Kapitlu 33
Iwettaq il-Profezija taʼ Isaija
WARA li Ġesù jsir jaf li l-Fariżej u l-partitarji taʼ Erodi qed jippjanaw biex joqtluh, hu u d-dixxipli tiegħu jirtiraw lejn il-Baħar tal-Galilija. Hawnhekk folol kbar mill-Palestina kollha, u saħansitra minn barra l-fruntieri tagħha, jiġu għandu. Hu jfejjaq lil ħafna, bir-riżultat li dawk kollha b’mardiet koroh jagħfsu ’l quddiem biex imissuh.
Peress li l-folol huma daqshekk kbar, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex iżommu dgħajsa l-ħin kollu għad-dispożizzjoni tiegħu. Billi jiġbed ’il barra mix-xtajta, huwa jżomm lill-folol milli jagħfsu għal fuqu. Hu jistaʼ jgħallimhom minn fuq id-dgħajsa jew jivvjaġġa lejn post ieħor matul ix-xtajta biex igħin lin-nies hemm.
Id-dixxiplu Mattew jinnota li l-attività taʼ Ġesù twettaq “dak li ġie mitkellem permezz taʼ Isaija l-profeta.” Imbagħad Mattew jikkwota l-profezija li wettaq Ġesù:
“Ħares! Il-qaddej tiegħi li lilu jien għażilt, il-maħbub tiegħi, li lilu ruħi approvat! Jien se nqiegħed l-ispirtu tiegħi fuqu, u x’inhi l-ġustizzja se jagħmlu ċar lill-ġnus. Mhux se jitħaqqaq, lanqas igħajjat b’leħen għoli, u lanqas xi ħadd ma se jismaʼ leħnu fil-mogħdijiet wisgħin. L-ebda qasba mbenġla ma se jgħaffeġ, u l-ebda musbieħ inemnem ma se jitfi, sakemm jibgħat ’il barra l-ġustizzja b’suċċess. Tabilħaqq, f’ismu ġnus se jittamaw.”
Ġesù, m’għandniex xi ngħidu, huwa l-qaddej maħbub li lilu Alla japprova. U Ġesù jagħmel ċar x’inhi l-ġustizzja vera, li qed tiġi mċajpra bi tradizzjonijiet reliġjużi foloz. Minħabba l-applikazzjoni inġusta tagħhom tal-liġi t’Alla, il-Fariżej lanqas biss lesti li jgħinu lil raġel marid f’jum is-Sibt! Waqt li juri ċar il-ġustizzja t’Alla, Ġesù jserraħ lin-nies mill-piż tat-tradizzjonijiet inġusti, u minħabba f’dan, il-mexxejja reliġjużi jippruvaw joqtluh.
X’ifisser li ‘mhux se jitħaqqaq, lanqas igħajjat b’leħen għoli biex jinstemaʼ fil-mogħdijiet wisgħin’? Meta jfejjaq lin-nies, Ġesù ‘jordnalhom strettament biex ma jagħmluhx magħruf.’ Hu ma jridx li jkollu reklamar storbjuż tiegħu nnifsu fit-toroq jew li jkollu rapporti żballjati mgħoddija b’eċċitament minn fomm għal fomm.
Ukoll, Ġesù jwassal il-messaġġ taʼ faraġ tiegħu lil nies li b’mod figurattiv huma bħal qasba mbenġla, milwija u mgħaffġa taħt is-saqajn. Huma bħal ftila tnemnem, li waslet biex tintefa. Ġesù ma jgħaffiġx il-qasba mbenġla jew jitfi xemgħa tnemnem. Imma bil-ħlewwa u bl-imħabba, hu b’sengħa jagħti r-ruħ lill-ġwejdin. Tabilħaqq, Ġesù huwa l-wieħed li fih il-ġnus jistgħu jittamaw! Mattew 12:15-21; Mark 3:7-12; Isaija 42:1-4.
▪ Ġesù kif jagħmilha ċara l-ġustizzja, bla ma jħaqqaqha jew igħolli leħnu fil-mogħdijiet wisgħin?
▪ Min huma bħal qasba mbenġla jew xemgħa tnemnem, u Ġesù kif jittrattahom?