Kapitlu 85
Ifittex lill-Mitlufin
ĠESÙ huwa ħerqan biex ifittex u jsib lil dawk li se jaqdu lil Alla b’mod umli. Mela hu joħroġ ifittex u jitkellem maʼ kulħadd dwar is-Saltna, inklużi nies li huma magħrufin li huma midinbin. Nies bħal dawn issa jersqu qrib biex jisimgħuh.
Meta jaraw dan, il-Fariżej u l-iskribi jikkritikaw lil Ġesù talli jagħmilha maʼ nies li huma jqisuhom bħala li ma jistħoqqilhomx rispett. Huma jgergru: “Dan ir-raġel jilqaʼ lill-midinbin u jiekol magħhom.” Kemm iwaqqgħalhom ġiehhom ’l isfel ferm dak! Il-Fariżej u l-iskribi jittrattaw lin-nies komuni bħal ħmieġ taħt saqajhom. Fil-fatt, huma jużaw l-espressjoni Ebrajka ‛am ha·’aʹrets, “nies tal-pajjiż [tal-art],” biex juru l-istmerrija li għandhom lejn uħud bħal dawn.
Mill-banda l-oħra, Ġesù jittratta lil kulħadd b’dinjità, qalb tajba, u mogħdrija. Bħala riżultat, ħafna minn dawn l-umlin, inklużi nies li huma magħrufin sewwa għal li jipprattikaw il-ħażen, huma ħerqanin biex jisimgħuh. Imma x’ingħidu dwar il-kritika mill-Fariżej lil Ġesù talli jagħmilha maʼ dawk li huma jqisuhom bħala li ma jistħoqqilhomx rispett?
Ġesù jwieġeb għall-oġġezzjoni tagħhom billi juża tixbieha. Hu jitkellem favur l-opinjoni tal-Fariżej stess, bħal li kieku huma twajbin u huma salvi fil-maqjel t’Alla, waqt li l-‛am ha·’aʹrets mistmerra ħarġu minn ġol-maqjel u huma mitlufin. Ismaʼ hu u jistaqsi:
“Liema raġel minnkom b’mitt nagħġa, malli jitlef waħda minnhom, mhux se jħalli warajh lid-disgħa u disgħin fix-xagħri u jmur għall-waħda mitlufa sakemm isibha? U meta jkun sabha hu jpoġġiha fuq spallejh u jifraħ. U meta jasal id-dar isejjaħ lill-ħbieb tiegħu u lill-ġirien tiegħu flimkien, igħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għaliex sibt in-nagħġa tiegħi li kienet mitlufa.’”
Ġesù mbagħad igħid kif l-istorja tiegħu tapplika, billi jispjega: “Ngħidilkom li b’hekk se jkun hemm iktar ferħ fis-sema minħabba midneb wieħed li jindem milli minħabba disgħa u disgħin uħud twajbin li m’għandhomx għalfejn jindmu.”
Il-Fariżej iqisu lilhom infushom bħala li huma twajbin u b’hekk li m’għandhomx għalfejn jindmu. Meta xi wħud minnhom ikkritikaw lil Ġesù xi sentejn qabel talli kiel maʼ dawk li jiġbru t-taxxi u mal-midinbin, hu qalilhom: “Jien ġejt insejjaħ, mhux lil nies twajbin, imma lil midinbin.” Il-Fariżej, li jqisu lilhom infushom bħala li huma twajbin u li jonqsu li jaraw li għandhom bżonn jindmu, ma jġibux ferħ fis-sema. Imma midinbin li verament jindmu jġibu ferħ.
Biex isaħħaħ doppjament il-punt taʼ li l-indiema taʼ midinbin mitlufa tikkaġuna ferħ kbir, Ġesù jirrakkonta tixbieha oħra. Hu jgħid: “Liema mara b’għaxar muniti taʼ drakma, jekk titlef munita waħda taʼ drakma, ma tixgħelx lampa u tiknes id-dar tagħha u tfittex bir-reqqa sa ma ssibha? U meta tkun sabitha hi ssejjaħ lin-nisa li huma ħbieb tagħha u lill-ġirien flimkien, tgħid, ‘Ifirħu miegħi, għaliex sibt il-munita taʼ drakma li jien tlift.’”
Ġesù mbagħad jagħti applikazzjoni simili. Hu jissokta jgħid: “B’hekk, ingħidilkom, ferħ iqum fost l-anġli t’Alla minħabba midneb wieħed li jindem.”
Kemm hi ħaġa tal-għaġeb din il-ħaġa li l-anġli t’Alla jifirħu bl-imħabba minħabba l-indiema taʼ midinbin mitlufin! Dan hu speċjalment hekk ladarba dawn l-‛am ha·’aʹrets, li darba kienu baxxi u mistmerra, eventwalment jidħlu fil-linja għal sħubija fis-Saltna tas-sema t’Alla. Bħala riżultat, huma jiksbu pożizzjoni fis-sema ogħla minn dik tal-anġli nfushom! Imma minflok ma jħossuhom għajjurin jew insultati, l-anġli b’mod umli japprezzaw li dawn il-bnedmin midinbin iffaċċjaw u għelbu sitwazzjonijiet fil-ħajja li se jħarrġuhom biex jaqdu bħala slaten u qassisin tas-sema, li juru simpatija u kollhom ħniena. Luqa 15:1-10; Mattew 9:13; 1 Korintin 6:2, 3; Rivelazzjoni 20:6.
▪ Ġesù għala jassoċja maʼ midinbin magħrufin, u jaqlaʼ liema kritika mingħand il-Fariżej?
▪ Il-Fariżej kif iħarsu lejn in-nies komuni?
▪ Ġesù juża liema tixbihat, u x’nistgħu nitgħallmu minnhom?
▪ Il-ferħ tal-anġli għala huwa tal-għaġeb?