LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • my storja 61
  • David Isir Sultan

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • David Isir Sultan
  • Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Materjal Simili
  • David u Sawl
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Għala David Ikollu Jaħrab
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Punti mill-1 Samwel
    Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
  • “Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħek”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
my storja 61

STORJA 61

David Isir Sultan

SAWL jerġaʼ jipprova jaqbad lil David. Jieħu 3,000 mill-​aħjar suldati tiegħu u jmur ifittxu. Meta David isir jaf dwar dan, hu jibgħat xi spiji biex jaraw fejn Sawl u l-​irġiel tiegħu qed jikkampjaw għal matul il-​lejl. Imbagħad David jistaqsi lil tnejn mill-​irġiel tiegħu: ‘Min minnkom lest li jiġi miegħi fil-​kamp taʼ Sawl?’

Abisaj iwieġeb: ‘Jien niġi.’ Abisaj hu t-​tifel t’oħt David, Seruja. Waqt li Sawl u l-​irġiel tiegħu jkunu reqdin, David u Abisaj jidħlu nkiss inkiss ġol-​kamp. Huma jaqbdu l-​lanza taʼ Sawl u l-​buqar tal-​ilma tiegħu, li qiegħed eżatt ħdejn ras Sawl. Ħadd ma jarahom jew jismagħhom għax huma kollha reqdin fil-​fond.

Ara lil David u lil Abisaj issa. Huma ħarbu, u jinsabu qawwijin u sħaħ fuq l-​għolja. David jgħajjat lill-​kap tal-​armata t’Iżrael u jgħidlu: ‘Abner, għala m’intix qed tipproteġi ’l sidek, is-​sultan? Ara! Fejn huma l-​lanza u l-​buqar tal-​ilma tiegħu?’

Sawl jistenbaħ. Hu jagħraf leħen David u jistaqsi: ‘Dan int, David?’ Tistaʼ tara lil Sawl u lil Abner hemm isfel?

David iwieġeb lil Sawl: ‘Iva, sidi s-​sultan.’ U David jistaqsi: ‘Għala qed tipprova taqbadni? Jien x’għamilt ħażin? Hawn il-​lanza tiegħek, O sultan. Ħalli lil wieħed mill-​irġiel tiegħek jiġi u jiħodha.’

Sawl jammetti: ‘Jien żbaljajt. Aġixxejt t’iblah.’ ‘X’ħin jismaʼ dan, David jitlaq għal triqtu, u Sawl jerġaʼ lura d-​dar. Imma David jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Xi darba Sawl għad joqtolni. Imissni naħrab lejn l-​art tal-​Filistin.’ U hekk jagħmel. David jirnexxilu jidħaq bil-​Filistin u jġegħelhom jaħsbu li hu issa qiegħed fuq in-​naħa tagħhom.

Ftit taż-​żmien wara, il-​Filistin imorru jiġġieldu kontra Iżrael. Fil-​battalja, kemm Sawl u kemm Ġonatan jinqatlu. Dan inikket ħafna lil David, u hu jikteb għanja mill-​isbaħ, li fiha jkanta: ‘Jien imnikket minħabba fik, ħija Ġonatan. Kemm kont għażiż għalija!’

Wara dan David jirritorna Iżrael fil-​belt taʼ Ħebron. Hemm issir gwerra bejn l-​irġiel li jagħżlu lit-​tifel taʼ Sawl, Is-​boset, biex ikun sultan u dawk li jridu lil David bħala sultan. Imma fl-​aħħar l-​irġiel taʼ David jirbħu. David ikollu 30 sena meta jsir sultan. Għal seba’ snin u nofs isaltan f’Ħebron. Xi subien li jitwildulu hemm jisimhom Amnon, Absalom, u Adonija.

Jasal iż-​żmien meta David u l-​irġiel tiegħu jmorru jaqbdu belt sabiħa jisimha Ġerusalemm. Ġowab, iben ieħor t’oħt David, Seruja, jieħu t-​tmexxija fil-​battalja. Għalhekk, David jippremja lil Ġowab billi jagħmlu l-​kap tal-​armata tiegħu. Issa David jibda jaħkem fil-​belt taʼ Ġerusalemm.

1 Samwel 26:1-25; 27:1-7; 31:1-6; 2 Samwel 1:26; 3:1-21; 5:1-10; 1 Kronaki 11:1-9.

Mistoqsijiet għall-Istudju

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja