Kapitlu 10
L-Ispirti Mill-Agħar Huma Potenti
1. Għala ħafna nies jemmnu li jistgħu jitkellmu mal-mejtin?
TAʼ SPISS xi nies jgħidu li tkellmu mal-mejtin. Il-mejjet James A. Pike, li kien isqof Episkopali prominenti, qal li kien tkellem maʼ ibnu l-mejjet, Jim. Skond Pike, ibnu qallu: “Jien għandi folol sħaħ taʼ nies madwari u jdejn bħal li kieku qegħdin jgħolluni ’l fuq . . . Kont tant imdejjaq sakemm stajt ninformak.”
2. (a) Għala ħadd ma jistaʼ jitkellem mal-mejtin? (b) Mela liema mistoqsijiet iqumu?
2 Ladarba esperjenzi bħal dawn huma tant komuni, huwa evidenti li ħafna nies tkellmu maʼ xi ħadd mid-dinja taʼ l-ispirti. Imma ma tkellmux mal-mejtin. Il-Bibbja hija ċara ħafna meta tgħid: “Inkwantu għall-mejtin, m’huma konxji taʼ xejn affattu.” (Ekkleżjasti 9:5) Mela jekk m’humiex il-mejtin li qegħdin jitkellmu mid-dinja taʼ l-ispirti, min huma dawk li qegħdin jitkellmu? Min huma dawk li qegħdin jagħmluha taʼ bir-ruħhom li huma persuni mejtin?
3. (a) Min huma dawk li jagħmluha taʼ bir-ruħhom li huma persuni mejtin, u għala? (b) L-ispirti mill-agħar lil min taʼ spiss jagħtu tagħrif?
3 L-ispirti mill-agħar. Dawn l-ispirti, jew demonji, huma l-anġli li ngħaqdu maʼ Satana fl-irvell kontra Alla. Għala jagħmluha taʼ bir-ruħhom li huma nies li mietu? Huwa biex iġibu ’l quddiem l-idea li l-mejtin għadhom ħajjin. L-ispirti mill-agħar ukoll wasslu lil ħafna biex jemmnu l-gidba li l-mewt hija biss bidla għal ħajja oħra. Biex iferrxu din il-gidba, l-ispirti mill-agħar jipprovdu lil medji taʼ l-ispirti, lil dawk li jaqraw ix-xorti u lis-sħaħar, b’għarfien speċjali li donnu jkun ġej mingħand persuni li jkunu mietu.
JAGĦMEL TAʼ BIR-RUĦU LI HUWA L-MEJJET SAMWEL
4. (a) Is-Sultan Sawl għala kien iddisprat għall-għajnuna? (b) X’kienet tgħid il-liġi t’Alla rigward il-medji taʼ l-ispirti u dawk li jaqraw ix-xorti?
4 Hemm eżempju fil-Bibbja taʼ spirtu mill-agħar li għamel taʼ bir-ruħu li kien il-profeta mejjet t’Alla, Samwel. Dan kien fis-sena 40 tar-renju tas-Sultan Sawl. Armata potenti taʼ Filistej kienet ġiet kontra l-armata Iżraelita taʼ Sawl u dan kien beżgħan ħafna. Sawl kien jaf il-liġi t’Alla: “Iddurux lejn il-medji taʼ l-ispirti, u tikkonsultawx maʼ dawk li b’mod professjonali jbassru ġrajjiet, sabiex issiru mhux nodfa bihom.” (Levitiku 19:31) Maż-żmien, madankollu, Sawl tbiegħed minn Jehovah. Għalhekk Samwel, li f’dak iż-żmien kien ħaj, irrifjuta li jarah iżjed. (1 Samwel 15:35) U issa, f’dan iż-żmien taʼ inkwiet, is-Sultan Sawl ma kienx jaf fejn se jaqbad jagħti rasu għaliex Jehovah ma kienx qiegħed jismaʼ l-agħjat tiegħu għall-għajnuna.
5. (a) Sawl fejn mar għall-għajnuna? (b) Il-medju taʼ l-ispirti x’kellha l-ħila tagħmel?
5 Sawl tant kien ħerqan biex ikun jaf x’se jiġri li mar għand medju taʼ l-ispirti f’En-dor. Hi kellha l-ħila ġġib forma taʼ bniedem li hi setgħet tara. Mid-deskrizzjoni tagħha taʼ dik il-forma, Sawl identifikaha bħala “Samwel.” Għal dan, l-ispirtu, li kien qiegħed jilgħabha taʼ Samwel, tkellem: “Għala ddisturbajtni billi ġibtni hawn fuq?” Sawl wieġeb: “Qiegħed f’qagħda mwiegħra ferm, peress li l-Filistej qegħdin jiġġieldu kontra tiegħi.” L-ispirtu wieġeb: “Għala, allura, tistaqsi lili, meta Jehovah innifsu telqek u jagħti prova li hu l-avversarju tiegħek?” L-ispirtu mill-agħar, li kien qiegħed jippretendi li kien il-mejjet Samwel, imbagħad issokta jgħid lil Sawl li kien se jinqatel fil-battalja mal-Filistej.—1 Samwel 28:3-19.
6. Għala ma setax kien Samwel li tkellem maʼ Sawl?
6 Ovvjament, ma kienx tassew lil Samwel li l-medju taʼ l-ispirti kienet ikkuntattjat. Samwel kien mejjet, u mal-mewt dak li jkun “jerġaʼ lura lejn l-art tiegħu; f’dak il-jum ħsibijietu tassew jgħibu.” (Salm 146:4) Ftit tal-ħsieb fuq din il-kwistjoni jkompli jurina li l-leħen ma kienx tassew dak tal-mejjet Samwel. Samwel kien il-profeta t’Alla. Mela kien oppona lill-medji taʼ l-ispirti. U, bħalma rajna, waqt li kien ħaj ma riedx jitkellem iktar maʼ Sawl id-diżubbidjent. Mela, allura, kieku Samwel kien għadu ħaj, kien iħalli lill-medju taʼ l-ispirti tirranġalu biex jiltaqaʼ maʼ Sawl? Aħseb ukoll: Jehovah ma kien ried jagħti ebda tagħrif lil Sawl. Setgħet medju taʼ l-ispirti ġġiegħel lil Jehovah jagħti messaġġ lil Sawl permezz tal-mejjet Samwel? U kieku l-ħajjin setgħu fil-fatt jitkellmu mal-maħbubin tagħhom li mietu, żgur li Alla taʼ mħabba ma kienx se jgħidilhom li kienu saru “mniġġsin” għax daru lejn medju taʼ l-ispirti.
7. Alla liema twissija ta biex jipproteġi lill-poplu tiegħu mill-ispirti mill-agħar?
7 Il-fatt huwa li spirti mill-agħar huma determinati li jagħmlu ħsara lill-bnedmin, u għalhekk Jehovah jagħti twissijiet biex jipproteġi lill-qaddejja tiegħu. Aqra t-twissija li ġejja lill-ġens taʼ Iżrael. Din tagħtik idea taʼ xi metodi li jużaw id-demonji biex jiżvijaw lin-nies. Il-Bibbja tgħid: “M’għandux jinstab ġo fik . . . xi ħadd li juża t-tbassir, xi ħadd li jipprattika l-maġija jew xi ħadd li jfittex għal għeliem jew xi saħħâr, jew wieħed li jagħmel magħmul lil oħrajn jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medju taʼ l-ispirti jew maʼ bassâr tal-ġrajjiet professjonali jew xi ħadd li jistħarreġ mingħand il-mejtin. Għax kulmin qiegħed jagħmel dawn l-affarijiet hu ħaġa moqżieża għal Jehovah.” (Dewteronomju 18:10-12) Għandna nkunu rridu nfittxu kif l-ispirti mill-agħar qegħdin jagħmlu l-ħsara lil xi nies illum u kif nistgħu nipproteġu rwieħna minnhom. Imma qabel ma nsiru nafu dwar dan, ejjew nikkunsidraw meta u kif dawn l-ispirti mill-agħar ingħataw bidu.
ANĠLI LI SARU SPIRTI MILL-AGĦAR
8. (a) Satana lil min ġiegħel ukoll jirribella kontra Alla? (b) Wara li waqfu minn xogħolhom fis-sema, fejn marru?
8 Billi gideb lil Eva fil-ġnien t’Għeden, ċertu ħlejqa anġelika għamel lilu nnifsu l-ispirtu mill-agħar Satana x-Xitan. Wara beda jipprova jġiegħel lil anġli oħrajn biex huma wkoll iduru kontra Alla. Maż-żmien irnexxielu. Xi anġli waqfu mix-xogħol li Alla kien tahom biex jagħmlu fis-sema, u niżlu fuq l-art u għamlu għalihom infushom iġsma tal-laħam bħal dawk tal-bnedmin. Id-dixxiplu Kristjan Ġuda kiteb dwarhom meta semmaʼ “l-anġli li ma żammewx il-pożizzjoni oriġinali tagħhom imma abbandunaw il-post xieraq tagħhom stess fejn jgħammru.” (Ġuda 6) Għala ġew fuq l-art? Liema xewqa żbaljata poġġielhom Satana f’qalbhom biex ġegħilhom iħallu l-pożizzjonijiet mill-aħjar li kellhom fis-sema?
9. (a) L-anġli għala niżlu fl-art? (b) Il-Bibbja kif turi li dak li għamlu kien ħażin?
9 Il-Bibbja tgħarrafna meta tgħid: “Ulied dak Alla veru bdew jinnotaw lill-ulied bniet tal-bnedmin, li kienu sbieħ; u bdew jieħdu nisa għalihom infushom, jiġifieri, dawk kollha li għażlu.” (Ġenesi 6:2) Iva, l-anġli libsu iġsma tal-laħam, u ġew fuq l-art biex ikollhom relazzjonijiet sesswali maʼ nisa sbieħ. Imma relazzjonijiet taʼ mħabba bħal dawn kienu żbaljati għall-anġli. Dan kien att taʼ diżubbidjenza. Il-Bibbja tindika li dak li għamlu kien żbaljat daqs l-atti omosesswali tan-nies taʼ Sodom u Gomorra. (Ġuda 6, 7) X’irriżulta?
10, 11. (a) L-anġli xi kwalità taʼ tfal kellhom? (b) L-iġganti xi ġralhom meta ġie d-dilluvju? (ċ) L-anġli xi ġralhom fi żmien id-dilluvju?
10 Sewwa, lil dawn l-anġli u lin-nisa tagħhom tweldulhom trabi. Imma dawn it-trabi kienu differenti. Baqgħu jikbru u jikbru sakemm saru ġganti, iva, ġganti mill-agħar. Il-Bibbja ssejħilhom “uħud setgħanin li kienu mill-qedem, l-irġiel taʼ fama.” Dawn l-iġganti pprovaw iġiegħlu lil kulħadd isir ħażin bħalma kienu huma. B’riżultat taʼ dan, il-Bibbja tgħid li “l-ħażen tal-bniedem kien kotran fl-art u kull xaqliba tal-ħsibijiet taʼ qalbu kienet biss ħażina l-ħin kollu.” (Ġenesi 6:4, 5) Għalhekk Jehovah ġab id-dilluvju. L-iġganti, jew “Nefilim,” u n-nies mill-agħar kollha ġew mgħarrqin. Imma xi ġralhom l-anġli li kienu ġew fuq l-art?
11 Huma m’għerqux. Warrbu l-iġsma tal-laħam tagħhom u marru lura lejn is-sema bħala spirti. Imma ma reġgħux tħallew isiru parti mill-organizzazzjoni t’Alla t’anġli qaddisin. Minflok, il-Bibbja tgħid li “Alla ma żammx lura milli jikkastiga lill-anġli li dinbu, imma, billi tefagħhom ġewwa Tartarus, ikkunsinnahom f’ħofor taʼ dlam ċappa biex ikunu riservati għall-ġudizzju.”—2 Pietru 2:4.
12. (a) L-anġli mill-agħar xi ġralhom meta marru lura fis-sema? (b) Għala ma jistgħux jieħdu mill-ġdid iġsma umani? (ċ) Mela issa x’qegħdin jagħmlu?
12 Dawn l-anġli mill-agħar ma ġewx mitfugħin f’post litterali msejjaħ Tartarus. Minflok, il-kelma Tartarus, li f’xi Bibbji hija tradotta b’mod żbaljat “infern,” tirreferi għall-kundizzjoni umiljanti jew midinba taʼ dawn l-anġli. Huma ġew maqtugħin mid-dawl spiritwali taʼ l-organizzazzjoni t’Alla, u għandhom biss qerda taʼ dejjem tistenniehom. (Ġakbu 2:19; Ġuda 6) Mid-dilluvju ’l hawn, Alla ma ppermettiex lil dawn l-anġli demoniċi li jieħdu iġsma tal-laħam, u għalhekk ma jistgħux jissodisfaw direttament ix-xewqat sesswali u mhux naturali tagħhom. Madankollu, għadhom jistgħu jeżerċitaw qawwa perikoluża fuq l-irġiel u n-nisa. Fil-fatt, bil-għajnuna taʼ dawn id-demonji Satana qiegħed “jiżvija lill-art abitata kollha kemm hija.” (Rivelazzjoni 12:9) Iż-żjieda kbira llum fil-kriminalità sesswali, vjolenza u għemil ħażin ieħor turi l-bżonn tagħna li ngħassu biex ma niġux żvijati minnhom.
KIF L-ISPIRTI MILL-AGĦAR JIŻVIJAW
13. (a) L-ispirti mill-agħar kif jiżvijaw? (b) X’inhu l-ispiritiżmu, u l-Bibbja x’tgħid dwaru?
13 Iktar kmieni tgħallimna li Satana, bħala “l-alla taʼ din is-sistema t’affarijiet,” juża l-gvernijiet dinjin u r-reliġjon falza biex lin-nies iżommhom fl-għama għall-veritajiet tal-Bibbja. (2 Korintin 4:4) Mod importanti ieħor li bih l-ispirti mill-agħar jiżvijaw lill-irġiel u n-nisa huwa permezz taʼ l-ispiritiżmu. X’inhu l-ispiritiżmu? Huwa li wieħed jikkuntattja maʼ l-ispirti mill-agħar, jew direttament jew permezz taʼ medju uman. L-ispiritiżmu jġib lil dak li jkun taħt l-influwenza tad-demonji. Il-Bibbja twissina biex inżommu ħelsin minn kull drawwa li għandha x’taqsam maʼ l-ispiritiżmu.—Galatin 5:19-21; Rivelazzjoni 21:8.
14. (a) It-tbassir x’inhu? (b) Il-Bibbja x’tgħid dwaru?
14 It-tbassir huwa għamla komuni ħafna taʼ spiritiżmu. Huwa d-drawwa taʼ li wieħed jipprova jitkixxef dwar il-futur, jew dwar ħaġa m’hijiex magħrufa, bil-għajnuna taʼ spirti li ma jidhrux. Dan jidher minn dak li kiteb id-dixxiplu Kristjan Luqa: “Ċerta qaddejja bi spirtu, demonju taʼ tbassir, iltaqgħet magħna. Hi kienet tipprovdi ħafna qligħ lis-sidien tagħha billi tipprattika l-arti tat-tbassir.” L-appostlu Pawlu kellu l-ħila jeħles lit-tfajla mill-qawwa taʼ dan l-ispirtu mill-agħar, u hi ma setgħetx iżjed tbassar il-futur.—Atti 16:16-19.
15. (a) X’inhuma xi affarijiet li għandhom x’jaqsmu maʼ l-ispiritiżmu? (b) Għala huwa perikoluż li tieħu sehem f’affarijiet bħal dawn?
15 Ħafna nies huma interessati fl-ispiritiżmu minħabba li huwa misterjuż u stramb. Dan jaffaxxinahom. Għalhekk jinvolvu ruħhom fis-seħer, fil-prattika tal-vudu, fl-ipnotiżmu, fil-maġija, fl-astroloġija, fil-Ouija boards jew xi ħaġa oħra li għandha x’taqsam maʼ l-ispiritiżmu. Għandhom mnejn jaqraw xi kotba dwar dawn l-affarijiet, jew imorru jaraw films jew jaraw programmi fuq it-televixin dwarhom. Għandhom mnejn saħansitra jattendu f’xi laqgħa fejn il-medju jipprova jikkuntattja lid-dinja taʼ l-ispirti. Imma dan kollu m’huwiex għaqli għal dak li jrid jaqdi lil dak Alla veru. Huwa wkoll perikoluż. Dan jistaʼ jwassal għal inkwiet kbir issa. Ukoll, Alla se jagħmel ħaqq u jwarrab minnu lil dawk kollha li jipprattikaw l-ispiritiżmu.—Rivelazzjoni 22:15.
16. Il-Bibbja kif turi li l-Kristjani għandhom ġlieda kontra spirti mill-agħar?
16 Saħansitra meta wieħed jagħmel kulma jistaʼ biex iżomm ħieles mill-ispiritiżmu, xorta waħda jistaʼ jiġi attakkat minn spirti mill-agħar. Ftakar li Ġesù Kristu semaʼ l-leħen tax-Xitan innifsu meta ttantah biex jikser il-liġi t’Alla. (Mattew 4:8, 9) Qaddejja t’Alla oħrajn ukoll ġew attakkati b’dan il-mod. L-appostlu Pawlu qal: “Għandna sarâr . . . kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fl-imkejjen tas-sema.” Dan ifisser li kull qaddej t’Alla jrid ‘jieħu l-libsa sħiħa tal-ħadid mingħand Alla, biex [hu] jkun jistaʼ jirreżisti.’—Efesin 6:11-13.
NIRREŻISTU L-ATTAKKI TAʼ SPIRTI MILL-AGĦAR
17. X’għandek tagħmel jekk “leħen” mid-dinja taʼ l-ispirti jkellmek?
17 X’għandek tagħmel jekk “leħen” mid-dinja taʼ l-ispirti jkellmek? X’jiġri jekk dan il-“leħen” jippretendi li huwa xi wieħed mill-qraba li jkun miet jew xi spirtu tajjeb? Sewwa, x’għamel Ġesù meta l-“ħakkiem tad-demonji” kellmu? (Mattew 9:34) Hu qal: “Mur ’l hemm, Satana!” (Mattew 4:10) Int ukoll tistaʼ tagħmel bħalu. Ukoll, tistaʼ ssejjaħ lil Jehovah għall-għajnuna. Itlob għajjat u uża l-isem t’Alla. Ftakar li hu b’saħħtu iktar mill-ispirti mill-agħar. Segwi din il-korsa għaqlija. Tagħtix widen għal ilħna bħal dawn mid-dinja taʼ l-ispirti. (Proverbji 18:10; Ġakbu 4:7) Dan ma jfissirx li kull min jismaʼ xi “ilħna” jkunu qegħdin ikellmuh id-demonji. Xi drabi, is-smigħ taʼ ilħna jistaʼ jiġi attribwit lil xi mard fiżiku jew mentali.
18. X’eżempju tal-Kristjani bikrin f’Efesu huwa tajjeb li wieħed isegwi jekk irid jinqataʼ mill-ispiritiżmu?
18 Għandu mnejn f’xi żmien int kont tieħu sehem f’xi drawwa taʼ l-ispiritiżmu u issa trid tinqataʼ. X’tistaʼ tagħmel? Sewwa, ikkunsidra l-eżempju taʼ Kristjani bikrin f’Efesu. Wara li aċċettaw il-“kelma taʼ Jehovah” ippridkata mill-appostlu Pawlu, il-Bibbja tgħid: “Għadd sostanzjali minn dawk li pprattikaw l-arti tal-maġija ġabu l-kotba tagħhom flimkien u ħarquhom quddiem kulħadd.” U dawn il-kotba kienu jiswew 50,000 biċċa tal-fidda! (Atti 19:19, 20) Bħal dawk li saru segwaċi taʼ Kristu f’Efesu, jekk għandek xi oġġetti fil-pussess tiegħek li għandhom x’jaqsmu direttament maʼ l-ispiritiżmu l-korsa għaqlija hija li teqridhom jiswew kemm jiswew.
19. (a) Il-biċċa l-kbira tan-nies li jieħdu sehem fl-ispiritiżmu x’ma jafux? (b) Jekk irridu ngħixu għal dejjem fl-hena fuq l-art, x’irridu nagħmlu?
19 Ladarba llum hemm tant interess f’dak li huwa stramb u misterjuż, iktar u iktar nies qegħdin jinvolvu ruħhom fl-ispiritiżmu. Il-biċċa l-kbira minn dawn, madankollu, ma jafux li fil-fatt qegħdin jinvolvu ruħhom maʼ spirti mill-agħar. Dan m’huwiex xi logħob innoċenti. L-ispirti mill-agħar għandhom qawwa li jweġġgħu u jagħmlu ħsara. Huma feroċi. U qabel ma Kristu jaqfilhom fil-qerda għal dejjem, qegħdin jagħmlu kulma jistgħu biex iġibu lill-bnedmin taħt il-qawwa mill-agħar tagħhom. (Mattew 8:28, 29) Mela jekk trid tgħix għal dejjem fl-hena fuq l-art wara li jitneħħa l-ħażen kollu, teħtieġ li żżomm ħieles mill-qawwa tad-demonji billi żżomm ’il bogħod minn kull xorta taʼ spiritiżmu.
[Stampa f’paġna 91]
Il-medju taʼ l-ispirti t’En-dor lil min ikkuntattjat?
[Stampi f’paġna 92, 93]
L-ulied anġeliċi t’Alla nnotaw lill-bniet tal-bnedmin
[Stampa f’paġna 94]
L-anġli li mmaterjalizzaw m’għerqux. Neħħew l-iġsma tal-laħam tagħhom u marru lura fis-sema
[Stampa f’paġna 97]
Il-Bibbja twissi: ‘Żomm ħieles minn kull xorta taʼ spiritiżmu’
[Stampa f’paġna 98]
Dawk li saru Kristjani f’Efesu ħarqu l-kotba tagħhom dwar l-ispiritiżmu—eżempju mill-aħjar għalina llum