Christophe Plantin—Pijunier fl-Istampar tal-Bibbja
JOHANNES GUTENBERG (madwar 1397-1468) huwa famuż għall-produzzjoni taʼ l-ewwel Bibbja li ġiet stampata b’tipi taċ-ċomb. Imma mhux ħafna jafu bi Christophe Plantin. Hu kien pijunier fl-istampar li kellu rwol importanti f’li jsiru ħafna kotba u Bibbji disponibbli għan-nies madwar id-dinja matul is-seklu 16.
Christophe Plantin twieled fl-1520 f’Saint-Avertin, Franza. Peress li xtaq ikun f’post fejn il-klima reliġjuża kienet iktar tolleranti u l-opportunitajiet ekonomiċi iktar promettenti minn Franza, Plantin, li kellu madwar 28 sena, issetilja f’Antwerp fil-Pajjiżi l-Baxxi.a
Plantin beda l-karriera tiegħu bħala legatur tal-kotba u disinjatur t’affarijiet magħmulin mill-ġilda. Ix-xogħol tiegħu magħmul mill-ġilda u b’ħafna dettalji kien imfittex ħafna minn dawk li kienu sinjuri. Madankollu, inċident li seħħ fl-1555 ġiegħel lil Plantin ibiddel il-karriera tiegħu. Waqt li kien fi triqtu b’kaxxa tal-ġilda li kien ordna wieħed mill-ħakkiema tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Re Filippu II taʼ Spanja, Plantin ġie attakkat f’waħda mit-toroq t’Antwerp. Xi rġiel fis-sakra daħħlulu xabla fi spalltu. Għalkemm Plantin irkupra mill-ġerħa, hu ma setax jagħmel xogħol manwali, u għalhekk kellu jħalli s-sengħa tiegħu. Permezz taʼ l-appoġġ taʼ Hendrik Niclaes, il-mexxej tal-grupp taʼ l-Anabattisti, Plantin beda jistampa l-kotba.
“Xogħol u Perseveranza”
Plantin semma l-istamperija tiegħu De Gulden Passer (Il-Kumpass tad-Deheb). Il-marka tal-kumpanija tiegħu kienet kumpass tad-deheb bl-iskrizzjoni “Labore et Constantia,” li tfisser “Xogħol u Perseveranza.” Din il-marka kienet tixraqlu lil dan ir-raġel bieżel.
Peress li kien jgħix f’era taʼ taqlib kbir fejn jidħlu r-reliġjon u l-politika fl-Ewropa, Plantin fittex li jaħrab l-inkwiet. Ix-xogħol taʼ l-istampar kien importanti għalih iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra. Għalkemm hu kien jaqbel mar-Riforma Protestanta, l-awtur Maurits Sabbe jgħid li hu ma kienx juri lejn liema naħa kien ixaqleb fil-kwistjoni tar-reliġjon. Minħabba f’hekk, kien hemm ħafna għajdut li Plantin kien qed jistampa kotba eretiċi. Per eżempju, fl-1562 hu kellu jaħrab lejn Pariġi għal iktar minn sena.
Meta Plantin irritorna lejn Antwerp fl-1563, hu daħal bi sħab maʼ merkanti sinjuri, li xi wħud minnhom kienu magħrufin għat-twemmin Kalvinista tagħhom. Matul is-sħubija li damet ħames snin, 260 biċċa xogħol differenti ġew stampati fl-istamperiji taʼ Plantin. Dawn inkludew edizzjonijiet tal-Bibbja bl-Ebrajk, bil-Grieg, u bil-Latin kif ukoll edizzjonijiet tal-Bibbja Kattolika taʼ Louvain bl-Olandiż imżejnin b’mod elaborat u mill-isbaħ.
“L-Iktar Suċċess Tipografiku Importanti”
Fl-1567, matul il-perijodu meta r-reżistenza għall-ħakma Spanjola kienet qed tiżdied fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Re Filippu II taʼ Spanja bagħat lid-Duka t’Alba biex jaqdi bħala gvernatur hemmhekk. B’awtorità kompleta mis-sultan, id-duka għamel minn kollox biex iwaqqaf ir-reżistenza mill-Protestanti li kienet qed tiżdied. Għalhekk, Plantin beda proġett kbir li hu ttama li kien se jneħħi kull suspett t’ereżija. Hu ttama li jistampa edizzjoni bil-lingwi oriġinali tat-testi Bibliċi għall-istudjużi. Għal din l-edizzjoni l-ġdida, Plantin irnexxielu jikseb l-appoġġ taʼ Filippu II. Is-sultan wiegħdu li se jappoġġah finanzjarjament u bagħat nota lill-famuż Arias Montano, li kien jistudja l-filosofija taʼ l-umaniżmu, biex jieħu ħsieb il-proġett.
Montano kien tajjeb fil-lingwi, u ħadem għal 11-il siegħa kuljum. Hu kien megħjun minn lingwisti Spanjoli, Belġjani, u Franċiżi. Il-mira tagħhom kienet li jħejju verżjoni ġdida tal-Poliglotta Komplutensjana li kienet tant magħrufa.b Flimkien mal-Vulgata Latina, is-Settanta Griega, u t-test Ebrajk oriġinali, il-Bibbja Poliglotta ġdida taʼ Plantin inkludiet it-Targum Aramajk u l-Pexitta Sirjaka, flimkien mat-traduzzjonijiet letterali rispettivi tagħhom bil-Latin.
L-istampar beda fl-1568. Din il-biċċa xogħol kbira tlestiet sa l-1572. Meta tqis iż-żmien li kien hemm bżonn biex jitlestew proġetti simili dak iż-żmien, din il-biċċa xogħol malajr tlestiet. F’ittra li kiteb lir-Re Filippu II, Montano kiteb: “F’xahar sar iktar xogħol hawn, milli jsir f’sena f’Ruma.” Plantin stampa 1,213-il kopja tal-Bibbja Poliglotta l-ġdida, u kull waħda kienet sett taʼ tmien volumi kbar. Il-paġna tat-titlu kien fiha stampa taʼ ljun, barri, lupu, u ħaruf jieklu paċifikament mill-istess mejjilla, li kienet tirreferi għal Isaija 65:25. Il-prezz tas-sett f’forma taʼ volum li jkun għadu ma ġiex legat kien taʼ 70 gilder—somma konsiderevoli meta tqis li familja normali kienet taqlaʼ madwar 50 gilder fis-sena. Is-sett komplut sar magħruf bħala l-Poliglotta t’Antwerp. Kienet tissejjaħ ukoll il-Biblia Regia (il-Bibbja Rjali) minħabba li kienet sponsorjata mir-Re Filippu II.
Għalkemm il-Papa Gregorju XIII approva l-Bibbja, Arias Montano kien kritikat ħafna għal xogħlu. Raġuni minnhom kienet li Montano kien iqis it-test oriġinali bl-Ebrajk bħala li kien superjuri għall-Vulgata Latina. L-opponent primarju tiegħu kien León de Castro, teologu Spanjol li kien iqis il-Vulgata Latina bħala l-awtorità assoluta. De Castro akkuża lil Montano li kien qed iniġġes it-test b’filosofija kontra t-Trinità. Per eżempju, de Castro b’mod partikulari qal li l-Pexitta Sirjaka neħħiet mill-1 Ġwanni 5:7 l-frażi li kienet miżjuda b’mod falz, “fis-sema, il-Missier, il-Kelma, u l-Ispirtu Qaddis: u dawn it-tlieta huma wieħed.” (King James Version) Madankollu, l-Inkwiżizzjoni Spanjola ħelset lil Montano minn kull suspett t’ereżija. Il-Poliglotta t’Antwerp hija meqjusa minn xi wħud bħala “l-iktar suċċess tipografiku importanti li qatt sar minn stampatur wieħed matul is-seklu 16.”
Kontribut Dejjiemi
Ħafna mill-istampaturi taʼ dak iż-żmien kellhom biss żewġ jew tliet stamperiji. Madankollu, fl-iktar żmien li kien qed jistampa kotba, Plantin kellu minn taʼ l-inqas 22 stamperija u 160 ħaddiem. Hu kellu reputazzjoni bħala li kien l-aqwa stampatur fid-dinja Spanjola kollha.
Sadanittant, ir-reżistenza għall-ħakma Spanjola kienet qed tiżdied fil-Pajjiżi l-Baxxi. Antwerp inqabdet fil-konflitt. Fl-1576, merċenarji Spanjoli li ma kinux ngħataw il-paga rribellaw u serqu dak li kien hemm fil-belt. Huma ħarqu iktar minn 600 dar, u eluf t’abitanti t’Antwerp inqatlu. Il-merkanti ħarbu mill-belt. Dan kien ifisser telf kbir għal Plantin. Iktar minn hekk, hu kellu jħallas lill-merċenarji tribut eċċessiv.
Fl-1583, Plantin mar joqgħod Leiden, belt madwar 100 kilometru lejn it-tramuntana t’Antwerp. Hemm hu stabbilixxa stamperija u ġie maħtur bħala l-istampatur taʼ l-Università taʼ Leiden, istituzzjoni mwaqqfa mill-Protestanti Kalvinisti. L-akkużi taʼ qabel, jiġifieri, li Plantin ma kienx leali għall-Knisja Kattolika reġgħu tfaċċaw. Għalhekk, Plantin reġaʼ mar Antwerp fl-aħħar taʼ l-1585, ftit wara li l-belt reġgħet ġiet taħt il-ħakma Spanjola. Sa dak iż-żmien hu kellu ’l fuq minn 60 sena, u l-kumpanija Kumpass tad-Deheb kienet ċkienet għal erbgħa min-nies jaħdmu fuq stamperija waħda. Plantin reġaʼ beda jibni l-istamperija. Madankollu, qatt ma reġgħet kienet l-istess bħal qabel, u Plantin miet fl-1 taʼ Lulju, 1589.
Matul perijodu taʼ 34 sena, Christophe Plantin stampa 1,863 edizzjoni taʼ kotba differenti, medja taʼ kważi 55 kull sena. Anki llum, dan jitqies bħala suċċess kbir għal stampatur wieħed! Għalkemm Plantin innifsu ma ħax waqfa soda għar-reliġjon, ix-xogħol tiegħu ppromwova mhux biss l-istampar u t-tipografija imma wkoll l-istudju taʼ l-Iskrittura ispirata. (2 Timotju 3:16) Tabilħaqq, Plantin u l-kontemporanji tiegħu kkontribwew bil-kbir biex iktar ’il quddiem il-Bibbja ssir disponibbli għan-nies komuni.
[Noti taʼ taħt]
a It-terminu “l-Pajjiżi l-Baxxi” jirreferi għall-inħawi mal-kosta bejn il-Ġermanja u Franza, li llum il-ġurnata jinkludu l-Belġju, l-Olanda, u l-Lussemburgu.
b Din il-Bibbja b’ħafna lingwi ġiet pubblikata fl-1517. Kien fiha t-test bl-Ebrajk, il-Grieg, u l-Latin u xi porzjonijiet bl-Aramajk. Ara l-artiklu “Il-Poliglotta Komplutensjana—Għodda Storika taʼ Traduzzjoni,” fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 t’April, 2004, paġni 28-31.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 15]
IL-MUŻEW PLANTIN-MORETUS
Il-bini fil-belt t’Antwerp fejn Plantin u d-dixxendenti tiegħu kienu għexu u ħadmu mill-1576 sa l-1871 infetaħ għall-pubbliku bħala mużew fl-1877. L-ebda stamperija oħra minn dak iż-żmien m’għadha sħiħa. Hemm ħames stamperiji li huma datati mis-seklu 17 u 18. Tnejn oħra—l-eqdem li hawn fid-dinja—huma datati kważi minn żmien Plantin. Il-mużew fih madwar 15,000 forma għall-istampar, 15,000 blokka taʼ l-injam, u 3,000 pjanċa mnaqqxa tar-ram. Il-librerija tal-mużew fiha 638 manuskritt li huma datati mid-9 seklu sas-seklu 16 kif ukoll 154 ktieb stampati qabel l-1501. Dawn jinkludu Bibbja oriġinali taʼ Gutenberg datata minn qabel l-1461 kif ukoll waħda mill-famużi Bibbji Poliglotti t’Antwerp li kien stampa Plantin.
[Stampa f’paġna 15]
Arias Montano
[Stampa f’paġna 16]
Il-Poliglotta t’Antwerp fiha t-test Ebrajk, il-“Vulgata” Latina, u s-“Settanta” Griega, kif ukoll il-“Pexitta” Sirjaka u t-Targum bl-Aramajk flimkien mat-traduzzjonijiet tagħhom bil-Latin
[Sors]
By courtesy of Museum Plantin-Moretus/Stedelijk Prentenkabinet Antwerpen
[Sors tal-Istampa f’paġna 15]
Iż-żewġ stampi: By courtesy of Museum Plantin-Moretus/Stedelijk Prentenkabinet Antwerpen