LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g16 Nru. 6 pp. 10-11
  • Desiderius Erasmus

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Desiderius Erasmus
  • Stenbaħ!—2016
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • STUDJU U TWEMMIN
  • IT-​TEST GRIEG TAT-​TESTMENT IL-​ĠDID
  • Il-Poliglotta Komplutensjana—Għodda Storika taʼ Traduzzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Il-Bibbja—Min Jgħożżha u Min Jikkundannaha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Werrej
    Stenbaħ!—2016
  • Wessel Gansfort—“Riformatur taʼ Qabel ir-Riforma”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Stenbaħ!—2016
g16 Nru. 6 pp. 10-11

TITWILA LEJN IL-PASSAT

Desiderius Erasmus

Desiderius Erasmus

FI ŻMIENU, Desiderius Erasmus (ċ. 1469-​1536) għall-​ewwel kien imfaħħar bħala l-​iktar studjuż brillanti tal-​Ewropa, u mbagħad ġie deskritt bħala beżżiegħ jew bħala wieħed li jgħid l-​ereżiji. Għalkemm mingħajr ma ried kien ġie involut f’dibattiti reliġjużi jaħarqu, hu ssogra jikxef in-​nuqqasijiet u l-​abbużi li kien hemm fil-​Kattoliċiżmu kif ukoll fost dawk li kienu se jkunu riformisti. Illum, hu rikonoxxut bħala li kien minn taʼ quddiem f’li jbiddel ir-​reliġjon fl-​Ewropa. Kif għamel dan?

STUDJU U TWEMMIN

Erasmus kien jaf sew il-​Grieg u l-​Latin. B’hekk, hu setaʼ jqabbel it-​traduzzjonijiet tal-​Bibbja bil-​Latin, bħall-​Vulgata Latina, mal-​manuskritti Griegi tal-​bidu tal-​Iskrittura Griega Kristjana, li hi magħrufa bħala t-​Testment il-​Ġdid. Hu sar konvint li l-​għarfien tal-​Bibbja kien vitali. Minħabba f’hekk, hu saħaq li l-​Iskrittura Mqaddsa għandha tiġi tradotta f’lingwi oħra li kienu komuni fi żmienu.

Erasmus ippromwova riforma interna fil-​Knisja Kattolika għax hu kien jemmen li l-​Kristjanità għandha tkun mod taʼ ħajja, u mhux sempliċement li wieħed jieħu sehem f’ċerimonji bla sens. Minħabba f’hekk, meta r-​riformaturi bdew jipprotestaw u riedu b’saħħa bidla fil-​Knisja taʼ Ruma, il-​Knisja bdiet tissuspetta fih.

Erasmus issogra jikxef in-​nuqqasijiet u l-​abbużi li kien hemm fil-​Kattoliċiżmu u fost ir-​riformisti

Fil-​kitbiet tiegħu, Erasmus b’mod sarkastiku kixef l-​abbużi tal-​kleru, il-​ħajja lussuża tagħhom, u l-​ambizzjoni tal-​papiet li kienu japprovaw il-​gwerer. Hu assolutament ma kienx jaqbel mal-​membri korrotti tal-​kleru li kienu jappoġġjaw id-​drawwiet tal-​knisja biex jieħdu vantaġġ mill-​kredenti. Drawwiet minnhom kienu l-​qrar, il-​qima tal-​qaddisin, is-​sawm, u l-​pellegrinaġġi. Hu wkoll ma kienx jaqbel maʼ prattiki tal-​knisja, bħall-​bejgħ tal-​indulġenzi u ċ-​ċelibat sforzat.

IT-​TEST GRIEG TAT-​TESTMENT IL-​ĠDID

Fl-​1516, Erasmus ippubblika l-​ewwel edizzjoni tat-​Testment il-​Ġdid bil-​Grieg—l-​ewwel kopja stampata tal-​Iskrittura Griega Kristjana li qatt ġiet ippubblikata. Ix-​xogħol taʼ Erasmus kien jinkludi noti kif ukoll it-​traduzzjoni tiegħu stess tal-​Iskrittura Griega Kristjana bil-​Latin, u din kienet differenti mill-​Vulgata. Wara xi żmien, hu kompla jirrivedi l-​verżjoni tiegħu, u dan wassal biex din it-​traduzzjoni tkun saħansitra iktar differenti mit-​test tal-​Vulgata Latina.

It-Testment il-Ġdid bil-Grieg taʼ Erasmus

It-Testment il-Ġdid bil-Grieg taʼ Erasmus

Waħda mid-​differenzi kienet fl-​1 Ġwanni 5:7. Biex jiġi appoġġjat it-​tagħlim mhux Skritturali tat-​Trinità, fil-​Vulgata ġie miżjud xi kliem mhux ġenwin magħruf bħala comma Johanneum. Dan il-​kliem hu: “Fis-​sema, il-​Missier, il-​Kelma, u l-​Ispirtu s-​Santu: u dawn it-​tlieta huma wieħed.” Madankollu, Erasmus ma inkludiex dan il-​kliem fl-​ewwel żewġ edizzjonijiet tiegħu tat-​Testment il-​Ġdid għax ma kien fl-​ebda manuskritt Grieg li fittex fih. Iżda iktar tard, kellu pressjoni mill-​knisja biex jinkludi dan il-​kliem fit-​tielet edizzjoni tiegħu.

Edizzjonijiet aħjar tat-​Testment il-​Ġdid bil-​Grieg taʼ Erasmus kienu l-​bażi għal traduzzjonijiet aħjar bil-​lingwi Ewropej. Martin Luther, William Tyndale, Antonio Brucioli, u Francisco de Enzinas użaw l-​edizzjonijiet tiegħu biex jittraduċu l-​Iskrittura Griega bil-​Ġermaniż, l-​Ingliż, it-​Taljan, u l-​Ispanjol rispettivament.

Erasmus għex fi żmien taʼ taqlib reliġjuż sinifikanti, u t-​Testment il-​Ġdid bil-​Grieg tiegħu kien ikkunsidrat bħala għodda imprezzabbli mir-​Riformaturi Protestanti. Xi wħud kienu jqisu lil Erasmus bħala riformatur, sakemm fil-​fatt bdiet ir-​Riformazzjoni. Imbagħad hu rrifjuta li jżomm maʼ naħa jew oħra fid-​dibattiti teoloġiċi li ġew wara. Taʼ interess, iktar minn 100 sena ilu, l-​istudjuż David Schaff kiteb li Erasmus “miet waħdu, mingħajr ma kien imsieħeb maʼ ħadd. Il-​Kattoliċi ma stqarrewx li kien wieħed minnhom; il-​Protestanti ma setgħux.”

FATTI FIL-​QOSOR

  • Fl-​1516, Erasmus ippubblika t-​Testment il-​Ġdid bil-​Grieg. Kien fih żewġ kolonni, kolonna minnhom kien hemm it-​test Grieg u fil-​kolonna l-​oħra kien hemm it-​traduzzjoni tiegħu bil-​Latin flimkien maʼ noti dettaljati.

  • Fid-​daħla tat-​Testment il-​Ġdid tiegħu, Erasmus kiteb li assolutament ma kien jaqbel xejn maʼ dawk li ma ridux iħallu lin-​nies komuni jaqraw l-​Iskrittura Mqaddsa. Lanqas ma kien jaqbel maʼ dawk li ma ridux li l-​Iskrittura tiġi tradotta fil-​lingwi li kienu jitkellmu n-​nies komuni fi żmienu.

  • Il-​kotba tiegħu ġew maħruqa mill-​kritiċi f’xi pajjiżi fl-​Ewropa u għal bosta snin kienu inklużi fil-​lista taʼ kotba projbiti mill-​papiet f’Ruma.

Ċelebrità Internazzjonali

Erasmus kien studjuż magħruf mad-​dinja kollha. Hu għex u ħadem f’diversi pajjiżi Ewropej, fejn għamel ħbieb li kellhom poter fil-​palazzi rjali u l-​universitajiet. Studjużi minn ħafna pajjiżi kienu jieħdu pariri mingħandu. Il-​kitbiet tiegħu—li kienu jinqraw u jiġu apprezzati minn ħafna—għamluh famuż. Għal xi żmien, kull fejn kien imur kien jiġi milqugħ b’ħafna ċirimelli u kien imfaħħar minn prinċpijiet, isqfijiet, u studjużi. Kittieb modern iqabblu maʼ ċelebrità internazzjonali tal-​lum.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja