Il-Poliglotta Komplutensjana—Għodda Storika taʼ Traduzzjoni
MADWAR is-sena 1455, kien hemm bidla drammatika fl-ippubblikar tal-Bibbji. Johannes Gutenberg uża magna taʼ l-istampar biex jipproduċi l-ewwel Bibbja li qatt ġiet stampata b’tipi taċ-ċomb. Fl-aħħar, it-tqassim tal-Bibbja ma baqax jiġi mfixkel minħabba provvista limitata taʼ dokumenti miktubin bl-idejn. Finalment, il-Bibbji setgħu jiġu stampati fi kwantitajiet kbar u bi spiża relattivament żgħira. Il-Bibbja malajr saret l-iktar ktieb imqassam madwar id-dinja.
Il-Bibbja taʼ Gutenberg kienet bil-Latin. Imma xi studjużi Ewropej malajr irrealizzaw li kellhom bżonn test tal-Bibbja taʼ min joqgħod fuqu fil-lingwi oriġinali tagħha—l-Ebrajk u l-Grieg. Il-knisja Kattolika kkunsidrat il-Vulgata Latina bħala l-unika verżjoni aċċettabbli tal-Bibbja, però kien hemm żewġ ostakli kbar. Fis-seklu 16, il-biċċa l-kbira min-nies ma kinux jifhmu bil-Latin. Barra minn hekk, matul perijodu t’elf sena, fit-test tal-Vulgata kien żdied numru mhux ħażin taʼ żbalji minn dawk li kkopjawh.
Kemm it-tradutturi u kemm l-istudjużi kellhom bżonn Bibbja bil-lingwi oriġinali, flimkien maʼ traduzzjoni aħjar bil-Latin. Fis-sena 1502, il-kardinal Jiménez de Cisneros, li kien jagħti l-pariri politiċi u spiritwali lil Isabella I taʼ Spanja, iddeċieda li jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom permezz taʼ pubblikazzjoni waħda biss. Din l-għodda storika taʼ traduzzjoni saret magħrufa bħala l-Poliglotta Komplutensjana. Cisneros ried jipproduċi Poliglotta, jew Bibbja b’ħafna lingwi, li kien fiha l-aħjar test bl-Ebrajk, bil-Grieg u bil-Latin, flimkien maʼ xi porzjonijiet bl-Aramajk. L-istampar kien għadu fil-bidu tiegħu, għalhekk il-produzzjoni taʼ Bibbja Poliglotta kienet se tkun ukoll pass sinifikanti fl-iżvilupp taʼ l-istampar.
Cisneros beda din il-biċċa xogħol iebsa billi xtara manuskritti antiki bl-Ebrajk, li fi Spanja kien hemm ħafna minnhom. Hu ġabar ukoll diversi manuskritti bil-Grieg u bil-Latin. Dawn kellhom ikunu l-bażi għat-test taʼ din il-Bibbja Poliglotta. Cisneros fada x-xogħol tal-ġbir tal-manuskritti f’idejn grupp taʼ studjużi li hu kien organizza fl-Università l-ġdida taʼ Alcalá de Henares, fi Spanja. Fost l-istudjużi li hu stieden biex ikunu parti mill-grupp kien hemm Erasmus taʼ Rotterdam, imma dan il-lingwist famuż m’aċċettax l-istedina.
Dawn l-istudjużi damu għaxar snin biex jiġbru flimkien dan ix-xogħol kbir immens, u l-istampar ħa erbaʼ snin oħra. Kien hemm ħafna diffikultajiet tekniċi, ladarba l-magni taʼ l-istampar fi Spanja ma kellhomx it-tipi taċ-ċomb bl-alfabet Ebrajk, Grieg, jew Aramajk. Għalhekk, Cisneros impjega lil Arnaldo Guillermo Brocario, stampatur prim, biex jipprepara t-tipi sabiex dawn il-lingwi setgħu jiġu tajpjati. Fl-aħħar, l-istampaturi bdew jipproduċu l-Bibbji fl-1514. Is-sitt volumi tlestew fl-10 taʼ Lulju, 1517, erbaʼ xhur biss qabel il-mewt tal-kardinal. Ġew pubblikati mas-sitt mitt kopja tax-xogħol komplut, u ironikament, dan sar fl-istess żmien meta l-Inkwiżizzjoni Spanjola kienet fl-eqqel tagħha.a
It-Taqsim tal-Poliglotta
Kull paġna tal-Poliglotta kien fiha abbundanza taʼ informazzjoni. Fl-erbaʼ volumi li fihom l-Iskrittura Ebrajka, fin-nofs taʼ kull paġna kien hemm it-test tal-Vulgata; fil-kolonna taʼ barra kien hemm it-test Ebrajk; u fil-kolonna taʼ ġewwa kien hemm it-test Grieg flimkien maʼ traduzzjoni taħt kull linja (interlineari) bil-Latin. Fil-marġni kien hemm l-għerq taʼ ħafna mit-termini bl-Ebrajk. U fin-naħa taʼ isfel taʼ kull paġna li tikkorrispondi mal-Pentatewku, l-editturi inkludew ukoll it-Targum taʼ Onkelos (traduzzjoni bl-Aramajk bi kliem sempliċi taʼ l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja) flimkien maʼ traduzzjoni bil-Latin.
Il-ħames volum tal-Poliglotta kien fih lIskrittura Griega f’żewġ kolonni. Waħda kien fiha t-test Grieg, u l-oħra t-test ekwivalenti bil-Latin mill-Vulgata. Wieħed setaʼ jsib it-testi li jikkorrispondu fiż-żewġ lingwi permezz taʼ ittri żgħar li dderiġew lill-qarrej għall-kelma ekwivalenti f’kull kolonna. It-test Grieg tal-Poliglotta kien l-ewwel kollezzjoni sħiħa taʼ l-Iskrittura Griega, jew it-“Testment il-Ġdid,” li qatt ġiet stampata u li warajha eżatt saret l-edizzjoni li għamel Erasmus.
L-istudjużi tant qagħdu attenti fl-iċċekkjar tat-test tal-ħames volum, li kien hemm biss 50 żball fl-istampar. Minħabba li dawn l-istudjużi tant qagħdu attenti, xi kritiċi moderni taʼ llum iqisuha superjuri għat-test Grieg famuż taʼ Erasmus. L-ittri u n-numri eleganti bil-Grieg qablu mas-sbuħija sempliċi tal-manuskritti iktar qodma miktubin bl-idejn. Fil-ktieb tiegħu The Printing of Greek in the Fifteenth Century, R. Proctor jistqarr: “Lil Spanja jistħoqqilha l-unur talli pproduċiet, bħala l-ewwel tipa taʼ l-alfabet Grieg, dik li bla dubju hija l-aqwa tipa li qatt saret bil-Grieg.”
Is-sitt volum tal-Poliglotta kien fih diversi għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja: dizzjunarju bl-Ebrajk u bl-Aramajk, interpretazzjoni taʼ ismijiet bil-Grieg, bl-Ebrajk, u bl-Aramajk, spjegazzjoni tal-grammatika Ebrajka, u indiċi bil-Latin għad-dizzjunarju. Mela mhux taʼ b’xejn li l-Poliglotta Komplutensjana ġiet imfaħħra bħala “monument għall-arti tipografika u għax-xjenza Skritturali.”
Cisneros ried li dan ix-xogħol “jerġaʼ jqajjem l-interess biex in-nies jistudjaw l-Iskrittura,” però ma xtaqx li l-Bibbja tkun disponibbli għall-pubbliku in ġenerali. Hu ħaseb li “l-Kelma t’Alla kellha tkun imdawra b’misteri diskreti biex in-nies komuni ma jkunux jistgħu jifhmuha.” Hu kien jemmen ukoll li “l-Iskrittura kellha tkun biss bit-tliet lingwi antiki li Alla ppermetta li jintużaw biex tinkiteb l-iskrizzjoni fuq iz-zokk tat-tortura taʼ Ibnu.”b Għal din ir-raġuni, il-Poliglotta Komplutensjana ma kien fiha l-ebda traduzzjoni bl-Ispanjol.
Il-Vulgata Mqabbla mal-Lingwi Oriġinali
Il-mod kif inhi magħmula l-Poliglotta qajjem nuqqas taʼ qbil bejn l-istudjużi involuti. L-istudjuż Spanjol famuż Antonio de Nebrijac kien responsabbli mir-reviżjoni tat-test tal-Vulgata li kien se jidher fil-Bibbja Poliglotta. Għalkemm il-Knisja Kattolika kienet tikkunsidra l-Vulgata taʼ Ġirolmu bħala l-unika verżjoni awtorizzata, Nebrija ra l-bżonn li jqabbel il-Vulgata mat-testi oriġinali bl-Ebrajk, bl-Aramajk, u bil-Grieg. Hu ried jikkoreġi l-iżbalji ovvji li kienu daħlu fil-kopji li kienu jeżistu tal-Vulgata.
Biex jirranġaw kwalunkwe differenzi bejn il-Vulgata u l-lingwi oriġinali, Nebrija ħeġġeġ lil Cisneros: “Erġaʼ ixgħel iż-żewġ torċi mitfijin tar-reliġjon tagħna, il-lingwa Ebrajka u dik Griega. Ippremja lil dawk li jiddedikaw lilhom infushom għal dan l-inkarigu.” U hu ta wkoll dan is-suġġeriment: “Kull darba li tidher xi differenza fil-manuskritti Latini tat-Testment il-Ġdid, għandna nqabbluha mal-manuskritti Griegi. Kull darba li hemm nuqqas taʼ qbil bejn id-diversi manuskritti tat-Testment il-Qadim bil-Latin u bil-Grieg, aħna għandna nfittxu għall-eżattezza billi neżaminaw is-sors awtentiku bl-Ebrajk.”
Cisneros kif wieġeb għal dan il-parir? Fid-daħla tiegħu tal-Bibbja Poliglotta, Cisneros ma ħalla ebda dubju dwar l-opinjoni tiegħu. “Aħna poġġejna t-traduzzjoni bil-Latin taʼ Ġirolmu l-imbierek bejn dik tas-Sinagoga [it-test Ebrajk] u dik tal-Knisja taʼ l-Orjent [it-test Grieg], sewwasew bħalma ġew imdendlin il-ħallelin, wieħed fuq kull naħa taʼ Ġesù, li jirrappreżenta l-Knisja Rumana, jew Latina.” B’hekk, Cisneros ma ħalliex lil Nebrija jikkoreġi l-Vulgata Latina fi qbil mat-test tal-lingwi oriġinali. Nebrija spiċċa biex iddeċieda li jabbanduna l-proġett minflok ma jkollu ismu assoċjat maʼ reviżjoni mhix perfetta.
Comma Johanneum
Għalkemm il-Bibbja Poliglotta taʼ Alcalá de Henares tassew kienet pass kbir ’il quddiem biex jipproduċu test irfinut fil-lingwi oriġinali tal-Bibbja, it-tradizzjoni kultant ġiet preferuta mill-għarfien. Il-Vulgata tant kienet stmata li l-edituri ħassewhom obbligati f’diversi okkażjonijiet biex jirranġaw it-test Grieg tat-“Testment il-Ġdid” ħalli jkunu ċerti li kien jaqbel mal-Latin minflok bil-kontra. Wieħed minn dawn it-testi foloz famużi huwa magħruf bħala l-comma Johanneum.d Ebda wieħed mill-manuskritti bil-Grieg tal-bidu ma kien fih din il-frażi, li mid-dehra ddaħħlet diversi sekli wara li Ġwanni kiteb l-ittra tiegħu; lanqas ma dehret fl-eqdem manuskritti bil-Latin tal-Vulgata. Għalhekk, Erasmus elimina dan it-test miżjud fit-“Testment il-Ġdid” tiegħu bil-Grieg.
L-edituri tal-Poliglotta ma ridux ineħħu vers li kien ilu parti mit-test tradizzjonali tal-Vulgata għal sekli sħaħ. B’hekk, huma żammew it-test falz bil-Latin u ddeċidew li jittraduċuh u jdaħħluh fit-test Grieg sabiex iż-żewġ kolonni jkunu fi qbil.
Bażi għal Traduzzjonijiet Ġodda tal-Bibbja
Il-valur tal-Poliglotta Komplutensjana ma jiddependix biss fuq il-fatt li kien fiha l-ewwel edizzjoni stampata taʼ l-Iskrittura Griega kollha maʼ dik tas-Settanta. Sewwasew, bħalma t-“Testment il-Ġdid” bil-Grieg taʼ Erasmus sar it-Test Aċċettat taʼ l-Iskrittura Griega (il-bażi għal ħafna traduzzjonijiet b’lingwi oħra), it-test Ebrajk tal-Poliglotta pprovda test bażiku irfinut għall-Iskrittura Ebrajka u Aramajka.e William Tyndale uża din il-Poliglotta bħala t-test bażiku bl-Ebrajk għat-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja bl-Ingliż.
Għalhekk, ix-xogħol intellettwali li sar mill-grupp li pproduċa l-Poliglotta Komplutensjana kkontribwixxa ħafna għall-progress taʼ tagħlim Skritturali. Il-pubblikazzjoni tagħha ġiet fi żmien meta l-interess fil-Bibbja li kien qed jiżdied fl-Ewropa beda jinkuraġġixxi t-traduzzjoni tagħha fil-lingwa komuni tan-nies. Il-Poliglotta tat prova li hi pass ieħor f’serje taʼ passi li wasslu għall-irfinar u l-preservazzjoni tat-testi bil-Grieg u bl-Ebrajk. Dan kollu hu fi qbil maʼ l-iskop divin li l-kelma rfinuta taʼ Jehovah, ‘il-kelma tal-Mulej, se tibqaʼ għal dejjem.’—Salm 18:30; Isaija 40:8; 1 Pietru 1:25.
[Noti taʼ taħt]
a Sitt mitt kopja saru fuq il-karti, u sitt kopji fuq il-parċmini. Fl-1984 ġiet stampata edizzjoni limitata li kienet kopja eżatta taʼ l-oriġinal.
b Ebrajk, Grieg, u Latin.—Ġwanni 19:20.
c Nebrija hu kunsidrat bħala li hu minn taʼ quddiem fost l-umanisti Spanjoli (studjużi b’moħħhom miftuħ). Fl-1492 hu ppubblika l-ewwel Gramática castellana (Grammatika tal-Lingwa Kastiljana). Tliet snin wara hu ddeċieda li jiddedika l-kumplament taʼ ħajtu jistudja l-Iskrittura Mqaddsa.
d Din iż-żjieda falza li tinsab f’xi traduzzjonijiet tal-Bibbja fl-1 Ġwanni 5:7 tinqara “fis-smewwiet: il-Missier, il-Kelma u l-Ispirtu s-Santu: u dawn it-tlieta huma wieħed.”
e Għal rakkont dwar ix-xogħol taʼ Erasmus, ara The Watchtower, 15 taʼ Settembru, 1982, paġni 8-11.
[Stampa f’paġna 29]
Il-kardinal Jiménez de Cisneros
[Sors]
Biblioteca Histórica. Universidad Complutense de Madrid
[Stampa f’paġna 30]
Antonio de Nebrija
[Sors]
Biblioteca Histórica. Universidad Complutense de Madrid
[Sors tal-Istampa f’paġna 28]
Biblioteca Histórica. Universidad Complutense de Madrid