LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 11/14 pp. 4-7
  • Sigrieti għal ħajja ferħana

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sigrieti għal ħajja ferħana
  • Stenbaħ!—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • 1. SIB IL-​KUNTENTIZZA
  • 2. EVITA L-​GĦIRA
  • 3. RAWWEM L-​IMĦABBA GĦAN-​NIES
  • 4. KUN FLESSIBBLI
  • Aħdem għall-Paċi billi Tiġġieled l-Għira
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Karatteristika li Tistaʼ Tivvelena lil Moħħna—L-Għira
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Tqabbel Int Lilek Innifsek m’Oħrajn?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Il-kuntentizza u l-ġenerożità
    Stenbaħ!—2018
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2014
g 11/14 pp. 4-7
Mara tħares lura lejn familja ferħana

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Sigrieti għal ħajja ferħana

“Inkun ferħan meta niżżewweġ u jkolli t-​tfal.”

“Inkun ferħan meta jkolli d-​dar tiegħi.”

“Inkun ferħan meta jkolli dak l-​impjieg.”

“Inkun ferħan meta . . . ”

QATT ħassejtek hekk? U meta lħaqt il-​mira tiegħek jew ksibt dik il-​ħaġa li xtaqt, domt ferħan? Jew beda jonqos dak il-​ferħ? Veru, li nilħqu ċerta mira jew li niksbu xi ħaġa li nkunu xtaqna jistaʼ jagħmilna ferħanin, imma dan it-​tip taʼ ferħ jistaʼ jkun temporanju. Il-​ferħ dejjiemi mhuwiex ibbażat biss fuq dak li nagħmlu jew dak li niksbu. Pjuttost, bħas-​saħħa fiżika tajba, il-​ferħ veru jiddependi fuq varjetà taʼ fatturi.

Kull wieħed minna hu uniku. Dak li jferraħ lilek mhux bilfors iferraħ lil ħaddieħor. Barra minn hekk, aħna u nikbru ninbidlu. Madankollu, l-​evidenza turi li ċerti affarijiet huma assoċjati iżjed b’mod konsistenti mal-​ferħ. Pereżempju, il-​ferħ ġenwin jixxebbah maʼ li ssib il-​kuntentizza, maʼ li tevita l-​għira, maʼ li trawwem l-​imħabba għal oħrajn, u maʼ li tkun flessibbli mentalment u emozzjonalment. Ejja naraw għala.

1. SIB IL-​KUNTENTIZZA

“Il-​flus huma protezzjoni,” qal raġel għaqli li osserva n-​natura umana. Imma kiteb ukoll: “Min iħobb il-​fidda ma jixbax bil-​fidda, u lanqas min iħobb l-​għana ma jixbaʼ bid-​dħul. Dan ukoll frugħa.” (Ekkleżjasti 5:10; 7:12) X’inhu l-​punt tiegħu? Filwaqt li għandu mnejn għandna bżonn il-​flus għall-​ħajja, għandna nevitaw ir-​regħba, għax din ma xxebbagħha b’xejn! Il-​kittieb, is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem, fil-​fatt esperimenta biex jara jekk il-​ġid u l-​ħajja lussuża jippromwovux ferħ veru. “Kulma xtaqu għajnejja ma ċħadthulhomx,” kiteb hu. “Lil qalbi ma ħallejtha nieqsa mill-​ebda tip taʼ pjaċir.”—Ekkleżjasti 1:13; 2:10.

Wara li stagħna, Salamun bena djar grandjużi, għamel ġonna u għadajjar tal-​ilma mill-​isbaħ, u kiseb ħafna qaddejja. Kulma xtaq kisbu. X’tgħallem? L-​esperiment tiegħu ġablu xi ftit tal-​ferħ imma dan kien għomru qasir. “Kollox kien frugħa,” osserva hu. “Ma kien hemm xejn taʼ vantaġġ.” Saħansitra wasal biex jobgħod il-​ħajja! (Ekkleżjasti 2:11, 17, 18) Iva, Salamun tgħallem li ħajja li fiha wieħed jikkuntenta lilu nnifsu fl-​aħħar mill-​aħħar tħalli lil dak li jkun iħossu vojt u u bla sodisfazzjon.a

Jaqblu studji moderni maʼ dan l-​għerf antik? F’artiklu pubblikat fir-​rivista Journal of Happiness Studies ġie nnotat li “wara li jkunu sodisfati l-​bżonnijiet taʼ dak li jkun, iżjed dħul finanzjarju ftit jagħmel biex itejjeb kemm wieħed ikun kuntent.” Tabilħaqq, instab li investiment żejjed fil-​konsum materjali jistaʼ jherri l-​ferħ, speċjalment meta jmorru minn taħt il-​valuri morali u spiritwali.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ħa jkun il-​mod kif tgħixu ħieles mill-​imħabba għall-​flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-​preżent.”—Ebrej 13:5.

2. EVITA L-​GĦIRA

Dizzjunarju jgħid li l-​għira hi “li tkun muġugħ jew li tinkedd meta tirrealizza li ħaddieħor igawdi vantaġġ fuqek, flimkien max-​xewqa li jkollok l-​istess vantaġġ int.” Bħal kankru, l-​għira tistaʼ tirkeb lil dak li jkun u teqridlu l-​ferħ. L-​għira kif tistaʼ tinbet? Kif nistgħu nagħrfu din il-​karatteristika? U kif nistgħu niġġildulha?

L-​Encyclopedia of Social Psychology tgħid li n-​nies għandhom it-​tendenza li jgħiru għal oħrajn ugwali għalihom, forsi fl-​età, fl-​esperjenza, jew fl-​isfond soċjali. Pereżempju, bejjiegħ forsi ma jgħirx għal attur famuż. Imma jistaʼ jgħir għal bejjiegħ ieħor li għamel iżjed suċċess minnu.

Biex nagħtu eżempju: Ċerti uffiċjali għoljin fil-​Persja tal-​qedem m’għerux għas-​sultan, imma għal uffiċjal seħibhom li kien jilħaqlu, jismu Danjel. Nistgħu naraw kemm kellhom dwejjaq dawk l-​irġiel mill-​fatt li saħansitra kkonfoffaw biex joqtlu lil Danjel. Imma l-​konfoffa ma rnexxietx. (Danjel 6:1-​24) “Hu importanti li tagħraf li l-​għira ġġiegħlek tobgħod lil ħaddieħor,” tgħid l-​enċiklopedija li semmejna qabel. “Din il-​mibegħda tispjega għala l-​għira hi assoċjata maʼ tant każijiet taʼ aggressjoni fil-​passat.”b

L-għira tistaʼ tivvelena l-kapaċità li għandha persuna biex tgawdi l-affarijiet tajbin fil-ħajja

Kif tistaʼ tagħraf l-​għira? Staqsi lilek innifsek: ‘Is-​suċċessi li jkollu xi ħadd tampari jferrħuni jew jinkwetawni? Jekk ħija jew oħti, sieħbi tal-​iskola li jkun bravu jew sieħbi tax-​xogħol b’xi mod jiżgarra, jiddispjaċini għalih jew nifraħ?’ Jekk twieġeb “jinkwetawni” u “nifraħ,” jistaʼ jkun li l-​għira tkun qed tinbet ġo fik. (Ġenesi 26:12-​14) “L-​għira,” tgħid l-​Encyclopedia of Social Psychology, “tistaʼ tivvelena l-​kapaċità li għandha persuna biex tgawdi l-​affarijiet tajbin fil-​ħajja u telimina sentimenti taʼ gratitudni għal ħafna mill-​għotjiet tal-​ħajja. . . . Tendenzi bħal dawn ma tantx se jġibu ferħ.”

Niġġieldu kontra l-​għira billi nrawmu l-​umiltà u l-​modestja ġenwina, u dan jgħinna napprezzaw u ngħożżu l-​abbiltajiet u l-​kwalitajiet tajbin t’oħrajn. “Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija,” tgħid il-​Bibbja, ‘imma b’umiltà qisu lill-​oħrajn superjuri għalikom.’—Filippin 2:3.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ħa ma nintefħux bina nfusna, għax b’hekk inqanqlu l-​kompetizzjoni bejnietna, u ngħiru għal xulxin.”—Galatin 5:26.

3. RAWWEM L-​IMĦABBA GĦAN-​NIES

“Is-​sentimenti tan-​nies dwar ir-​relazzjonijiet tagħhom għandhom impatt ikbar fuq is-​sodisfazzjon inġenerali li jkollhom fil-​ħajja milli għandhom l-​impjieg, id-​dħul finanzjarju, il-​komunità, jew anke s-​saħħa fiżika,” jgħid il-​ktieb Social Psychology. Fi kliem ieħor, sabiex ikunu veru ferħanin, il-​bnedmin iridu jagħtu u jirċievu l-​imħabba. “Kieku . . .  “m’għandix imħabba, ma jien xejn,” qal kittieb Bibliku.—1 Korintin 13:2.

Qatt mhu tard wisq biex trawwem l-​imħabba. Pereżempju, missier Vanessa kien vjolenti u sakranazz. Meta kellha 14-​il sena, ħarbet mid-​dar u għexet maʼ familji li jieħdu ħsieb it-​tfal t’oħrajn u qagħdet fi stabbiliment xejn sabiħ li jipprovdi ikel u kenn. Hawn tiftakarha titlob bil-​qalb lil Alla għall-​għajnuna. Imbagħad, forsi bi tweġiba għat-​talb tagħha, tpoġġiet maʼ familja li għexu fi qbil mal-​prinċipju Bibliku li “l-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba.” (1 Korintin 13:4) Dak l-​ambjent, flimkien maʼ dak li kienet qed titgħallem mill-​istudju tagħha stess tal-​Bibbja, għen lil Vanessa tfiq emozzjonalment u tagħmel progress mentalment. Hi qalet li r-​riżultati tal-​iskola tjiebu ġmielhom.

Vanessa għad għandha feriti emozzjonali. Minkejja dan, issa hi kuntenta fiż-​żwieġ u omm taʼ żewġt ibniet.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kolossin 3:14.

4. KUN FLESSIBBLI

Min għandu ħajja bla problemi? Bħalma tgħid il-​Bibbja, hemm “żmien li tibki” u “żmien li tolfoq.” (Ekkleżjasti 3:4) Li tkun flessibbli jgħinek tkampa fi żminijiet bħal dawn—biex iżżomm attitudni pożittiva minkejja l-​problemi. Ikkunsidra lil Carol u lil Mildred.

Carol għandha marda fis-​sinsla li dejjem tmur għall-​agħar, id-​dijabete, tbati mill-​waqfien tan-​nifs fl-​irqad (sleep apnea) u minn marda tal-​għajnejn li tellfitilha d-​dawl minn għajnha x-​xellugija. Madankollu hi tgħid: “Nipprova ma nsewwidx qalbi fit-​tul. Inħalli lili nnifsi nitħassar lili nnifsi. Imma mbagħad nieqaf naħseb dwari stess u nirringrazzja lil Alla għal dak li għadni nistaʼ nagħmel, speċjalment għal ħaddieħor.”

Mildred ukoll għandha ħafna mard, inkluż l-​artrite, il-​kanċer tas-​sider, u d-​dijabete. Imma bħal Carol, tipprova ma tiffokax fuq il-​problemi tagħha. “Tgħallimt inħobb lin-​nies u nfarraġhom meta jkunu morda, u dan jgħin lili wkoll,” tikteb hi. “Infatti, insib li meta nfarraġ lil oħrajn ma nkunx qed ninkwieta għalija nnifsi.”

Carol u Mildred jaqsmu aħbar tajba mill-Bibbja maʼ xi ħadd għaddej minn ġnien

Carol u Mildred isibu l-ferħ f’li jfarrġu lil oħrajn

Għalkemm dawn iż-​żewġ nisa huma interessati f’li jkollhom kura medika tajba, huma jiffokaw fuq l-​attitudni tagħhom u fuq kif jistgħu jużaw ħinhom u mhux fuq is-​saħħa fiżika tagħhom. B’hekk, għandhom paċi ġewwinija li ħadd ma jistaʼ jiħdilhom. Iżjed minn hekk, huma maħbubin ħafna minn oħrajn u huma taʼ ispirazzjoni għal nies li jkunu għaddejjin minn provi differenti.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Hieni l-​bniedem li jibqaʼ jissaporti l-​provi, għaliex meta jiġi approvat jirċievi l-​kuruna tal-​ħajja.”—Ġakbu 1:12.

Meta jiġi applikat, l-​għerf tal-​Bibbja jkun “siġra tal-​ħajja għal dawk li jaqbdu miegħu, u dawk li jibqgħu jżommuh sod jissejħu henjin.” (Proverbji 3:13-​18) Għaliex ma tiskoprix dan għalik innifsek billi tuża l-​għerf misjub fil-​Bibbja? Wara kollox, l-​Awtur taʼ dan il-​ktieb sagru, li hu msejjaħ ukoll “l-​Alla l-​hieni,” irid li int ukoll tkun hieni.—1 Timotju 1:11.

a Ir-​rakkont tal-​esperiment taʼ Salamun jinstab f’​Ekkleżjasti 2:1-​11. Tistaʼ taqra l-​Bibbja

b Każ fl-​istorja li jispikka jinvolvi lil Ġesù Kristu. Marku 15:10 jgħid li “kien minħabba l-​għira li l-​qassisin ewlenin” taw lil Ġesù għall-​mewt.

Ħa jkollok ħarsa pożittiva dwar l-​iżbalji

Meta nies li huma flessibbli jiżbaljaw, ma jċanfrux lilhom infushom bi kliem li jaqtgħalhom qalbhom, bħal pereżempju “m’jien kapaċi għal xejn” jew “ma niswa għal xejn.” Il-​Bibbja tgħid: “Spirtu mdejjaq inixxef l-​għadam.” (Proverbji 17:22) Il-​ktieb The Power of Resilience jgħid li jekk trid li jkollok ħajja flessibbli, “trid tagħraf li l-​iżbalji u l-​fallimenti huma xi ħaġa naturali . . . L-​għażla tiegħek hi l-​manjiera taʼ kif tirreaġixxi għal dawn il-​ġrajjiet.”

“Uru li intom grati”

Dan il-parir li jinsab f’Kolossin 3:15 hu wieħed għaqli! L-istudji juru li meta naħsbu fuq aspetti pożittivi f’ħajjitna u nuru l-apprezzament għall-qalb tajba murija lilna, dan jistaʼ jrawwem fina sens ogħla taʼ li nħossuna tajbin.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja