L-Ispiritiżmu Għala Jinteressa Lil Ħafna Nies mad-Dinja Kollha?
L-ispiritiżmu ġie mfisser bħala “t-twemmin li parti mill-bniedem li hija spirtu tibqaʼ ħajja wara l-mewt tal-ġisem fiżiku u tistaʼ tikkomunika mal-ħajjin, ġeneralment permezz taʼ persuna li taqdi bħala mezz taʼ komunikazzjoni bejniethom.”
FIS-SENA 1998 ċertu ktieb, li kien jispjega kif wieħed jikkomunika mal-mejtin, sar popolari ħafna fl-Istati Uniti. Fil-fatt dan malajr telaʼ fl-ogħla post tal-lista taʼ l-iktar kotba li jinbiegħu li għamlet in-New York Times.
Ftit tas-snin ilu f’Moska, il-politikanti u n-negozjanti ffissaw fuq il-fenomeni soprannaturali u s-seduti fejn jiġu msejħin l-ispirti, u ħallsu flejjes kbar biex jikkonsultaw xi medjum, jew persuni li jgħidu li jikkomunikaw maʼ l-ispirti.
Fil-Brażil, jekk serje televiżiva tkun tittratta dwar l-ispiritiżmu din tiġbed għadd kbir taʼ telespettaturi.
Għal ħafna nies li jgħixu fl-Afrika jew fl-Asja, li jipprattikaw l-ispiritiżmu hu komuni daqskemm hu komuni li jpartu oġġett m’ieħor fis-suq.
Għala Ħafna Nies Ifittxu l-Ispiritiżmu
Ħafna nies ifittxu l-ispiritiżmu biex jiksbu faraġ wara li jkun mitilhom xi ħadd maħbub. Permezz taʼ xi medjum taʼ l-ispirti huma jistgħu jirċievu informazzjoni speċjali li tkun qisha ġejja mill-mejjet. Ir-riżultat taʼ spiss huwa li dawn l-uħud imnikktin jikkonvinċu ruħhom li l-maħbubin mejtin tagħhom huma ħajjin. Jaħsbu wkoll li l-fatt li jikkomunikaw mal-mejtin se jgħinhom ikampaw mat-telfa.
Oħrajn jiġu mħajrin għall-ispiritiżmu għax ikun intqalilhom li l-ispirti se jgħinuhom isibu l-kura għall-mard, jeħilsu mill-faqar, ikollhom suċċess fl-imħabba romantika, isolvu problemi fiż-żwieġ, jew isibu xogħol. U ħafna oħrajn ifittxu l-ispiritiżmu sempliċement għall-kurżità.
Iżda, hemm raġuni oħra għala miljuni taʼ nies fittxew l-ispiritiżmu. Dawn tgħallmu li l-ispiritiżmu hu bħalma jiddeskrivih ċertu espert f’dan il-qasam, “reliġjon supplimentarja” li teżisti “flimkien mal-Kristjanità.” Is-sitwazzjoni reliġjuża fil-Brażil hija eżempju klassiku taʼ dan.
Il-Brażil għandu l-akbar popolazzjoni fid-dinja taʼ Kattoliċi Rumani. Imma bħalma qal l-awtur Sol Biderman, miljuni taʼ fidili jixegħlu x-xemaʼ sew fil-knisja Kattolika u sew f’ċentri spiritistiċi, bla ma jħossu li qed jagħmlu xi ħaġa ħażina. Fil-fatt, ir-rivista Veja rrapportat li 80 fil-mija taʼ dawk li huma membri taʼ xi ċentri spiritistiċi fil-Brażil huma Kattoliċi mgħammdin li jmorru l-quddies ukoll. Iżjed minn hekk, fost dawk li jieħdu sehem f’laqgħat spiritistiċi hemm saħansitra xi qassisin. Għalhekk wieħed jistaʼ jifhem għala ħafna li għandhom dan it-twemmin jaħsbu li Alla japprovah il-fatt li huma jikkomunikaw maʼ l-ispirti għall-faraġ u l-gwida. Imma hekk hu?
[Kaxxa/Stampi f’paġna 3]
Diversi Għamliet taʼ Spiritiżmu
Wieħed jistaʼ jipprattika l-ispiritiżmu billi jikkonsulta xi medjum taʼ l-ispirti, isejjaħ lill-mejtin, jew billi jfittex sinjali dwar il-ġejjieni. It-tbassir huwa għamla popolari ħafna taʼ l-ispiritiżmu. Dan hu meta wieħed jipprova jkun jaf il-ġejjieni jew dak li hu mistur bl-għajnuna taʼ l-ispirti. Xi għamliet taʼ tbassir huma l-astroloġija, l-iċċassar fil-boċċa tal-kristall, it-tifsir tal-ħolm, il-qari taʼ l-idejn, u l-qari tax-xorti permezz tal-karti tat-tarot.