LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 3/1 pp. 13-16
  • Wessel Gansfort—“Riformatur taʼ Qabel ir-Riforma”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Wessel Gansfort—“Riformatur taʼ Qabel ir-Riforma”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Għala Ma Tressaqnix Lejn Kristu?”
  • “Nafu Biss Dak li Nistaqsu Dwaru”
  • Rikjesta taʼ Min Jammiraha
  • “Gidba u Żball”
  • Wessel Iħejji t-​Triq għar-​Riforma
  • Se “Ssibu”
  • Martin Luteru—Min Kien u X’Ħalla Warajh
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Desiderius Erasmus
    Stenbaħ!—2016
  • Ara l-Isem t’Alla fid-Danimarka
    Stenbaħ!—2010
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 3/1 pp. 13-16

Wessel Gansfort—“Riformatur taʼ Qabel ir-​Riforma”

L-​ismijiet Luteru, Tyndale, u Kalvinu huma familjari maʼ l-​istudenti kollha tar-​Riforma Protestanta, li bdiet fl-​1517. Però, ftit nies semgħu bl-​isem Wessel Gansfort. Hu ġie msejjaħ ir-​“Riformatur taʼ qabel ir-​Riforma.” Tixtieq tkun taf iżjed dwar dan ir-​raġel?

WESSEL twieled fl-​1419 fil-​belt taʼ Groningen, l-​Olanda. Fis-​seklu 15, ftit kienu dawk in-​nies li kellhom l-​opportunità li jmorru l-​iskola, u Wessel kien wieħed minnhom. Għalkemm kien student eċċellenti, hu kellu jitlaq mill-​iskola meta kellu disaʼ snin minħabba l-​faqar estrem tal-​ġenituri tiegħu. B’xorti tajba għalih, meta armla għanja semgħet dwar l-​intelliġenza taż-​żagħżugħ Wessel, hi saret il-​patruna tiegħu u offriet li tħallaslu biex imur l-​iskola. Għalhekk, hu setaʼ jkompli l-​edukazzjoni tiegħu. Maż-​żmien, hu kiseb il-​grad Master of Arts. Milli jidher iktar tard hu kiseb it-​titlu taʼ professur tat-​teoloġija.

Wessel kellu għatx kbir għall-​għarfien. Madankollu, fi żmienu, kien hemm ftit libreriji. Avolja l-​istampar bit-​tipi taċ-​ċomb kien ivvintat fi żmienu, ħafna mill-​kotba kienu għadhom jinkitbu bl-​idejn u kienu jiswew ħafna flus. Wessel kien membru minn grupp taʼ studjużi li kienu jivvjaġġaw minn librerija għal oħra u minn monasterju għal ieħor biex ifittxu manuskritti rari u kotba li jkunu ntesew. Imbagħad kienu jaqsmu s-​sejbiet tagħhom maʼ xulxin. Hu ġabar ħafna għarfien u mela ktieb tan-​noti persunali bi kwotazzjonijiet u siltiet minn letteratura Griega u Latina tal-​qedem. Teoloġi oħrajn spiss kienu jissuspettaw f’Wessel għaliex hu kien jaf ħafna affarijiet li huma qatt ma kienu semgħu dwarhom. Wessel kien imsejjaħ Magister Contradictionis, jew Sid il-​Kontradizzjoni.

“Għala Ma Tressaqnix Lejn Kristu?”

Xi 50 sena qabel ir-​Riforma, Wessel iltaqaʼ maʼ Thomas à Kempis (madwar l-​1379-​1471), li ġeneralment huwa aċċettat bħala l-​awtur tal-​ktieb famuż De Imitatione Christi (Imitazzjoni taʼ Kristu). Thomas à Kempis kien jappartjeni lill-​Fratellanza tal-​Ħajja Komuni, moviment li kien jenfasizza l-​ħtieġa li dak li jkun jgħix ħajja devota. Wieħed li kiteb il-​bijografija taʼ Wessel jgħid li Thomas à Kempis ħeġġeġ lil Wessel f’diversi okkażjonijiet biex jersaq lejn Marija għall-​għajnuna. Wessel irreaġixxa billi qallu: “Għala ma tressaqnix lejn Kristu, li b’qalb tajba jistieden lil kulmin hu mgħobbi biex imur għandu?”

Milli jidher Wessel ma riedx isir qassis. Meta ġie mistoqsi għala ma riedx jagħmel it-​tonsura, jew il-​parti mqaxxra fuq ir-​ras li kienet tidentifika lil dak li jkun bħala membru tal-​kleru, hu wieġeb li ma kienx jibżaʼ mill-​forka sakemm ikollu l-​abbiltajiet tal-​ħsieb kollha tiegħu. X’aktarx li hu kien qed jirreferi għall-​fatt li l-​qassisin ordnati ma setgħux jgħaddu minn prosekuzzjoni, u milli jidher it-​tonsura tassew salvat lil ħafna qassisin mill-​forka! Ukoll, Wessel m’aċċettax xi prattiki reliġjużi li kienu komuni. Per eżempju, hu ġie kritikat għaliex irrifjuta li jemmen fil-​ġrajjiet mirakolużi deskritti fil-​ktieb popolari taʼ żmienu, Dialogus Miraculorum. Biex iwieġeb din il-​kritika, hu qal: “Ikun aħjar li naqraw mill-​Iskrittura Mqaddsa.”

“Nafu Biss Dak li Nistaqsu Dwaru”

Wessel studja l-​Ebrajk u l-​Grieg u kiseb ħafna għarfien dwar il-​kitbiet taʼ Missirijiet il-​Knisja tal-​bidu. L-​imħabba tiegħu għal-​lingwi oriġinali tal-​Bibbja kienet tassew taʼ min jammiraha, ladarba hu għex qabel Erasmus u Reuchlin.a Qabel ir-​Riforma, ma tantx kien hemm min jaf il-​Grieg. Fil-​Ġermanja, l-​istudjużi li kienu familjari mal-​Grieg kont tgħoddhom fuq subgħajk, u ma kien hemm ebda għodod disponibbli biex jitgħallmu l-​lingwa. Wara l-​waqgħa taʼ Kostantinopli fl-​1453, milli jidher Wessel ġie f’kuntatt maʼ l-​ewwel patrijiet Griegi li ħarbu lejn il-​Punent, u minnhom tgħallem il-​Grieg bażiku. F’dak iż-​żmien, l-​Ebrajk kien mitkellem l-​iktar mil-​Lhud, u x’aktarx li Wessel tgħallem l-​Ebrajk bażiku minn Lhud li kienu kkonvertew.

Wessel tassew kien iħobbha l-​Bibbja. Kien iqisha bħala ktieb ispirat minn Alla u kien jemmen li l-​kotba kollha tal-​Bibbja huma kompletament fi qbil bejniethom. Għal Wessel, l-​interpretazzjoni tal-​versi tal-​Bibbja kellha tkun fi qbil mal-​kuntest u ma setgħetx tiġi mgħawġa. Kull spjegazzjoni mgħawġa kellha tkun suspettata li hija ereżija. Wieħed mill-​versi Bibliċi favoriti tiegħu kien Mattew 7:​7, li jgħid: “Ibqgħu fittxu, u ssibu.” Minħabba l-​qawwa taʼ dan il-​vers, Wessel kien jemmen b’mod sod li huwa taʼ benefiċċju li nagħmlu l-​mistoqsijiet, għaliex hu rraġuna li aħna “nafu biss dak li nistaqsu dwaru.”

Rikjesta taʼ Min Jammiraha

Fl-​1473, Wessel żar Ruma. Hemmhekk ngħata permess biex ikellem lill-​Papa Sistu IV, l-​ewwel minn sitt papiet li l-​imġiba immorali tagħhom fl-​aħħar wasslet għar-​Riforma Protestanta. L-​istudjuża taʼ l-​istorja Barbara W. Tuchman tgħid li Sistu IV introduċa perijodu taʼ “ġiri wara profitt persunali u qawwa politika b’mod sfaċċat, fil-​beraħ, u bla heda.” Hu ħasad lill-​pubbliku minħabba n-​nepotiżmu sfaċċat tiegħu. Wieħed kittieb taʼ l-​istorja kiteb li Sistu x’aktarx li ried li l-​pożizzjoni taʼ papa tkun negozju tal-​familja. Ma tantx kien hemm min ażżarda jikkundanna dawn l-​abbużi.

Madankollu, Wessel Gansfort kien differenti. Darba minnhom Sistu qallu: “Ibni, itlobni kulma trid, u nagħtihulek.” Wessel mill-​ewwel wieġbu: “Missier qaddis, . . . ladarba int fuq l-​art għandek il-​pożizzjoni taʼ l-​ogħla qassis u ragħaj, nitolbok . . . li twettaq l-​irwol importanti tiegħek b’tali mod li meta r-​Ragħaj il-​Kbir tan-​nagħaġ . . . jiġi, hu jkun jistaʼ jgħidlek: ‘Prosit, qaddej tajjeb u leali, idħol fil-​ferħ taʼ Sidek.’” Sistu wieġbu li din kienet ir-​responsabbiltà tiegħu u li Wessel għandu jagħżel xi ħaġa għalih innifsu. Wessel wieġeb: “Allura nitolbok tagħtini Bibbja bil-​Grieg u bl-​Ebrajk mil-​Librerija tal-​Vatikan.” Il-​papa tah dak li talbu imma qal li Wessel kien aġixxa taʼ iblah u li kien imissu talab biex jiġi mlaħħaq isqof!

“Gidba u Żball”

Minħabba li kellu bżonn kbir taʼ fondi biex jibni dik li llum hi l-​famuża Kappella Sistina, Sistu beda juża l-​bejgħ taʼ l-​indulġenzi għall-​mejtin. Dawn l-​indulġenzi kienu tassew popolari. Il-​ktieb Vicars of Christ​—The Dark Side of the Papacy jgħid: “Ir-​romol u l-​ġenituri mnikktin nefqu kulma kellhom biex joħorġu lill-​maħbubin tagħhom mill-​Purgatorju.” In-​nies komuni għoġbithom l-​idea taʼ l-​indulġenzi li permezz tagħhom kienu jemmnu li l-​papa setaʼ jiggarantilhom li l-​maħbubin tagħhom kienu se jmorru l-​ġenna.

Però, Wessel kien jemmen b’mod sod li l-​Knisja Kattolika, inkluż il-​papa, ma kellhiex l-​abbiltà li taħfer id-​dnubiet. Wessel qal bil-​miftuħ li l-​bejgħ taʼ l-​indulġenzi kien “gidba u żball.” Lanqas ma kien jemmen li l-​qrar għand il-​qassisin kien neċessarju biex dak li jkun jikseb il-​maħfra tad-​dnubiet.

Wessel iddubita wkoll l-​infallibilità tal-​papa, meta qal li l-​bażi tal-​fidi kienet se tkun dgħajfa li kieku n-​nies kienu mistennijin dejjem jemmnu lill-​papiet, ladarba dawn kienu jiżbaljaw. Wessel kiteb: “Jekk l-​isqfijiet iwarrbu l-​kmandamenti t’Alla u jimponu l-​kmandamenti tagħhom magħmulin mill-​bniedem, . . . dak li jagħmlu u jikkmandaw ikun fieragħ.”

Wessel Iħejji t-​Triq għar-​Riforma

Wessel miet fl-​1489. Għalkemm kien oppona xi wħud mill-​iżbalji tal-​knisja, hu baqaʼ Kattoliku. Madankollu, hu qatt ma ġie kundannat mill-​knisja bħala eretiku. Però, wara mewtu, il-​patrijiet Kattoliċi fanatiċi pprovaw jeqirdu l-​kitbiet tiegħu minħabba li kienu kunsidrati bħala li m’humiex għalkollox fi qbil mat-​tagħlim tal-​knisja. Sa żmien Luteru, l-​isem taʼ Wessel kien kważi ntesa, ma kien hemm xejn mix-​xogħlijiet tiegħu li ġie stampat, u ftit li xejn baqgħu jeżistu manuskritti. L-​ewwel edizzjoni tax-​xogħlijiet taʼ Wessel finalment ġiet pubblikata bejn l-​1520 u l-​1522. Din kienet tinkludi ittra miktuba minn Luteru li faħħar personalment ix-​xogħlijiet taʼ Wessel.

Għalkemm Wessel ma kienx Riformatur, bħalma kien Luteru, hu kkundanna fil-​beraħ xi wħud mill-​iżbalji li wasslu għar-​Riforma. Fil-​fatt, hu deskritt mis-​Cyclopedia taʼ McClintock u Strong bħala “wieħed mill-​iktar irġiel importanti tal-​Ġermanja li għen biex iħejji t-​triq għar-​Riforma.”

Luteru kien iħares lejn Wessel bħala alleat. L-​awtur C. Augustijn kiteb: “Luteru jqabbel żmienu u r-​riżultati li kellu maʼ dawk t’Elija. Sewwasew bħalma l-​profeta ħaseb li hu biss kien għad baqaʼ biex jiġġieled il-​gwerer t’Alla, hekk ukoll Luteru ħass li hu kien tassew waħdu fil-​ġlied tiegħu mal-​knisja. Imma malli qara x-​xogħlijiet taʼ Wessel hu rrealizza li l-​Mulej salva ‘fdal f’Iżrael.’” “Luteru wasal biex iddikjara: ‘Li kieku qrajt ix-​xogħlijiet tiegħu qabel, l-​għedewwa tiegħi jistgħu jaħsbu li Luteru tgħallem kollox minn Wessel, għaliex l-​attitudni tiegħu hija tassew fi qbil maʼ tiegħi.’”b

Se “Ssibu”

Meta seħħet ir-​Riforma, ma kinitx xi ħaġa li seħħet mil-​lum għall-​għada. L-​ideat li wasslu għar-​Riforma kienu ilhom ġejjin għal xi żmien. Wessel irrealizza li minħabba li l-​papiet kienu sejrin mill-​ħażin għall-​agħar fl-​aħħar mill-​aħħar dan kien se jwassal għax-​xewqa taʼ riforma. Hu darba qal lil student: “Tifel studjuż, int għad trid tara l-​jum meta t-​tagħlim taʼ . . . teoloġi ġellidin se jkun miċħud mill-​istudjużi kollha li huma Kristjani veri.”

Għalkemm Wessel għaraf xi ftit mill-​iżbalji u l-​abbużi taʼ żmienu, hu ma kellux l-​abbiltà li jikxef il-​verità kollha tal-​Bibbja. Xorta waħda, għalih il-​Bibbja kienet ktieb li għandu jinqara u jiġi studjat. Skond il-​ktieb A History of Christianity, Wessel “kien jgħid li, minħabba li hija ispirata mill-​Ispirtu Qaddis, il-​Bibbja hija l-​ogħla awtorità fuq kwistjonijiet taʼ fidi.” Fid-​dinja moderna, il-​Kristjani veri jemmnu li l-​Bibbja hija l-​Kelma ispirata t’Alla. (2 Timotju 3:​16) Madankollu, il-​veritajiet tal-​Bibbja m’għadhomx imċajprin jew diffiċli biex jinstabu. Illum, saħansitra iktar mill-​passat, il-​prinċipju tal-​Bibbja għadu jgħodd: “Ibqgħu fittxu, u ssibu.”​—Mattew 7:7; Proverbji 2:​1-6.

[Noti taʼ taħt]

a Dawn l-​irġiel ikkontribwew bil-​kbir għall-​istudju tal-​lingwi oriġinali tal-​Bibbja. Fl-​1506, Reuchlin ippubblika l-​grammatika Ebrajka tiegħu, li wasslet għal studju iktar fil-​fond taʼ l-​Iskrittura Ebrajka. Erasmus ippubblika edizzjoni tat-​test Grieg taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana fl-​1516 li ntuża bħala bażi minn tradutturi oħrajn.

b Wessel Gansfort (1419-​1489) and Northern Humanism, paġni 9, 15.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 14]

WESSEL U L-​ISEM T’ALLA

Fil-​kitbiet taʼ Wessel, l-​isem t’Alla ġeneralment huwa tradott “Johavah.” Madankollu, Wessel uża “Jehovah” mill-​inqas f’żewġ okkażjonijiet. Rigward l-​opinjonijiet taʼ Wessel, l-​awtur H. A. Oberman ikkonkluda li Wessel ħass li kieku Thomas Aquinas u oħrajn kienu jafu l-​Ebrajk, “huma kienu jiskopru li l-​isem t’Alla rivelat lil Mosè ma jfissirx ‘jien li jien,’ imma ‘se nkun dak li se nkun.’”c In-​New World Translation b’mod korrett tagħti t-​tifsira “Jien se nsir dak li se nsir.”​—Eżodu 3:​13, 14, NW.

[Nota taʼ taħt]

c Wessel Gansfort (1419-​1489) and Northern Humanism, paġna 105.

[Sors]

Manuskritt: Universiteitsbibliotheek, Utrecht

[Stampi f’paġna 15]

Wessel kien kontra l-​bejgħ taʼ l-​indulġenzi li kienu approvati mill-​Papa Sistu IV

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja