Kapitlu 12
Irreżisti l-Forzi taʼ l-Ispirti mill-Agħar
1. Ġesù kif irreaġixxa meta ltaqaʼ maʼ spirti mill-agħar?
PREĊIŻ wara l-magħmudija tiegħu, Ġesù Kristu mar fix-xagħri tal-Ġudea biex jitlob u jimmedita. Hemmhekk Satana x-Xitan ipprova jġiegħlu jikser il-liġi t’Alla. Madankollu, Ġesù rrifjuta l-lixka tax-Xitan u ma nqabadx fin-nasba tiegħu. Ġesù ffaċċja spirti mill-agħar oħrajn matul il-ministeru tiegħu fuq l-art. Madankollu, darba wara l-oħra, hu ċanfarhom u rreżistiehom.—Luqa 4:1-13; 8:26-34; 9:37-43.
2. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
2 Ir-rakkonti Bibliċi li jiddeskrivu dawk il-konfronti għandhom jikkonvinċuna li l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar tassew jeżistu. Huma jipprovaw jiżvijaw lin-nies. Madankollu, aħna nistgħu nirreżistuhom lil dawn l-ispirti mill-agħar. Imma l-ispirti mill-agħar minfejn jiġu? Għala jipprovaw iqarrqu bin-nies? U liema metodi jużaw biex jiksbu l-finijiet taʼ moħħhom? Li ssib it-tweġibiet għal mistoqsijiet bħal dawn se jgħinek tirreżisti lill-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar.
L-ISPIRTI MILL-AGĦAR—L-ORIĠINI U L-MIRA TAGĦHOM
3. Satana x-Xitan kif sar hekk?
3 Alla Jehovah għamel għadd kbir taʼ ħlejjaq spirti ħafna qabel ma ħalaq lill-bnedmin. (Ġob 38:4, 7) Bħalma ġie spjegat f’Kapitlu 6, wieħed minn dawn l-anġli żviluppa xewqa li jkollu l-bnedmin iqimu lilu minflok ma jqimu lil Jehovah. Billi segwa dak l-oġġettiv, dan l-anġlu mill-agħar irreżista u kkalunnja lill-Ħallieq, saħansitra billi lill-ewwel mara ssuġġerielha li Alla kien giddieb. B’mod xieraq, allura, dan il-ħlejqa spirtu ribelluż sar magħruf bħala Satana (wieħed li jirreżisti) x-Xitan (kalunnjatur).—Ġenesi 3:1-5; Ġob 1:6.
4. Ċerti anġli kif dinbu fi żmien Noè?
4 Iktar tard, anġli oħrajn marru fuq in-naħa taʼ Satana x-Xitan. Fi żmien ir-raġel twajjeb Noè, xi wħud minn dawn abbandunaw is-servizz tagħhom fis-sema u libsu iġsma tal-laħam biex jissodisfaw il-kilba tagħhom għal relazzjonijiet sesswali maʼ nisa taʼ l-art. Satana bla dubju influwenza lil dawk l-anġli biex jaqbdu dik il-korsa diżubbidjenti. Dan wassal għal li huma saru missirijiet taʼ nisel bagħal imsejjaħ Nefilim, li saru bulijiet vjolenti. Meta Jehovah ikkaġuna l-Għarqa l-kbira, din qerdet lill-umanità li kienet ġiet korrotta u lil din il-ġenerazzjoni mhix naturali t’anġli diżubbidjenti. L-anġli ribellużi skappaw il-qerda billi neżgħu l-iġsma tal-laħam tagħhom u rritornaw lejn il-qasam taʼ l-ispirti. Imma Alla rażżan lil dawn id-demonji billi ttrattahom bħala eżiljati fi dlam spiritwali. (Ġenesi 6:1-7, 17; Ġuda 6) Satana, “il-prinċep tax-xjaten,” u l-anġli mill-agħar tiegħu minkejja dan baqgħu sejrin bl-irvell tagħhom. (Luqa 11:15) X’inhi l-mira tagħhom?
5. Satana u d-demonji tiegħu liema oġġettiv għandhom, u x’jużaw biex jonsbu lin-nies?
5 L-oġġettiv mill-agħar taʼ Satana u d-demonji huwa li jdawru lin-nies kontra Alla Jehovah. Għalhekk, dawn l-uħud mill-agħar ilhom jiżvijaw, ibeżżgħu, u jassaltaw lin-nies matul l-istorja umana kollha. (Apokalissi 12:9) Eżempji taż-żmien modern jikkonfermaw li l-agressjoni mid-demonji hija iktar kattiva issa milli qatt kienet qabel. Biex jonsbu lin-nies, id-demonji taʼ spiss jużaw l-ispiritiżmu fil-forom kollha tiegħu. Id-demonji kif jużawha din il-lixka, u kif tistaʼ int tiddefendi lilek innifsek?
KIF L-ISPIRTI MILL-AGĦAR JIPPROVAW JIŻVIJAWK
6. X’inhu l-ispiritiżmu, u liema huma xi forom tiegħu?
6 X’inhu l-ispiritiżmu? Huwa involviment mad-demonji, jew spirti mill-agħar, kemm direttament u kemm permezz taʼ medju uman. L-ispiritiżmu jagħmel għad-demonji dak li l-lixka tagħmel għall-kaċċaturi: Tattira l-priża. U sewwa sew bħalma kaċċatur juża varjetà taʼ lixki biex jiġbed lill-annimali għal ġon-nasba tiegħu, hekk ukoll l-ispirti mill-agħar jinkuraġġixxu diversi forom taʼ spiritiżmu biex iġibu lill-bnedmin taħt il-kontroll tagħhom. (Qabbel Salm 119:110.) Xi wħud minn dawn il-forom huma t-teħbir, il-maġija, it-tbassir, is-seħer, il-magħmul, l-ikkonsultar mal-medji, u l-kuntatt mal-mejtin.
7. Kemm huwa mifrux l-ispiritiżmu, u għala jiffjorixxi saħansitra fl-hekk imsejħin pajjiżi Kristjani?
7 Il-lixka tirnexxi, għax l-ispiritiżmu jattira nies minn madwar id-dinja. Dawk li qegħdin jgħixu ġo villaġġi fil-ġungla jmorru għand is-sħaħar, u wħud li jaħdmu fl-uffiċini fl-ibliet jikkonsultaw l-astroloġi. L-ispiritiżmu jiffjorixxi saħansitra fl-hekk imsejħin pajjiżi Kristjani. Ir-riċerka tindika li fl-Istati Uniti biss, madwar 30 rivista li flimkien iċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija taʼ ’l fuq minn 10,000,000, huma ddedikati għal diversi forom taʼ spiritiżmu. Il-Brażiljani jonfqu ’l fuq minn 500 miljun dollaru fuq oġġetti spiritistiċi kull sena. Madankollu, 80 fil-mija taʼ dawk li jiffrekwentaw ċentri spiritistiċi taʼ qima f’dak il-pajjiż huma Kattoliċi mgħammdin li jmorru wkoll il-Quddies. Minħabba l-fatt li xi membri tal-kleru jipprattikaw l-ispiritiżmu, ħafna nies reliġjużi jaħsbu illi li jipprattikaw dan huwa aċċettabbli għal Alla. Imma huwa hekk?
GĦALA L-BIBBJA TIKKUNDANNA L-PRATTIKA TAʼ L-ISPIRITIŻMU
8. Liema hija l-ħarsa Skritturali dwar l-ispiritiżmu?
8 Jekk int ġejt mgħallem li xi forom taʼ spiritiżmu huma mezzi biex tikkuntattja l-ispirti tajbin, tistaʼ tibqaʼ sorpriż meta ssir taf dak li tgħid il-Bibbja dwar l-ispiritiżmu. In-nies taʼ Jehovah kienu mwissijin: “La tmurx għand is-saħħara li jsejħu l-erwieħ u la tfittxux lil min jeħber; la tiċċap[p]sux bihom.” (Levitiku 19:31; 20:6, 27) Il-ktieb Bibliku t’Apokalissi jagħti t-twissija li s-“saħħara [“dawk li jipprattikaw l-ispiritiżmu,” NW]” se jispiċċaw fil-“belliegħa tan-nar iħegġeġ u tal-kubrit; din hi t-tieni [għal dejjem] mewt.” (Apokalissi 21:8; 22:15) Il-forom kollha taʼ spiritiżmu huma diżapprovati minn Alla Jehovah. (Dewteronomju 18:10-12) Dak għala huwa hekk?
9. Għala nistgħu nikkonkludu li l-messaġġi tal-lum mid-dinja taʼ l-ispirti m’humiex mingħand Jehovah?
9 Jehovah bagħat spirti tajbin, jew anġli twajbin, biex jikkomunika maʼ xi bnedmin qabel ma tlestiet il-Bibbja. Minn mindu din tlestiet, il-Kelma t’Alla pprovdiet il-gwida li l-bnedmin jinħtieġu biex jaqdu lil Jehovah b’mod aċċettabbli. (2 Timotju 3:16, 17; Lhud 1:1, 2) Hu ma jinjorax il-Kelma mqaddsa tiegħu billi jagħti messaġġi lill-medji. Il-messaġġi kollha tal-preżent bħal dawn mid-dinja taʼ l-ispirti jiġu mingħand spirti mill-agħar. Il-prattika taʼ l-ispiritiżmu tistaʼ twassal għal turment mid-demonji jew saħansitra ppossessar mill-ispirti mill-agħar. Għalhekk, Alla bl-imħabba kollha jwissina biex ma ninvolvux ruħna fi kwalunkwe prattiċi spiritistiċi. (Dewteronomju 18:14; Galatin 5:19-21) Iktar minn hekk, jekk inkomplu nipprattikaw l-ispiritiżmu wara li nkunu sirna nafu l-ħarsa taʼ Jehovah dwar dan, aħna nkunu qegħdin inżommu man-naħa taʼ l-ispirti mill-agħar ribellużi u nkunu għedewwa t’Alla.—1 Samwel 15:23; 1 Kronaki 10:13, 14; Salm 5:5 (5:4, NW).
10. X’inhi d-divinazzjoni, u għala għandna nevitawha?
10 Għamla popolari waħda taʼ spiritiżmu hija d-divinazzjoni—li wieħed jipprova jitkixxef dwar il-futur jew dak li mhux magħruf bil-għajnuna taʼ l-ispirti. Xi forom taʼ divinazzjoni huma l-astroloġija, l-iċċassar fil-boċċa tal-kristall, l-interpretazzjoni tal-ħolm, il-qari taʼ l-idejn, u l-qari tax-xorti bl-użu tal-karti tat-tarot. Ħafna jqisu lid-divinazzjoni bħala divertiment li ma jagħmilx ħsara, imma l-Bibbja turi li dawk li jaqraw ix-xorti u l-ispirti mill-agħar imorru id f’id. Per eżempju, Atti 16:16-19 isemmi ‘spirtu li jaqra x-xorti’ li ta l-abbiltà lil ċerta tfajla biex tipprattika t-“teħbir.” Madankollu, l-abbiltà tagħha li tbassar il-futur intilfet meta d-demonju ġie mkeċċi. B’mod ċar, id-divinazzjoni hija lixka wżata mid-demonji biex jiġbdu lin-nies għal ġon-nasba tagħhom.
11. L-attentati biex wieħed jikkomunika mal-mejtin kif iwasslu lil dak li jkun f’nasba?
11 Jekk int tinsab imnikket minħabba l-mewt taʼ xi membru maħbub tal-familja jew xi ħabib tal-qalb, tistaʼ faċilment tiġi miġbud minn lixka oħra. Medju taʼ l-ispirti għandu mnejn jagħtik informazzjoni speċjali jew għandu mnejn jitkellem b’vuċi li tidher li hija dik tal-persuna mejta. Attent! Attentati biex tikkomunika mal-mejtin idaħħluk f’nasba. Għala? Għaliex il-mejtin ma jistgħux jitkellmu. Bħalma bla dubju tiftakar, il-Kelma t’Alla tgħid ċar u tond li mal-mewt individwu “lejn l-art jerġaʼ jmur; jintemmu dak in-nhar ħsibijietu.” Il-mejtin “ma jafu xejn.” (Salm 146:4; Koħelet 9:5, 10) Iktar minn hekk, huma attwalment id-demonji li kienu u għadhom magħrufin li jimitaw il-vuċi tal-mejtin u li jagħtu lil medju taʼ l-ispirti informazzjoni dwar il-wieħed li jkun miet. (1 Samwel 28:3-19) Mela “min . . . jistħarreġ il-mejtin” qiegħed jaqaʼ fin-nasba taʼ l-ispirti mill-agħar u qiegħed jaġixxi kontra r-rieda t’Alla Jehovah.—Dewteronomju 18:11, 12; Isaija 8:19.
MINN LI JATTIRAW GĦAL LI JATTAKKAW
12, 13. Liema evidenza hemm li d-demonji jippersistu f’li jittantaw u jitturmentaw lin-nies?
12 Meta taġixxi fi qbil mal-parir tal-Kelma t’Alla rigward l-ispiritiżmu, int tistmerr il-lixka tad-demonji. (Qabbel Salm 141:9, 10; Rumani 12:9.) Ifisser dan li l-ispirti mill-agħar se jieqfu milli jipprovaw jaħtfuk taħt idejhom? Bl-ebda mod! Wara li ttanta lil Ġesù għal tliet darbiet, Satana “telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.” (Luqa 4:13) Bl-istess mod, spirti stinati mhux biss jattiraw lin-nies imma wkoll jattakkawhom.
13 Ftakar meta iktar qabel ikkunsidrajna l-attakk taʼ Satana fuq il-qaddej t’Alla, Ġob. Ix-Xitan ikkaġuna t-telf tal-bhejjem tiegħu u l-mewt tal-biċċa l-kbira mill-qaddejja tiegħu. Satana saħansitra qatel lit-tfal taʼ Ġob. Imbagħad, laqat lil Ġob innifsu b’marda taʼ wġigħ. Imma Ġob żamm l-integrità tiegħu lejn Alla u kien imbierek bil-kbir. (Ġob 1:7-19; 2:7, 8; 42:12) Minn dak in-nhar ’l hawn, id-demonji għamlu lil xi nies muti u għomja u komplew jixxalaw bis-sofferenza tal-bnedmin. (Mattew 9:32, 33; 12:22; Mark 5:2-5) Illum, rapporti juru li d-demonji jitturmentaw sesswalment lil xi wħud u jwasslu lil xi oħrajn biex jiġġennu. Huma jqanqlu jerġaʼ oħrajn għal qtil u suwiċidju, li huma dnubiet kontra Alla. (Dewteronomju 5:17; 1 Ġwann 3:15) Minkejja dan, eluf taʼ nies li darba kienu fin-nassa taʼ dawn l-ispirti mill-agħar kellhom il-ħila jeħilsu lilhom infushom. Dan kif kien possibbli għalihom? Għamlu dan billi ħadu passi vitali.
KIF TIRREŻISTI L-ISPIRTI MILL-AGĦAR
14. F’armonija maʼ l-eżempju tal-Kristjani Efesin taʼ l-ewwel seklu, kif tistaʼ int tirreżisti lill-ispirti mill-agħar?
14 X’inhu mod wieħed li bih tistaʼ tirreżisti lill-ispirti mill-agħar u tipproteġi lilek innifsek u lill-familja tiegħek min-nases tagħhom? Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu f’Efesu li kienu pprattikaw l-ispiritiżmu qabel ma saru kredenti ħadu passi pożittivi. Naqraw li “bosta minn dawk li qabel kienu jagħmlu s-sħarijiet ġiebu l-kotba tagħhom u ħarquhom quddiem kulħadd.” (Atti 19:19) Saħansitra jekk int ma pprattikajtx l-ispiritiżmu, eħles minn kwalunkwe ħaġa li għandha użu spiritistiku jew xi ħaġa konnessa miegħu. Dan jinkludi kotba, rivisti, vidjos, kartelluni, siltiet mużikali, u oġġetti wżati għal skopijiet spiritistiċi. Inklużi wkoll huma l-idoli, l-amuleti u affarijiet oħrajn li jintlibsu għal protezzjoni, u xi għotjiet li ngħatawlek minn uħud li jipprattikaw l-ispiritiżmu. (Dewteronomju 7:25, 26; 1 Korintin 10:21) Biex nagħtu eżempju: Koppja miżżewġa fit-Tajlandja kienet ilha tiġi tturmentata mid-demonji. Imbagħad ħelsu minn oġġetti assoċjati maʼ l-ispiritiżmu. X’kien ir-riżultat? Kisbu serħan mill-attakki demoniċi u minn dak in-nhar tassew għamlu progress spiritwali.
15. F’li wieħed jirreżisti lill-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar, liema huwa pass ieħor neċessarju?
15 Sabiex tirreżisti lill-ispirti mill-agħar, pass neċessarju ieħor huwa li tapplika l-parir taʼ l-appostlu Pawlu biex tilbes il-libsa spiritwali sħiħa tal-ħadid mogħtija minn Alla. (Efesin 6:11-17) Il-Kristjani jridu jiffortifikaw id-difiżi tagħhom kontra l-ispirti mill-agħar. Dan il-pass x’jinkludi? “Fuq kollox,” [KŻ] qal Pawlu, “ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi, li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-ħażin.” Tabilħaqq, iktar ma tkun soda l-fidi tiegħek, akbar se tkun l-abbiltà tiegħek biex tirreżisti lill-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar.—Mattew 17:14-20.
16. Kif tistaʼ ssaħħaħ il-fidi tiegħek?
16 Kif tistaʼ ssaħħaħ il-fidi tiegħek? Billi tkompli tistudja l-Bibbja u tapplika l-pariri tagħha f’ħajtek. Kemm hija qawwija l-fidi taʼ individwu jiddependi l-iktar minn kemm hija soda l-bażi tagħha—l-għarfien dwar Alla. Ma taqbilx int li l-għarfien eżatt li ksibt u ħadt bis-serjetà hekk kif studjajt il-Bibbja bena l-fidi tiegħek? (Rumani 10:10, 17) Bla dubju, għalhekk, hekk kif tkompli dan l-istudju u tagħmilha drawwa li tattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah, il-fidi tiegħek se tiġi ffortifikata saħansitra iktar. (Rumani 1:11, 12; Kolossin 2:6, 7) Dan se jkun sur qawwi kontra l-attakki tad-demonji.—1 Ġwann 5:5.
17. Liema passi oħrajn jistgħu jkunu neċessarji f’li wieħed jirreżisti lill-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar?
17 Liema passi oħrajn jistgħu jittieħdu minn persuna li hi determinata li tirreżisti lill-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar? Il-Kristjani Efesin kienu jeħtieġu protezzjoni minħabba li kienu jgħixu f’belt impestata bid-demoniżmu. Għalhekk, Pawlu qalilhom: “Itolbu dejjem fl-Ispirtu.” (Efesin 6:18) Ladarba qegħdin ngħixu f’dinja impestata bid-demonji, li titlob b’mod intensiv għall-protezzjoni t’Alla huwa essenzjali f’li tirreżisti lill-ispirti mill-agħar. (Mattew 6:13) T’għajnuna f’dan ir-rigward hija l-assistenza spiritwali u t-talb t’anzjani maħturin fil-kongregazzjoni Kristjana.—Ġakbu 5:13-15.
KOMPLI BIL-ĠLIEDA TIEGĦEK KONTRA L-ISPIRTI MILL-AGĦAR
18, 19. X’jistaʼ jsir jekk id-demonji jerġgħu jinkwetaw lil xi persuna?
18 Saħansitra wara li ħadu dawn il-passi bażiċi, madankollu, xi wħud ġew imħabbtin minn spirti mill-agħar. Per eżempju, wieħed raġel fil-Côte d’Ivoire studja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah u qered l-amuleti tiegħu kollha. Minn dak in-nhar, għamel progress ġmielu, iddedika ħajtu lil Jehovah, u tgħammed. Imma ġimgħa wara l-magħmudija tiegħu, id-demonji bdew jinkwetawh mill-ġdid, u ilħna qalulu biex jabbanduna din il-fidi li kien għadu kif sab. Li kieku dan ġara lilek, kien dak ifisser li int kont tlift il-protezzjoni taʼ Jehovah? Mhux neċessarjament.
19 Għalkemm ir-raġel perfett Ġesù Kristu kellu protezzjoni divina, hu samaʼ l-leħen tal-ħlejqa spirtu mill-agħar Satana x-Xitan. Ġesù wera x’irridu nagħmlu f’każ bħal dan. Hu qal lix-Xitan: “Itlaq, Xitan!” (Mattew 4:3-10) Bl-istess mod, int għandek tirrifjuta li tagħti widen għal ilħna mid-dinja taʼ l-ispirti. Irreżisti lill-ispirti mill-agħar billi ssejjaħ lil Jehovah għall-għajnuna. Iva, itlob b’leħen għoli billi tuża l-isem t’Alla. Proverbji 18:10 jgħid: “Isem il-Mulej [Jehovah] hu torri qawwi; fih jistkenn il-ġust b’moħħu mistrieħ.” Ir-raġel Kristjan fil-Côte d’Ivoire hekk għamel, u l-ispirti mill-agħar waqfu jitturmentawh.—Salm 124:8; 145:18.
20. Fil-qosor, x’tistaʼ tagħmel int biex tirreżisti lill-ispirti mill-agħar?
20 Jehovah ħalla l-ispirti mill-agħar jibqgħu jeżistu, imma hu juri l-qawwa tiegħu, partikolarment għan-nom tan-nies tiegħu, u ismu qiegħed jiġi ddikjarat fl-art kollha. (Eżodu 9:16) Jekk int tibqaʼ qrib t’Alla, m’għandekx għalfejn tibżaʼ mill-ispirti mill-agħar. (Numri 23:21, 23; Ġakbu 4:7, 8; 2 Pietru 2:9) Il-qawwa tagħhom hija limitata. Huma ġew ikkastigati fi żmien Noè, ġew mitfugħin ’il barra mis-sema fi żminijiet riċenti, u qegħdin issa jistennew il-ġudizzju finali. (Ġuda 6; Apokalissi 12:9; 20:1-3, 7-10, 14) Fil-fatt, huma jitkexkxu mill-qerda li ġejja tagħhom. (Ġakbu 2:19) Mela kemm jekk l-ispirti mill-agħar jipprovaw jattirawk b’xi xorta taʼ lixka jew jattakkawk bi kwalunkwe mod, int tistaʼ tirreżistihom. (2 Korintin 2:11) Aħrab kull forma taʼ spiritiżmu, applika l-parir tal-Kelma t’Alla, u fittex l-approvazzjoni taʼ Jehovah. Agħmel dan mingħajr dewmien, għax ħajtek tiddependi fuq li int tirreżisti lill-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar!
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
L-ispirti mill-agħar kif jipprovaw jiżvijaw lin-nies?
Il-Bibbja għala tikkundanna l-ispiritiżmu?
Persuna kif tistaʼ teħles mill-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar?
Għala għandek tibqaʼ tirreżisti lill-ispirti mill-agħar?
[Stampa f’paġna 110]
Int kif tqisu l-ispiritiżmu fil-ħafna forom tiegħu?