LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 8/15 pp. 9-13
  • Il-Bibbja Rjali Ġrajja Importanti fl-Istudju Akkademiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Bibbja Rjali Ġrajja Importanti fl-Istudju Akkademiku
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Wieħed li Kien Iħobb il-​Kelma t’Alla
  • It-​Tqassim tal-​Poliglotta
  • Attakki mill-​Għedewwa tal-​Kelma t’Alla
  • Għodda Utli għat-​Traduzzjonijiet tal-​Bibbja
  • Il-Poliglotta Komplutensjana—Għodda Storika taʼ Traduzzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Christophe Plantin—Pijunier fl-Istampar tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • X’Tiftakar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Il-Kelma t’Alla ssir magħrufa fi Spanja medjevali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 8/15 pp. 9-13

Il-​Bibbja Rjali Ġrajja Importanti fl-​Istudju Akkademiku

FIL-​BIDU tas-​seklu 16 telaq vapur minn Spanja lejn il-​peniżola Taljana. Fl-​istiva tiegħu kien hemm tagħbija taʼ valur kbir—ħafna mill-​kopji tal-​Bibbja Poliglotta Komplutensjana li ġew stampati bejn l-​1514 u l-​1517. F’daqqa waħda qamet maltempata qalila. Il-​membri tal-​kru għamlu minn kollox biex isalvaw il-​vapur imma l-​isforzi tagħhom kienu għal xejn. Il-​vapur għereq bit-​tagħbija prezzjuża li kien hemm fuqu.

Dan id-​diżastru wassal biex jerġgħu jintalbu edizzjonijiet ġodda tal-​Bibbja Poliglotta. Fl-​aħħar mill-​aħħar, l-​istampatur tas-​sengħa Christophe Plantin aċċetta din l-​isfida. Hu kellu bżonn sponser sinjur biex ikun jistaʼ jiffinanzja din il-​biċċa xogħol hekk kbira, u għalhekk staqsa lil Filippu II, ir-​re taʼ Spanja, sabiex ikun il-​wieħed li jappoġġah finanzjarjament b’mod uffiċjali. Qabel ma ħa d-​deċiżjoni, ir-​re kkonsulta maʼ diversi studjużi Spanjoli, fosthom kien hemm Benito Arias Montano, studjuż tal-​Bibbja magħruf. Hu qal lir-​Re Filippu: “Minbarra li tkun qed tagħti servizz lil Alla u tgħin lill-​knisja universali, se ġġib glorja kbira wkoll lill-​isem irjali tal-​Maestà Tiegħek u ġġib rispett lir-​reputazzjoni tiegħek.”

Edizzjoni riveduta tal-​Poliglotta Komplutensjana kienet se tkun suċċess kulturali importanti, u għalhekk Filippu ddeċieda li jappoġġa b’qalbu kollha l-​proġett taʼ Plantin. Hu ta lil Arias Montano l-​inkarigu kbir taʼ li jeditja dik li ngħatat l-​isem taʼ Bibbja Rjali, jew il-​Poliglotta t’Antwerp.a

Filippu tant kien interessat fil-​progress tal-​Bibbja Poliglotta li talab biex tintbagħatlu kopja taʼ kull karta. M’għandniex xi ngħidu, Plantin ma xtaqx joqgħod jistenna sakemm kull karta tmur minn Antwerp sa Spanja, tinqara u tiġi koreġuta mill-​monarka, u mbagħad terġaʼ tintbagħat lura. Li ġara però kien li Filippu rċieva biss l-​ewwel karta stampata u forsi l-​ewwel ftit paġni. Sadanittant, Montano kompla jaqra u jikkoreġi bl-​għajnuna imprezzabbli taʼ tliet professuri taʼ Louvain u bl-​għajnuna tat-​tifla taʼ l-​istampatur, li kienet għadha żagħżugħa.

Wieħed li Kien Iħobb il-​Kelma t’Alla

Arias Montano ħassu komdu maʼ l-​istudjużi t’Antwerp. Minħabba li ħares lejn il-​proġett b’moħħ miftuħ, sar għażiż għal Plantin, u huma baqgħu ħbieb u jikkooperaw flimkien tul ħajjithom kollha. Montano spikka mhux biss minħabba l-​istudju akkademiku tiegħu imma wkoll minħabba l-​imħabba li kellu għall-​Kelma t’Alla.b Bħala żagħżugħ, hu kien ħerqan li jlesti l-​istudju akkademiku tiegħu sabiex ikun jistaʼ jagħti ruħu għall-​istudju taʼ l-​Iskrittura.

Arias Montano kien jemmen li t-​traduzzjoni tal-​Bibbja kellha tkun letterali kemm jistaʼ jkun. Hu stinka biex jittraduċi eżattament dak li kien hemm miktub fit-​test oriġinali, biex b’hekk il-​qarrej setaʼ jaqra l-​Kelma vera t’Alla. Montano segwa l-​motto t’Erasmus, li ħeġġeġ lill-​istudjużi biex jippridkaw dwar Kristu mit-​test miktub bil-​lingwi oriġinali. It-​tifsira tal-​lingwi oriġinali li bihom inkitbet l-​Iskrittura kienet inħbiet mill-​poplu għal sekli sħaħ minħabba li t-​traduzzjonijiet bil-​Latin kienu diffiċli biex jinftiehmu.

It-​Tqassim tal-​Poliglotta

Arias Montano kiseb il-​manuskritti li Alfonso de Zamora kien ħejja u rriveda meta kienet ġiet stampata l-​Poliglotta Komplutensjana, u użahom għall-​Bibbja Rjali.c

Għall-​ewwel kien hemm il-​ħsieb li l-​Bibbja Rjali tkun it-​tieni edizzjoni tal-​Poliglotta Komplutensjana, imma kienet iktar minn sempliċement reviżjoni tagħha. It-​test Ebrajk u t-​test Grieg tas-​Settanta ttieħdu mill-​Bibbja Komplutensjana; imbagħad kien hemm xi testi li ġew miżjuda flimkien m’appendiċi estensiv. Fl-​aħħarnett, il-​Poliglotta l-​ġdida kellha tmien volumi. L-​istampar ħa ħames snin, mill-​1568 sa l-​1572—żmien verament qasir meta tqis l-​ammont taʼ xogħol li kien involut. Finalment, ġew stampati 1,213-il kopja.

Filwaqt li l-​Poliglotta Komplutensjana taʼ l-​1517 tat prova li kienet “monument għall-​arti tipografika,” il-​Poliglotta t’Antwerp kienet bil-​wisq aħjar minn dik li ġiet qabilha kemm f’dik li hi teknika u kemm fil-​kontenut. Kienet ġrajja importanti għall-​istorja taʼ l-​istampar u, iktar importanti minn hekk, għall-​preparazzjoni t’edizzjoni li minnha setgħu jsiru traduzzjonijiet oħra tal-​Bibbja.

Attakki mill-​Għedewwa tal-​Kelma t’Alla

M’hijiex sorprendenti li l-​għedewwa tat-​traduzzjoni leali tal-​Bibbja daħlu malajr fix-​xena. Għalkemm il-​Poliglotta t’Antwerp kellha l-​approvazzjoni tal-​papa u Arias Montano kellu r-​reputazzjoni taʼ studjuż onorabbli, reputazzjoni li tant kienet tixraqlu, hu ġie akkużat quddiem l-​Inkwiżizzjoni. Dawk li kienu jopponuh qalu li x-​xogħol tiegħu ġiegħel ir-​reviżjoni ġdida tat-​test bil-​Latin taʼ Santes Pagninus tidher bħala li kienet traduzzjoni iktar eżatta taʼ l-​Ebrajk u tal-​Grieg oriġinal minn dik tal-​Vulgata, li kienet ġiet tradotta sekli qabel. Huma akkużaw lil Montano wkoll li hu kien irrefera għal-​lingwi oriġinali għax xtaq jipproduċi traduzzjoni eżatta tal-​Bibbja—fil-​fatt din il-​proċedura kienu jqisuha bħala ereżija.

L-​Inkwiżizzjoni saħansitra saħqet li r-​Re ma kienx kiseb ħafna unur billi appoġġa dan ix-​xogħol. Urew li kienu diżappuntati minħabba li Montano ma tax awtorità biżżejjed lill-​Vulgata uffiċjali. Minkejja dawn l-​akkużi, huma ma setgħux isibu provi biżżejjed biex jikkundannaw lil Montano jew il-​Bibbja Poliglotta tiegħu. Fl-​aħħar, il-​Bibbja Rjali ntlaqgħet tajjeb ħafna, u saret il-​bażi għal diversi universitajiet.

Għodda Utli għat-​Traduzzjonijiet tal-​Bibbja

Għalkemm il-​Poliglotta t’Antwerp ma ntgħamlitx għall-​pubbliku in ġenerali, din ma damitx ma saret għodda utli għat-​tradutturi tal-​Bibbja. Bħalma ġara bit-​traduzzjoni taʼ qabilha, il-​Poliglotta Komplutensjana, li għenet biex jitjiebu t-​testi li kien hemm disponibbli taʼ l-​Iskrittura. Għenet ukoll lit-​tradutturi biex jifhmu iktar il-​lingwi oriġinali. It-​traduzzjonijiet tal-​Bibbja li saru bil-​lingwi prinċipali taʼ l-​Ewropa bbenefikaw minn dan ix-​xogħol. Per eżempju, The Cambridge History of the Bible jirrapporta li l-​Poliglotta t’Antwerp kienet għajnuna imprezzabbli għat-​tradutturi tal-​magħrufa King James Version, jew Authorized Version, taʼ l-​1611 meta ġew biex jittraduċu l-​lingwi antiki. Il-​Bibbja Rjali influwenzat ħafna żewġ Bibbji Poliglotti oħra li ġew pubblikati fis-​seklu 17.—Ara l-​kaxxa “Il-​Bibbji Poliglotti.”

Wieħed mill-​punti pożittivi tal-​Poliglotta t’Antwerp kien il-​fatt li permezz tagħha issa għall-​ewwel darba l-​istudjużi Ewropej kellhom il-​verżjoni bis-​Sirjak taʼ l-​Iskrittura Griega. Dan it-​test Sirjak tpoġġa maʼ ġenb it-​traduzzjoni letterali bil-​Latin. Din kienet siewja, ladarba s-​Sirjak kien wieħed mill-​eqdem traduzzjonijiet taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana. Peress li tmur lura sal-​ħames seklu E.K., il-​verżjoni Sirjaka kienet il-​bażi tal-​manuskritti li jmorru lura sat-​tieni seklu E.K. Skond The International Standard Bible Encyclopedia, “ġeneralment il-​valur tal-​Pexitta [Sirjaka] huwa rikonoxxut għall-​analisi tat-​test. Hija waħda mill-​iktar xhieda antiki u importanti għat-​traduzzjonijiet antiki.”

Fl-1572, la l-​maltempata qalila u lanqas l-​Inkwiżizzjoni Spanjola ma żammew lura milli toħroġ il-​Bibbja Rjali li kienet verżjoni mtejba u akbar tal-​Poliglotta Komplutensjana. L-​istorja tal-​Bibbja Poliglotta t’Antwerp hija eżempju ieħor taʼ l-​isforzi sinċieri taʼ wħud li riedu jiddefendu l-​Kelma t’Alla.

Kemm jekk kienu jafu u kemm jekk le, bil-​ħidma mhix egoista tagħhom, dawn l-​irġiel irriflettew il-​verità tal-​kliem profetiku taʼ Isaija. Madwar tlett elef sena ilu, hu kiteb: “Il-​ħaxix jinxef, u l-​ward jidbiel, iżda l-​kelma tal-​Mulej tibqaʼ għal dejjem.”—Isaija 40:8.

[Noti taʼ taħt]

a Minħabba li din il-​Bibbja kienet sponsorjata mir-​Re Filippu ġiet imsejħa l-​Bibbja Rjali, u wkoll tissejjaħ il-​Poliglotta t’Antwerp minħabba li kienet ġiet stampata fil-​belt t’Antwerp, li dak iż-​żmien kienet parti mill-​Imperu Spanjol.

b Hu kien jaf l-​Ebrajk, l-​Għarbi, il-​Grieg, il-​Latin, u s-​Sirjak, il-​ħames lingwi prinċipali użati fil-​Bibbja Poliglotta. Ukoll, hu kien jifhem sew fl-​arkeoloġija, il-​mediċina, il-​fiżika, il-​kimika, il-​bijoloġija, u t-​teoloġija, studji li użahom sew meta kien qed jipprepara l-​appendiċi.

c Għal spjegazzjoni dwar is-​sinifikat tal-​Bibbja Poliglotta Komplutensjana, ara t-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 t’April, 2004.

[Kumment f’paġna 13]

“Il-​kelma tal-​Mulej tibqaʼ għal dejjem”

[Kaxxa/Stampi f’paġna 12]

IL-​BIBBJI POLIGLOTTI

“Bibbja Poliglotta tinkludi testi b’diversi lingwi,” jispjega l-​istudjuż Spanjol Federico Pérez Castro. “Madankollu, it-​terminu proprju jirreferi għall-​Bibbji li għandhom it-​test Skritturali bil-​lingwi oriġinali.” Ikompli jgħid li jekk Bibbja Poliglotta tirreferi għal dan it-​tip taʼ poliglotta, ftit hemm Bibbji li jistgħu jitqiesu hekk.

1. Il-Poliglotta Komplutensjana (1514-​17) kienet sponsorjata mill-​Kardinal Cisneros, u ġiet stampata f’Alcalá de Henares, fi Spanja. Is-​sitt volumi tagħha kienu jinkludu t-​test tal-​Bibbja b’erbaʼ lingwi: l-​Ebrajk, il-​Grieg, l-​Aramajk, u l-​Latin. Din serviet bħala bażi għat-​tradutturi tas-​seklu 16 biex ikunu jistgħu jittraduċu t-​test taʼ l-​Iskrittura mill-​Ebrajk għall-​Aramajk.

2. Il-Poliglotta t’Antwerp (1568-​72) ġiet editjata minn Benito Arias Montano. Mat-​test Komplutensjan ġiet miżjuda l-​verżjoni tal-​Pexitta Sirjaka taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana u t-​Targum bl-​Aramajk taʼ Ġonatan. It-​test Ebrajk, li inkluda s-​simboli li juru li hemm il-​vokali u l-​aċċenti, ġie rivedut skond it-​test li rċivew taʼ Jacob ben Hayyim. Din saret it-​test bażiku għat-​traduzzjoni taʼ l-​Iskrittura Ebrajka.

3. Il-Poliglotta taʼ Pariġi (1629-​45) kienet sponsorjata mill-​avukat Franċiż Guy Michel le Jay. Din kienet ispirata mill-​Poliglotta t’Antwerp, għalkemm tinkludi wkoll xi testi bis-​Samaritan u bl-​Għarbi.

4. Il-Poliglotta taʼ Londra (1655-​57), editjata minn Brian Walton, kienet ibbażata wkoll fuq il-​Poliglotta t’Antwerp. Din il-​Poliglotta inkludiet traduzzjonijiet antiki tal-​Bibbja bl-​Etjopjan u bil-​Persjan, minkejja li dawn il-​verżjonijiet m’għamlux it-​test Bibliku iktar ċar.

[Credit Lines]

Il-​Poliglotti taʼ Banner u Antwerp (it-tnejn taʼ taħt): Biblioteca Histórica. Universidad Complutense de Madrid; il-​Poliglotta taʼ Antwerp (fuq): By courtesy of Museum Plantin-Moretus/Stedelijk Prentenkabinet Antwerpen; il-​Poliglotta taʼ Londra: From the book The Walton Polyglot Bible, Vol. III, 1655-​1657

[Stampa f’paġna 9]

Filippu II, re taʼ Spanja

[Sors]

Filippu II: Biblioteca Nacional, Madrid

[Stampa f’paġna 10]

Arias Montano

[Sors]

Montano: Biblioteca Histórica. Universidad Complutense de Madrid

[Stampa f’paġna 10]

Il-​magni taʼ l-​istampar oriġinali f’Antwerp, il-​Belġju

[Sors]

Stamperija: By courtesy of Museum Plantin-Moretus/Stedelijk Prentenkabinet Antwerpen

[Stampi f’paġna 11]

Xellug: Christophe Plantin u l-​paġna tat-​titlu tal-​Poliglotta t’Antwerp

[Sors]

It-​titlu tal-​paġna u Plantin: By courtesy of Museum Plantin-Moretus/Stedelijk Prentenkabinet Antwerpen

[Stampa f’paġna 11]

Fuq: Eżodu kapitlu 15 f’erbaʼ kolonni

[Sors tal-​Istampa f’paġna 9]

It-​titlu tal-​paġna u Plantin: By courtesy of Museum Plantin-Moretus/Stedelijk Prentenkabinet Antwerpen

[Sors tal-​Istampa f’paġna 13]

Biblioteca Histórica. Universidad Complutense de Madrid

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja