Tqabbel Int Lilek Innifsek m’Oħrajn?
MIN minna qatt ma ltaqaʼ maʼ xi ħadd li kien isbaħ, iktar popolari, jifhem l-affarijiet iktar malajr, u fl-iskola jġib marki aħjar? Forsi xi wħud għandhom saħħa aħjar jew xogħol iktar sodisfaċenti, jidhru li għandhom iktar suċċess, jew jidhru li għandhom iktar ħbieb. Forsi għandhom iktar affarijiet, iktar flus, karozza ġdida, jew forsi sempliċement jidhru li huma iktar ferħanin. Meta ninnotaw dawn l-affarijiet, noqogħdu aħna nqabblu lilna nfusna m’oħrajn? Tistaʼ tevita li tagħmel paraguni? Kristjan għala għandu jkun irid jevita li jagħmilhom? U kif nistgħu nkunu kuntenti mingħajr ma nqabblu lilna nfusna maʼ ħaddieħor?
Għala u Meta Għandna Mnejn Inqabblu
Raġuni waħda għala n-nies iqabblu lilhom infushom m’oħrajn hi biex iżommu l-istima tagħhom infushom jew iżiduha. In-nies ħafna drabi jħossuhom sodisfatti meta jirrealizzaw li għandhom suċċess daqs sħabhom. Idea oħra hi li aħna nagħmlu paraguni biex innaqqsu l-insikurezza li nħossu fina nfusna, biex nitgħallmu x’aħna kapaċi nwettqu, u x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħna. Aħna nosservaw dak li oħrajn irnexxielhom jagħmlu. Jekk huma bħalna f’ħafna aspetti u rnexxielhom jilħqu ċerti miri, għandna mnejn inħossu li aħna nistgħu nilħqu miri simili.
Il-paraguni ħafna drabi jsiru bejn uħud li huma simili taʼ xulxin—dawk li huma taʼ l-istess sess, li huma taʼ mpar xulxin, u li huma fl-istess livell soċjali u li jafu lil xulxin. X’aktarx li se jkun inqas probabbli li nqabblu lilna nfusna maʼ xi ħadd li hu differenti ħafna minna. Biex nispjegaw dan b’mod iktar sempliċi, huwa iktar probabbli li tfajla komuni tqabbel lilha nfisha maʼ sħabha l-istudenti milli maʼ xi mudella magħrufa, u l-mudella mhix se tqabbel lilha nfisha maż-żagħżugħa.
F’liema aspetti nagħmlu paraguni? Kwalunkwe ħaġa jew kwalità li l-komunità tqisha taʼ valur—kemm jekk tkun l-intelliġenza, is-sbuħija, l-għana, l-ilbies—tistaʼ tkun ir-raġuni għala nagħmlu paraguni. Madankollu, aħna għandna t-tendenza li nipparagunaw affarijiet li jinteressawna. Per eżempju, wisq probabbli mhux se ngħiru għal kemm hi kbira l-kollezzjoni tal-bolol taʼ xi ħadd jekk ma tkunx tinteressana.
Il-paraguni jqanqlu diversi reazzjonijiet li jistgħu jvarjaw minn kuntentizza għal dipressjoni, minn ammirazzjoni u xewqa li timita lil dak li jkun għal li wieħed iħossu skomdu u jħoss ċerta ostilità. Xi wħud minn dawn is-sentimenti huma taʼ ħsara, u ma jaqblux mal-kwalitajiet Kristjani.
Paraguni Kompetittivi
Ħafna li jissieltu biex ikunu “r-rebbieħa” meta jipparagunaw juru spirtu taʼ kompetizzjoni. Iridu jkunu aħjar minn ħaddieħor, u ma jkunux kuntenti sakemm iħossu li huma aħjar. Ma tantx hi ħaġa sabiħa li tkun fil-kumpanija taʼ xi ħadd bħal dan. Ħbiberija jew relazzjoni maʼ xi ħadd hekk tkun mimlija tensjoni. Uħud bħal dawn mhux biss huma neqsin mill-umiltà imma wkoll ħafna drabi jonqsu li japplikaw il-parir tal-Bibbja biex iħobbu lil ħaddieħor, ladarba l-attitudni tagħhom malajr tistaʼ ġġiegħel lil ħaddieħor iħossu inferjuri u umiljat.—Mattew 18:1-5; Ġwanni 13:34, 35.
Il-fatt li ġġiegħel lil dak li jkun iħossu bħala “t-tellief” sa ċertu punt iweġġaʼ lil dak li jkun. Skond wieħed kittieb, in-nuqqasijiet tagħna jistgħu jweġġgħuna l-iktar meta xi ħadd li hu fl-istess pożizzjoni tagħna jidher li wettaq dak li nkunu xtaqna nwettqu aħna. Għalhekk, spirtu kompetittiv iqanqal l-għira, l-istmerrija, u jġiegħel lil dak li jkun ma jiħux gost b’xi ħadd minħabba li jkollu ċerti affarijiet, prosperità, pożizzjoni, reputazzjoni, vantaġġi, eċċetra. Dan iwassal għal iktar kompetizzjoni—ċiklu li ma jieqaf qatt. Il-Bibbja tikkundanna l-fatt li “nqanqlu l-kompetizzjoni bejnietna.”—Galatin 5:26.
Uħud li jgħiru għal oħrajn jipprovaw ma jitilfux ir-rispett tagħhom infushom billi jċekknu dak li r-rivali jkunu rnexxielhom iwettqu. Reazzjonijiet bħal dawn jistgħu jidhru li m’huma xejn imma jekk ma nirrikonoxxuhomx u ma nagħmlu xejn dwarhom, dawn jistgħu jwasslu għal imġiba intenzjonata li tagħmel il-ħsara. Ikkunsidra żewġ rakkonti Bibliċi li fihom kien hemm l-għira involuta.
Waqt li kien qed jgħix qalb il-Filistin, Iżakk ġie mbierek b’ħafna “mrieħel tan-nagħaġ u mrieħel tal-baqar u ħafna qaddejja. Għalhekk il-Filistin bdew jgħiru għalih.” Huma rreaġixxew għal dan billi għalqu l-bjar li kien fetaħ Abraham, missier Iżakk, u s-sultan talab lil Iżakk biex jitlaq minn dik l-akkwata. (Ġenesi 26:1-3, 12-16) L-għira tagħhom kienet mimlija mibegħda u wasslet għall-ħsara. Ma setgħux iġerrgħu iktar il-fatt li Iżakk kien qed igawdi l-għana fosthom.
Sekli wara, David spikka fil-battalji. Ir-rebħiet tiegħu ġew ċelebrati min-nisa taʼ Iżrael, li għannew: “L-eluf tiegħu qatel Sawl; u David l-għaxriet taʼ l-eluf tiegħu.” Għalkemm kien qed jiġi mfaħħar xi ftit, Sawl ikkunsidra dan il-paragun bħala umiljanti, u nibtet l-għira f’qalbu. Minn dakinhar ’il quddiem, hu beda jobogħdu lil David. Malajr għamel l-ewwel mis-serje t’attentati biex joqtol lil David. Kemm tistaʼ tirriżulta ħsara meta tinbet l-għira!—1 Samwel 18:6-11.
Mela jekk meta nqabblu lilna nfusna m’oħrajn—dak li rnexxielhom iwettqu jew il-vantaġġi li għandhom—niżviluppaw sentimenti simili għall-għira u l-kompetizzjoni, irridu noqogħdu attenti! Dawn huma sentimenti negattivi u ma jaqblux mal-ħsieb t’Alla. Imma qabel ma neżaminaw kif nistgħu nirreżistu attitudnijiet bħal dawn, ejja nikkunsidraw xi ħaġa oħra li ġġagħalna nipparagunaw.
Eżami Persunali u Kuntentizza Bina Nfusna
‘Tgħid jien intelliġenti, attraenti, kapaċi, b’saħħti, t’awtorità, u maħbub? U jekk inhu hekk, kemm?’ Aħna rari noqogħdu quddiem mera u nistaqsu mistoqsijiet bħal dawn. Madankollu, skond ma qalet waħda skrittriċi, spiss mistoqsijiet bħal dawn jgħaddu minn moħħna fis-skiet u fis-skiet nieħdu tweġibiet li jkunu kemxejn sodisfaċenti. Individwu li ma jkunx ċert x’kapaċi jagħmel għandu mnejn joqgħod jirrifletti fuq dawn l-affarijiet mingħajr ma jikkompeti jew jgħir. Hu sempliċement ikun qed jeżamina lilu nnifsu. M’hemm xejn ħażin b’daqshekk. Imma l-aħjar mod biex nagħmlu dan hu billi ma noqogħdux inqabblu lilna nfusna m’oħrajn.
Ilkoll għandna abbiltajiet differenti, u dan jiddependi minn ħafna fatturi. Dejjem se jkun hemm uħud li jidhru li huma aħjar minna. Għalhekk, mingħajr ma noqogħdu nosservawhom b’għira, irridu nqabblu dak li nagħmlu mal-livelli ġusti t’Alla, li jipprovdu gwida tajba taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. Ġeħova hu interessat f’dak li aħna bħala individwi. Hu m’għandux għalfejn joqgħod iqabbilna maʼ xi ħadd. L-appostlu Pawlu jwissina: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”—Galatin 6:4.
Niġġieldu l-Għira
Minħabba li l-bnedmin kollha huma imperfetti, hemm bżonn taʼ sforzi kbar u fit-tul sabiex inkunu nistgħu niġġieldu l-għira. Hija ħaġa li tkun taf li l-Bibbja tgħidilna: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin,” imma hija ħaġa oħra li tapplikaha. Pawlu rrikonoxxa t-tendenza li kellu hu nnifsu biex jagħmel dak li hu ħażin. Sabiex ikun jistaʼ jiġġildilha, hu ‘sawwat lil ġismu u jassru.’ (Rumani 12:10; 1 Korintin 9:27) Għalina, dan għandu mnejn ifisser li rridu nirreżistu l-ħsibijiet kompetittivi, u minflok infittxu li jkollna ħsibijiet pożittivi. Għandna bżonn nitolbu, u nistaqsu lil Ġeħova biex jgħinna ħalli ‘ma naħsbux li aħna xi ħaġa iktar milli hu xieraq.’—Rumani 12:3.
L-istudju tal-Bibbja u l-meditazzjoni se jgħinuna wkoll. Per eżempju, aħseb ftit fuq il-Ġenna futura li wegħedna Alla. Dakinhar ilkoll kemm aħna se jkollna paċi, saħħa tajba, ħafna ikel, djar komdi, u xogħol sodisfaċenti. (Salm 46:8, 9; 72:7, 8, 16; Isaija 65:21-23) Se jkun hemm xi ħadd li se jkun irid jikkompeti? Probabbilment li le. M’hu se jkun hemm ebda raġuni biex nagħmlu dan. Veru, Ġeħova ma taniex kull dettall taʼ kif se tkun il-ħajja f’dak iż-żmien, imma nistgħu nissopponu b’mod raġunevoli li lkoll kemm aħna se nkunu nistgħu niżviluppaw xi interess jew talent partikulari li jogħġobna. Xi ħadd għandu mnejn jistudja l-astronomija, waqt li ħaddieħor għandu mnejn jiddisinja xi biċċa drapp sabiħa. Għala għandhom jgħiru għal xulxin? L-attivitajiet taʼ sħabna għandhom iqanqluna nagħmlu iktar affarijiet u mhux iġagħluna nħossu xi tip taʼ stmerrija. Sentimenti bħal dawn se jkunu xi ħaġa tal-passat.
Jekk din hi l-ħajja li nixtiequ, m’għandniex aħna nistinkaw biex nikkultivaw attitudni bħal din minn issa? Diġà qed ingawdu ġenna spiritwali, ħielsa minn ħafna problemi li tiffaċċja d-dinja taʼ madwarna. Ladarba m’hux se jkun hemm spirtu kompetittiv fid-dinja l-ġdida t’Alla, mela għandna kull raġuni biex nibdew nevitawh minn issa.
Allura huwa ħażin li nqabblu lilna nfusna m’oħrajn? Jew inkella hemm xi drabi fejn dan jistaʼ jkun xieraq?
Paraguni Xierqa
Ħafna paraguni wasslu għal reazzjonijiet taʼ mrar u dipressjoni, imma dan m’għandux għalfejn dejjem ikun il-każ. Fi qbil maʼ dan, innota l-parir li ta l-appostlu Pawlu: “[Imitaw] lil dawk li bil-fidi u l-paċenzja jirtu l-wegħdi.” (Ebrej 6:12) Il-fatt li nistinkaw biex nimitaw il-kwalitajiet li wrew il-qaddejja leali taʼ Ġeħova tal-passat jistaʼ jkun t’għajnuna. M’għandniex xi ngħidu, dan jistaʼ jinvolvi xi paraguni. Madankollu, dawn jistgħu jgħinuna naraw x’eżempji nistgħu nammiraw u nimitaw u fejn nistgħu nitjiebu.
Ikkunsidra lil Ġonatan. Sa ċertu punt, hu kellu kull raġun biex jgħir. Bħala t-tifel il-kbir tas-Sultan Sawl taʼ Iżrael, Ġonatan setaʼ beda jistenna li xi darba se jsir sultan, imma Ġeħova għażel raġel madwar 30 sena iżgħar minnu, iż-żagħżugħ David. Minflok ma żamm f’qalbu kontrih, Ġonatan kien differenti għax sar ħabib taʼ David u ma wera ebda egoiżmu imma appoġġah bħala s-sultan-nominat taʼ Ġeħova. Ġonatan kien tassew raġel spiritwali. (1 Samwel 19:1-4) Kuntrarju għal missieru, Ġonatan ma qiesx lil David bħala rival imma minflok irrikonoxxa li Ġeħova kien qed imexxi l-affarijiet u ssottometta ruħu għar-rieda Tiegħu, u ma qagħadx iqabbel lilu nnifsu maʼ David u jgħid, “Għala David u mhux jien?”
Fost sħabna l-Kristjani, qatt m’għandna nħossuna mheddin, bħallikieku xi ħadd qed jipprova jirbħilna jew jiħdilna postna. Ir-rivalità mhix xierqa. Il-Kristjani maturi huma karatterizzati mill-kooperazzjoni, l-unità, u l-imħabba, u mhux mill-kompetizzjoni. “L-imħabba hi l-akbar għadu taʼ l-għira,” jgħid is-soċjologu Francesco Alberoni. “Jekk inħobbu lil xi ħadd, aħna rridulu dak li hu taʼ ġid għalih, u nkunu ferħanin meta jkollu suċċess u jkun ferħan.” Mela jekk xi ħadd fil-kongregazzjoni Kristjana jintgħażel għal xi privileġġ, l-imħabba titlob li tkun kuntent b’dan. Ġonatan hekk kien. Jekk nappoġġaw lil dawk li qed jaqdu lealment f’xi pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, aħna se niġu mberkin bħalma ġie mbierek Ġonatan.
L-eżempju mill-aqwa taʼ sħabna l-Kristjani jistaʼ jiġi ammirat b’mod xieraq. Jekk inqabblu lilna nfusna magħhom b’mod bilanċjat nistgħu niġu mħajrin nimitaw il-fidi tagħhom b’mod għaqli. (Ebrej 13:7) Imma jekk ma noqogħdux attenti, l-ammirazzjoni tistaʼ tinbidel f’kompetizzjoni. Jekk inħossu li l-individwu li nammiraw sejjer aħjar minna u nipprovaw inċekknuh jew nikkritikawh, imbagħad minflok ma nammiraw lil dak li jkun, nibdew ngħiru għalih.
Ebda bniedem imperfett ma jistaʼ jkun l-eżempju ideali. Għalhekk, l-Iskrittura tgħid: “Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin.” Ukoll, “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.” (Efesin 5:1, 2; 1 Pietru 2:21) Il-kwalitajiet li għandna nistinkaw biex nimitaw huma l-attributi taʼ Ġeħova u Ġesù—l-imħabba, l-affezzjoni, l-empatija, u l-umiltà. Għandna nieħdu l-ħin biex inqabblu lilna nfusna mal-kwalitajiet tagħhom, l-iskopijiet li għandhom, u l-mod kif jaġixxu huma. Paraguni bħal dawn jistgħu jtejbulna ħajjitna, billi jipprovdu direzzjoni tajba, stabbiltà, u sigurtà, u jistgħu jgħinuna nimmaturaw bħala rġiel u nisa Kristjani. (Efesin 4:13) Jekk nikkonċentraw fuq li nagħmlu ħilitna biex nimitaw l-eżempju perfett tagħhom, żgur li se nkunu inqas inklinati li nqabblu lilna nfusna maʼ sħabna l-bnedmin.
[Stampa f’paġna 29]
Is-Sultan Sawl għer għal David
[Stampa f’paġna 31]
Ġonatan qatt ma qies lil David, li kien iżgħar minnu, bħala rival