibqgħux involuti emozzjonalment f’xogħolhom, ikunu bla ħeġġa, u ma jtellgħux daqshekk xogħol. Ukoll, xi studji sabu li meta xi ħadd ikun eżawrit minħabba x-​xogħol, dan ikollu ħafna problemi taʼ saħħa emozzjonali u fiżika.

X’inhu dak li jġiegħel lin-​nies iħossuhom eżawriti? Spiss, ix-​xogħol żejjed. Minħabba l-​pressjonijiet ekonomiċi, xi wħud mill-​imgħallmin jinsistu li l-​impjegati jaħdmu sigħat twal, u kultant għal inqas flus. Minħabba avvanzi fit-​teknoloġija, dak li jkun jistaʼ jibqaʼ jaħdem anke meta ma jkunx ix-​xogħol, u għalhekk ikun diffiċli biex jagħraf id-​differenza bejn ix-​xogħol u l-​ħajja privata. Xi wħud ikunu eżawriti għax jibżgħu li jitilfu l-​impjieg tagħhom, għax ma tantx għandhom kontroll fuq xogħolhom, jew għax iħossu li qed jiġu ttrattati b’mod inġust. Oħrajn iħossuhom eżawriti għax m’għandhomx prijoritajiet ċari jew għax ma jaqblux mal-​kollegi.

Tistaʼ tħossok eżawrit ukoll minħabba l-​azzjonijiet tiegħek stess. Xi wħud huma medhijin f’li jilħqu ċerti miri fil-​karriera tagħhom u jiksbu paga aħjar, u għalhekk jipprovaw ideffsu iktar xogħol f’ħajjithom. Jistaʼ jkun li dawn l-​uħud jintrabtu wisq max-​xogħol, u eventwalment isiru eżawriti.

Jekk int eżawrit minħabba x-​xogħol, kif tistaʼ tirkupra? M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jidher impossibbli li tagħmel xi bidla jekk tħossok maqbud f’sitwazzjoni li m’għandek l-​ebda kontroll fuqha. Minkejja dan, ikkunsidra l-​erbaʼ suġġerimenti li ġejjin li se jgħinuk biex ma tibqax eżawrit. Jistaʼ jkun li għandek iktar kontroll milli ħsibt.

1. IKKUNSIDRA L-PRIJORITAJIET TIEGĦEK.

Familja ferħana

X’inhu l-​iktar importanti għalik? Li kieku kellhom jagħmlu lista, ħafna nies abbli jpoġġu relazzjonijiet maʼ tal-​familja u saħħa tajba fuq nett. Dawn x’aktarx se jmorru minn taħt jekk tkun eżawrit.

Billi jkollok il-​prijoritajiet tiegħek ċari f’moħħok, tkun qed tħejji lilek innifsek biex tieħu deċiżjonijiet diffiċli u tkun lest li tibdel ċerti affarijiet. Pereżempju, forsi tinduna li qed tibda tħossok eżawrit minħabba x-​xogħol. Iżda, għandek mnejn tirraġuna, ‘Ma nistax nibdel ix-​xogħol jew naħdem inqas; għandi bżonn il-​flus!’ Veru, kulħadd għandu bżonn il-​flus, imma kemm verament għandek bżonn flus? U x’lest li tissagrifika minn dak li tassew hu taʼ valur għalik biex takkwistahom?

Oqgħod attent biex ma tadottax l-​istess prijoritajiet bħal dawk taʼ madwarek. X’aktarx il-​prijoritajiet tal-​imgħallem huma differenti minn tiegħek. Ħaddieħor jaf ipoġġi x-​xogħol fl-​ewwel post f’ħajtu, imma dan ma jfissirx li int trid tagħmel bħalu.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “ANKI META WIEĦED IKOLLU BL-ABBUNDANZA, ĦAJTU MA TIDDEPENDIX MINN DAK LI GĦANDU.”—LUQA 12:15

2. ISSIMPLIFIKA ĦAJTEK.

Ikla sempliċi

Sabiex tnaqqas mill-​istress u jkollok iktar ħin għal dak li tassew tqisu taʼ valur, tistaʼ tikkunsidra li taħdem inqas sigħat, li tipperswadi lill-​imgħallem biex inaqqaslek ftit mir-​responsabbiltà tax-​xogħol, jew saħansitra li tibdel l-​impjieg. Tiddeċiedi x’tiddeċiedi, wisq probabbli jkollok tissimplifika ħajtek. Dan hu possibbli u jistaʼ ma jkunx diffiċli daqskemm taħseb.

F’ħafna pajjiżi, soċjetà materjalistika tagħti x’tifhem li l-​ferħ hu marbut maʼ kemm għandek paga u mal-​affarijiet materjali li għandek. Imma fir-​realtà, dan mhux veru. Ħajja iktar sempliċi tistaʼ ġġib iktar libertà u sodisfazzjon. Biex tħejji ruħek għal bidla bħal din, naqqas l-​ispejjeż tiegħek, u faddal il-​flus. Ipprova naqqas id-​dejn jew aqtgħu għalkollox. Iddiskuti l-​bżonn taʼ bidla mal-​membri tal-​familja, u itlobhom jappoġġawk.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “LA GĦANDNA X’NIEKLU U BIEX NITGĦATTEW, GĦANDNA NKUNU KUNTENTI B’DAWN L-AFFARIJIET.”—1 TIMOTJU 6:8

3. TGĦALLEM META GĦANDEK TGĦID LE GĦAX-XOGĦOL.

Jekk tiġi mgħobbi b’ammont taʼ xogħol esaġerat jew tiffaċċja xi problema persistenti oħra fuq il-​post tax-​xogħol, iddiskuti s-​sitwazzjoni mal-​imgħallem tiegħek. Kull meta jkun possibbli, offri soluzzjonijiet li jissodisfaw kemm il-​bżonnijiet tiegħek kif ukoll dawk tal-​imgħallem. Serraħ moħħ l-​imgħallem tiegħek li int dedikat għax-​xogħol, u spjegalu x’int lest li tagħmel; imma kun ċar u sod dwar dak li ma tistax tagħmel.

Raġel jipponta lejn l-arloġġ t’idu

Ipprepara ruħek għal li jistaʼ jinqalaʼ, u kun realistiku. Jekk trid taħdem inqas, l-​imgħallem tiegħek jaf inaqqaslek il-​paga. Tiħodhiex bi kbira jekk tħabbat wiċċek maʼ theddid, bħal pereżempju li titlef l-​impjieg, u lesti ruħek għal kif tistaʼ twieġeb. Ftakar li iktar għandek ċans issib xogħol ġdid waqt li tkun għadek qed taħdem.

Anke meta tilħaq qbil mal-​imgħallem u t-​tnejn tkunu kuntenti, tiskantax jekk terġaʼ ssirlek pressjoni biex taħdem iktar. X’jistaʼ jgħinek tibqaʼ sod? Jekk wegħedt xi ħaġa, ara li tagħmilha. Jekk tagħmel hekk, se tkun f’pożizzjoni aħjar biex titlob l-​imgħallem jagħmel l-​istess, pereżempju li ma jagħtikx iktar xogħol milli tkunu ftehemtu.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “IL-KELMA TAGĦKOM IVA ĦA TFISSER IVA, U L-LE, LE.”—MATTEW 5:37

4. WARRAB ĦIN GĦALL-MISTRIEĦ U R-RIKREAZZJONI.

Anke meta ma jkollokx problemi kbar fuq il-​post tax-​xogħol, forsi xorta jkollok tħabbat wiċċek m’affarijiet stressanti, nies diffiċli, u sitwazzjonijiet mhux pjaċevoli. Għalhekk, warrab ħin biex tistrieħ biżżejjed u biex tieħu sehem f’rikreazzjoni bilanċjata. Tinsiex li m’għandekx għalfejn tonfoq ħafna flus fir-​rikreazzjoni sabiex din tkun taʼ ġid għalik u għall-​familja tiegħek.

Mara twarrab il-ħin biex tirrilassa billi toqgħod taqra

Ikkultiva passatempi u ħbiberiji li m’għandhomx x’jaqsmu max-​xogħol tiegħek, u tħallix it-​tip taʼ xogħol li għandek jew l-​ammont taʼ xogħol li tagħmel jeffettwalek il-​mod kif tħares lejk innifsek. Għala? Il-​ktieb Your Money or Your Life jgħid: “Xogħlok ma jagħmlekx il-​persuna li tassew int—hemm ħafna iktar involut.” Se ssibha bi tqila biex taqtaʼ mix-​xogħol jekk tħallih jiddettalek kif tħares lejk innifsek.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “AĦJAR ID MIMLIJA BIL-MISTRIEĦ MILLI TNEJN MIMLIJIN BIX-XOGĦOL IEBES U L-ĠIRI WARA R-RIĦ.”—EKKLEŻJASTI 4:6.

Tistaʼ verament tagħmel il-​bidliet li hemm bżonn ħalli ma tibqax tħossok eżawrit? Iva, tistaʼ. Anil, li ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, irnexxielu jagħmel dan. Hu jgħid: “Ikkuntattjajt l-​imgħallem taʼ fejn kont naħdem qabel u staqsejtu biex jerġaʼ jħaddimni miegħu, u aċċetta. Il-​paga naqset sew, u tgħidx kemm stħajt xħin ġejt wiċċ imb wiċċ mal-​kollegi li kont naħdem magħhom wara li kont għedtilhom li sibt xogħol aħjar. Imma ksibt serħan il-​moħħ, u kelli iktar ħin għall-​familja u għal affarijiet oħra li huma importanti ħafna għalija.”

KIF IRNEXXIELNA NERĠGĦU NQUMU FUQ SAQAJNA

Wayne u Marie huma koppja miżżewġa li għandhom ftit iktar minn 30 sena u li jgħixu fl-​Istati Uniti.

X’ġegħelkom tħossukom eżawriti?

Wayne: Kellna diversi negozji u konna dħalna f’balla dejn. Ridt inkabbar in-​negozji tagħna sal-​punt li l-​ħajja tkun iktar komda, u nkun nistaʼ naħdem inqas imma xorta naqlaʼ biżżejjed flus. Il-​mira tiegħi kienet li nnaqqas l-​istress, imma dan pjuttost żdiedli.

Kif ġejtu effettwati?

Wayne: Irrealizzajna li l-​affarijiet li konna qed nistinkaw biex nakkwistaw—ħwejjeġ sbieħ, dar akbar, u vaganzi li jiswew iktar flus—ma kinux qed iġibulna ferħ. Ħassejtni eżawrit emozzjonalment u ma kelli ħeġġa taʼ xejn.

Marie: Saħħti u r-​relazzjoni tagħna marru minn taħt. Konna qed nilletikaw spiss.

Kif issimplifikajtu ħajjitkom?

Wayne: Eżaminajna l-​miri u l-​istil taʼ ħajja tagħna u naqqasna l-​ispejjeż tan-​negozju tagħna. Iddeċidejna li jien nieqaf nuża l-​uffiċċju modern li kont qed nikri. Biddilt il-​karozza għal waħda iktar modesta. Ukoll, irranġajt biex in-​negozju nkun nistaʼ nieħu ħsiebu waħdi mingħajr ma jkolli għalfejn nimpjega n-​nies u żammejt lura milli nkabbar in-​negozju. Minbarra dan, naqqasna l-​ispejjeż tagħna u pprovajna ma nidħlux fi spejjeż żejda.

Marie: Li nissimplifika ħajti kien iktar faċli milli ħsibt. Ma bqajniex nieklu barra daqskemm konna qabel u minflok bdejna nieklu d-​dar. Bdejna noħorġu nimxu, u s-​saħħa tagħna marret għall-​aħjar. Maż-​żmien, bdejna naħdmu part-​time biss u nagħmlu xogħol volontarju.

X’kien ir-​riżultat?

Marie: Il-​ħajja tagħna m’għadhiex iffokata fuq li nagħmlu l-​flus. Issa qed niffokaw fuq affarijiet iktar importanti, u r-​relazzjoni tagħna saret ħafna aħjar.

Wayne: Il-​ħajja saret iktar faċli, u l-​ferħ tagħna żdied.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja