LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 8/8 pp. 4-8
  • Għala Għandek Tevita L-Ispiritiżmu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Għandek Tevita L-Ispiritiżmu
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Mejtin Ħajjin?
  • Maʼ Min Qed Jitkellmu?
  • Kif Tirreżisti l-​Ispirti Ħżiena
  • L-​Ewwel Pass
  • It-​Tieni Pass
  • It-​Tielet Pass
  • Jistaʼ Jirnexxilek
  • Irreżisti l-Forzi taʼ l-Ispirti mill-Agħar
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • L-Ispirti Mill-Agħar Huma Potenti
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Aċċetta l-għajnuna taʼ Ġeħova biex tirreżisti spirti mill-agħar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Il-​Ħlejjaq Spirti—Kif Jeffettwawna
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 8/8 pp. 4-8

Għala Għandek Tevita L-​Ispiritiżmu

JEKK tgħallimt li ċerti għamliet taʼ spiritiżmu jistgħu jintużaw biex tikkuntattja spirti tajbin, għandek mnejn tibqaʼ mbellah meta ssir taf x’tgħid il-​Bibbja dwar l-​ispiritiżmu. Per eżempju din tgħid: “La tmurx għand is-​saħħara li jsejjħu l-​erwieħ u la tfittxux lil min jeħber; la tiċċappsux bihom.”—Korsiv tagħna; Levitiku 19:31; 20:6, 27.

Fil-fatt, il-​Bibbja tiddeskrivi lil min jipprattika l-​ispiritiżmu bħala “mistkerrah quddiem il-​Mulej.” (Dewteronomju 18:11, 12) Għala? Jekk niflu dak li tgħid il-​Bibbja dwar karatteristika prinċipali fl-​ispiritiżmu se nieħdu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija. Din il-​karatteristika hija l-​komunikazzjoni li jgħidu li ssir mal-​mejtin.

Il-​Mejtin Ħajjin?

Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, tgħallem li l-​bnedmin ma jistgħux jikkomunikaw mal-​maħbubin tagħhom li mietu, għalkemm ħafna nies hekk jaħsbu. Għala ma jistgħux? Sewwa, biex xi ħadd ikun jistaʼ jitkellem mal-​mejtin, allura l-​mejtin bilfors iridu jkunu ħajjin. Bilfors li jrid ikun hemm parti minnhom li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt. Xi wħud isostnu li r-​ruħ tibqaʼ ħajja meta l-​ġisem imut. Dan veru?

Il-Bibbja tgħid dwar il-​ħolqien tal-​bniedem: “L-​ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja.” (1 Korintin 15:45, korsiv tagħna.) Ma jurix dan b’mod ċar li l-​individwu nnifsu huwa ruħ u mhux li għandu ruħ immortali li tibqaʼ tgħix wara li jmut il-​ġisem? Fil-​fatt, l-​Iskrittura tgħid: “Ir-​ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, Karm Żammit) “Il-​ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-​mejtin ma jafu xejn . . . Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-​Imwiet,” jiġifieri l-​qabar tal-​bniedem.—Koħèlet 9:5, 10.

Mela skond il-​Bibbja, ir-​ruħ m’hijiex xi ħaġa li tibqaʼ ħajja wara li l-​ġisem ikun miet, li mbagħad il-​bnedmin ħajjin ikunu jistgħu jikkomunikaw magħha. Dawn huma żewġ eżempji taʼ studjużi rispettati tal-​Bibbja li waslu biex jikkonkludu li r-​ruħ tmut. It-​teologu Kanadiż Clark H. Pinnock osserva: “Dan il-​konċett [li r-​ruħ umana hija immortali] influwenza t-​teoloġija għal żmien twil ferm imma m’huwiex skond il-​Bibbja. Il-​Bibbja ma tgħallimx li l-​immortalità tar-​ruħ hija ħaġa naturali.” Bl-​istess mod, l-​istudjuż Britanniku John R. W. Stott jgħid li l-​immortalità tar-​ruħ, u għalhekk l-​idea li din ma tinqeridx, hija konċett Grieg u mhux skond il-​Bibbja.

Minkejja dan, huwa veru li hemm min jirċievi messaġġi u jismaʼ vuċijiet li qishom dawk tal-​mejtin. Allura min ikun qed jitkellem?

Maʼ Min Qed Jitkellmu?

Il-​Bibbja tgħid kif persuna spirtu li ma jidhirx uża serp biex jitkellem maʼ l-​ewwel mara, Eva, u wassalha biex tirribella kontra Alla. Il-​metodu li uża jixbah ħafna l-​mod kif ventrilokwist juża pupazz. (Ġenesi 3:1-5) Il-​Bibbja lil dan il-​persuna spirtu, jew anġlu, issejjaħlu “s-​Serp tal-​qedem li hu msejjaħ id-​Demonju u x-​Xitan, il-​qarrieq tad-​dinja kollha.” (Apokalissi 12:9) Dan il-​wieħed, Satana, irnexxielu jħajjar anġli oħrajn biex jirribellaw. (Ġuda 6) Dawn l-​anġli ħżiena jissejħu demonji u huma għedewwa t’Alla.

Il-Bibbja turi li d-​demonji għandhom il-​qawwa li jinfluwenzaw lill-​bnedmin. (Luqa 8:26-34) Mhux taʼ b’xejn, mela, li l-​Liġi t’Alla tgħid: “Ma għandu jkun hemm ħadd f’nofsok . . . min isejjaħ l-​erwieħ, min jobsor u jistħarreġ il-​mejtin. Għax mistkerrah quddiem il-​Mulej kull min jagħmel dawn il-​ħwejjeġ.” (Dewteronomju 18:10-12) X’riskji tkun qed tieħu jekk ma tagħtix kasha din il-​liġi?

L-esperjenza vera tas-​Sultan Sawl f’Iżrael tal-​qedem twiġbilna din il-​mistoqsija. Minħabba li kien qed jibżaʼ mill-​għedewwa tiegħu, is-​Sultan Sawl mar għand medjum taʼ l-​ispirti. Hu talabha biex jikkomunika mal-​profeta Samwel li kien mejjet. Meta semaʼ lill-​medjum tiddeskrivi lil raġel xiħ, Sawl assuma li kienet qed tara lil Samwel. U l-​messaġġ li rċieva Sawl x’kien? Iżrael kellu jingħata f’idejn l-​għedewwa, u Sawl u wliedu kienu se jkunu maʼ “Samwel,” jiġifieri kienu se jmutu. (1 Samwel 28:4-19) Alla kif irreaġixxa għad-​deċiżjoni li ħa Sawl biex jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-​ispirti? L-​Iskrittura tgħidilna: “Sawl miet minħabba l-​infedeltà tiegħu . . . u saħansitra mar għand min jeħber bil-​mejtin.” (1 Kronaki 10:13) Kemm kellu jpattiha qares!

Bl-istess mod illum, dawk involuti fl-​ispiritiżmu qed jissograw bil-​kbir. Il-​Bibbja twissi li dawk li jipprattikaw l-​ispiritiżmu se jieħdu “t-​tieni mewt,” jiġifieri mewt għal dejjem. (Apokalissi 21:8; 22:15) Mela, jidher ċar li l-​għażla għaqlija u li twassal għall-​ħajja hija li tevita kull għamla taʼ spiritiżmu.

Kif Tirreżisti l-​Ispirti Ħżiena

Xi ngħidu jekk diġà kellek x’taqsam maʼ l-​ispiritiżmu? Mela allura tagħmel tajjeb li issa stess tieħu passi biex tipproteġi lilek innifsek u lill-​familja tiegħek mid-​deni li jagħmlulek l-​ispirti ħżiena. Liema passi trid tieħu? Ejja nagħtu tixbieha: Wieħed kif jipproteġi d-​dar u l-​familja tiegħu mill-​ġrieden? Wara li jneħħihom minn daru, hu jneħħi kull ħaġa fid-​dar li ġġib il-​ġrieden. Ikaħħal sew ix-​xquq u jsaħħaħ il-​ħitan biex il-​ġrieden ma jkunux jistgħu jidħlu. U jekk il-​ġrieden ikomplu jidħlu, jistaʼ jitlob l-​għajnuna taʼ l-​awtoritajiet lokali biex isolvi l-​problema.

Tistaʼ tirreżisti u teħles mill-​ispirti ħżiena jekk tagħmel xi ħaġa simili. Ikkunsidra l-​eżempju tal-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu f’Efesu li qabel ma saru Kristjani kienu jipprattikaw l-​ispiritiżmu. Wara li qatgħuha li jeħilsu mill-​ispiritiżmu, għamlu tliet affarijiet biex jipproteġu ruħhom mill-​attakki taʼ l-​ispirti ħżiena. X’għamlu?

L-​Ewwel Pass

Il-​Bibbja tispjega: “Bosta minn dawk li qabel kienu jagħmlu s-​sħarijiet ġiebu l-​kotba tagħhom u ħarquhom quddiem kulħadd.” (Atti 19:19) Billi qerdu l-​kotba tagħhom fuq it-​tbassir, dawk il-​Kristjani ġodda pprovdew eżempju għal kulmin irid jirreżisti l-​ispirti ħżiena llum. Eħles minn kull oġġett li għandu x’jaqsam maʼ l-​ispiritiżmu. Dan jinkludi kull xorta taʼ kotba, rivisti, komiks, vidjos, posters, materjal minn sorsi elettroniċi u diski li jissuġġerixxu xi ħaġa spiritistika. Jinkludi wkoll l-​amuleti jew oġġetti oħra li jintlibsu għall-​“protezzjoni.”—Dewteronomju 7:25, 26; 1 Korintin 10:21.

Wara li kien ilu bosta snin mgħaddas fl-​ispiritiżmu, wieħed raġel fl-​Amerika t’Isfel ġie effettwat bil-​kbir minn dan il-​parir Skritturali. “Darba minnhom,” jiftakar hu, “qbadt l-​affarijiet spiritistiċi kollha li kelli u ġbarthom gozz quddiem id-​dar tiegħi, qbadt mannara, u għamilthom trietaq.” Imbagħad ħaraq kollox sakemm ma kien fadal xejn. Wara dan għamel ħafna progress spiritwalment u fi żmien qasir sar ministru żeluż f’waħda mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Madankollu mhux biżżejjed li tieħu l-​ewwel pass biss. Għala le? Sewwa, għalkemm kienu għaddew ftit tas-​snin minn meta dawk il-​Kristjani f’Efesu kienu qerdu l-​kotba kollha tagħhom dwar il-​maġija, l-​appostlu Pawlu xorta kiteb: ‘Il-​ġlieda tagħna hija kontra l-​ispirti ħżiena.’ (Efesin 6:12) Id-​demonji ma kinux qatgħu qalbhom. Kienu għadhom qed jipprovaw jipprofittaw ruħhom minnhom. X’riedu jagħmlu iktar dawk il-​Kristjani?

It-​Tieni Pass

Pawlu ħeġġeġ lill-​Efesin taʼ l-​ewwel seklu: “Ilbsu l-​armatura taʼ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-​tnassis tax-​Xitan.” (Efesin 6:11) Dak il-​parir għadu japplika sal-​lum. Il-​Kristjan irid isaħħaħ id-​difiżi tiegħu sabiex l-​ispirti ħżiena ma jkunu jistgħu jilħquh bl-​ebda mod. Dan jixbah ħafna lil dak l-​individwu li jsaħħaħ il-​ħitan tad-​dar tiegħu għax ikun irid jeħles mill-​ġrieden. Dan it-​tieni pass x’jinkludi?

Pawlu enfasizza: “Ħudu f’idejkom it-​tarka tal-​fidi; li biha tistgħu titfu l-​vleġeġ kollha tan-​nar tal-​ħażin.” (Efesin 6:16, korsiv tagħna.) Din it-​tarka bilfors għandek bżonnha. Iktar ma l-​fidi tiegħek tkun b’saħħitha, iktar id-​difiża tiegħek se tkun qawwija kontra l-​ispirti ħżiena.—Mattew 17:20.

Mela kif tistaʼ ssaħħaħ id-​difiżi tiegħek għall-​protezzjoni? Billi tkompli tistudja l-​Bibbja. U l-​istudju tal-​Bibbja kif għandu x’jaqsam mal-​fidi? Sewwa, il-​ħajt ħafna drabi jkun sod skond kemm ikun sod il-​pedament tiegħu. Hekk ukoll il-​fidi taʼ dak li jkun. Kemm din tkun soda jiddependi ħafna fuq kemm għandha bażi soda. X’inhi din il-​bażi?

Għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla. L-​appostlu Pawlu jispjega: “Il-​fidi, mela, tiġi mis-​smigħ, u s-​smigħ mix-​xandir tal-​kelma taʼ Kristu.” (Rumani 10:17) Int mistieden titlob lil wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah biex jistudja l-​Bibbja miegħek bla ħlas, f’ħin u f’post li huma konvenjenti għalik. Studju bħal dan se jsaħħaħlek il-​fidi. (Rumani 1:11, 12; Kolossin 2:6, 7) X’se jkun ir-​riżultat? Il-​fidi tiegħek malajr se ssir bħal sur li jipproteġik mill-​influwenzi taʼ l-​ispirti ħżiena.—Salm 91:4; 1 Ġwann 5:5.

X’inhu t-​tielet pass li kellhom jieħdu dawk il-​Kristjani f’Efesu?

It-​Tielet Pass

F’Efesu tal-​qedem dawn l-​uħud ġodda fil-​fidi kienu ħadu xi passi biex jirreżistu l-​ispirti ħżiena. Imma dawk il-​Kristjani kienu għadhom jgħixu f’belt impestata bid-​demoniżmu. Riedu iktar protezzjoni. Allura meta l-​appostlu Pawlu kiteb lil sħabu kredenti, hu qalilhom x’kellhom jagħmlu: “Itolbu dejjem fl-​Ispirtu, b’kull xorta taʼ talb u f’kull ħtieġa, ishru fih bla ma tieqfu, u itolbu għall-​ħtiġiet tal-​qaddisin kollha.”—Efesin 6:18.

Żgur li l-​fatt li titlob bil-​ħrara u kontinwament għall-​protezzjoni taʼ Jehovah kien, u għadu, pass importanti ferm biex ikollok il-​protezzjoni mill-​attakki taʼ l-​ispirti ħżiena. U kemm hu taʼ faraġ li tkun taf li Jehovah se jwieġeb is-​suppliki li tagħmel minn qalbek, billi jipproteġik, u dan jinkludi li jkollok l-​appoġġ mill-​anġli tiegħu. (Salm 34:8 [34:7, NW]; 91:2, 3, 11, 14; 145:19) Għalhekk, huwa importanti ferm li titlob lil Alla bla waqfien biex jeħilsek mill-​wieħed il-​ħażin.—Mattew 6:13; 1 Ġwann 5:18, 19.

Antônio, li qabel kien medjum taʼ l-​ispirti fil-​Brażil, sar japprezza l-​valur tat-​talb. Hu aċċetta studju tal-​Bibbja u tgħallem li Alla jismu Jehovah. Hekk kif sar jaf dan, hu beda jitlob bi ħrara kbira lil Alla Jehovah biex jgħinu jeħles mill-​ispiritiżmu. Issa meta jiftakar minn xiex għadda, hu jgħid: “It-​talb tiegħi lil Jehovah kien kenn għalija u għal ħafna oħrajn li fil-​passat kienu skjavi taʼ l-​ispirti ħżiena.”—Proverbji 18:10.

Jistaʼ Jirnexxilek

Wara li ssir taf lil Jehovah, huwa vitali li tafdah kompletament, tissottometti ruħek għall-​awtorità tiegħu, u tobdi l-​kmandamenti tiegħu. Jekk tagħmel hekk, meta ssejjaħlu għall-​għajnuna, billi tuża l-​isem persunali tiegħu, hu se jipproteġik. Antônio rċieva din il-​protezzjoni. Illum qed jaqdi bħala anzjan Kristjan f’waħda mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’São Paolo, u huwa grat ħafna li sab il-​verità li ħelsitu.—Ġwann 8:32.

Bħal Antônio u eluf t’oħrajn li qabel kienu spiritisti imma li issa qed jaqdu lil Alla Jehovah, int ukoll jistaʼ jirnexxilek teħles mill-​ispiritiżmu. Għalhekk, eħles mill-​oġġetti li għandhom x’jaqsmu maʼ l-​ispiritiżmu, saħħaħ il-​fidi tiegħek permezz taʼ studju tal-​Bibbja, u itlob lil Jehovah biex jipproteġik. Ħudhom dawn il-​passi għax ħajtek tiddependi minn dan!

[Kumment f’paġna 5]

Skond il-​Bibbja, il-​ħajjin ma jistgħux jikkomunikaw mal-​mejtin

[Stampa f’paġna 6]

1. Eħles mill-​oġġetti kollha li għandhom x’jaqsmu maʼ l-​ispiritiżmu

[Stampa f’paġna 7]

2. Kompli studja l-​Bibbja

[Stampa f’paġna 8]

3. Itlob bi ħrara kbira u taʼ sikwit

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja