Kapitlu 101
F’Betanja, fid-Dar taʼ Xmun
META Ġesù jitlaq minn Ġeriko, hu jerħilha lejn Betanja. Il-vjaġġ jieħu l-parti l-kbira tal-jum, ladarba hija telgħa taʼ xi 12-il mil minn fuq art imħarbta. Ġeriko qiegħda madwar 820 pied taħt il-livell tal-baħar, u Betanja qiegħda xi 2,500 pied ’il fuq mil-livell tal-baħar. Betanja, tistaʼ tiftakar, hija d-dar taʼ Lażżru u taʼ ħutu bniet. Ir-raħal żgħir qiegħed madwar żewġ mili minn Ġerusalemm, billi qiegħed fuq in-niżla tal-Lvant tal-Muntanja taż-Żebbuġ.
Diġà waslu ħafna nies f’Ġerusalemm għall-festa tal-Qbiż. Huma ġew kmieni biex inaddfu lilhom infushom ċerimonjalment. Forsi huma missew xi ġisem mejjet jew għamlu xi ħaġa oħra li tagħmilhom mhux nodfa. Mela huma jsegwu l-proċeduri biex inaddfu lilhom infushom sabiex jiċċelebraw il-festa tal-Qbiż b’mod aċċettabbli. Hekk kif dawn li jaslu kmieni jinġabru fit-tempju, ħafna jispekulaw dwar jekk Ġesù hux se jiġi għall-festa tal-Qbiż.
Ġerusalemm hija post fejn hemm kontroversja taħraq dwar Ġesù. Kulħadd jaf li l-mexxejja reliġjuzi jridu jaħtfuh biex joqtluh. Fil-fatt, huma taw ordnijiet li jekk xi ħadd isir jaf fejn qiegħed, irid jirrapportah lilhom. Tliet darbiet f’dawn l-aħħar xhur—fil-Festa tal-Egħrejjex, fil-Festa tad-Dedikazzjoni, u wara li rxoxta lil Lażżru—dawn il-mexxejja ppruvaw joqtluh. Mela, jibdew jaħsbu n-nies, sejjer Ġesù jidher fil-pubbliku jerġaʼ għal darb’oħra? “X’inhi l-opinjoni tiegħek?” huma jistaqsu lil xulxin.
Sadanittant, Ġesù jasal f’Betanja sitt ijiem qabel il-festa tal-Qbiż, li ssir nhar il-14 taʼ Nisan skond il-kalendarju Lhudi. Ġesù jasal f’Betanja f’xi ħin il-Ġimgħa fil-għaxija, li hu fil-bidu tat-8 taʼ Nisan. Hu ma setax għamel il-vjaġġ lejn Betanja s-Sibt għaliex li wieħed jivvjaġġa f’jum is-Sibt—minn inżul ix-xemx tal-Ġimgħa sa nżul ix-xemx tas-Sibt—ma kienx permess mil-liġi Lhudija. Ġesù x’aktarx li jmur fid-dar taʼ Lażżru, kif għamel qabel, u jqattaʼ l-Ġimgħa bil-lejl hemmhekk.
Madankollu, resident ieħor tal-Betanja jistieden lil Ġesù u lil sħabu għal ikla s-Sibt fil-għaxija. Ir-raġel huwa Xmun, li qabel kien imġiddem, u li forsi kien ġie mfejjaq iktar kmieni minn Ġesù. Fi qbil mal-karattru ħabrieki tagħha, Marta qed timministra lill-mistednin. Imma, b’mod tipiku, Marija qed tagħti l-attenzjoni tagħha lil Ġesù, din id-darba b’tali mod li jqajjem kontroversja.
Marija tiftaħ kaxxa tal-alabastru, jew flixkun żgħir, li jesaʼ madwar libbra taʼ żejt tal-fwieħa, “nard ġenwin.” Dan hu prezzjuż ferm. Tabilħaqq, il-valur tiegħu huwa ekwivalenti għal madwar paga taʼ sena! Meta Marija ssawwab iż-żejt fuq ras Ġesù u fuq saqajh u tixxotta saqajh b’xagħarha, il-fwieħa aromatika timla d-dar kollha.
Id-dixxipli huma rrabjati u jistaqsu: “Għala din il-ħela?” Imbagħad Ġuda l-Iskarjota jgħid: “Dan iż-żejt imfewwaħ għala ma ġiex mibjugħ għal tliet mitt dinier u mogħti lin-nies foqra?” Imma Ġuda mhux tassew ikkonċernat dwar il-foqra, għax hu kien qed jisraq mill-kaxxa tal-flus miżmuma mid-dixxipli.
Ġesù jiddefendi lil Marija. “Ħalluha,” hu jikkmanda. “Għala tippruvaw taqilgħulha l-inkwiet? Hi għamlet egħmil mill-aħjar miegħi. Għax intom dejjem għandkom il-foqra magħkom, u kulmeta tridu intom dejjem tistgħu tagħmlulhom il-ġid, imma m’għandkomx lili dejjem. Hi għamlet dak li setgħet; ħadet ħsieb minn qabel biex tpoġġi żejt imfewwaħ fuq il-ġisem minħabba fid-difna. Verament ingħidilkom, Kulfejn l-aħbar tajba tiġi ppridkata fid-dinja kollha, dak li għamlet din il-mara se jintqal ukoll bħala tfakkira tagħha.”
Ġesù ilu f’Betanja issa iktar minn 24 siegħa, u l-kelma dwar il-preżenza tiegħu nfirxet maʼ kullimkien. Għalhekk, ħafna jiġu fid-dar taʼ Xmun biex jaraw lil Ġesù, imma huma jiġu wkoll biex jaraw lil Lażżru, li huwa wkoll preżenti. Mela l-qassisin ewlenin jiddeċiedu li joqtlu mhux biss lil Ġesù imma wkoll lil Lażżru. Dan hu għaliex ħafna nies qed ipoġġu fidi f’Ġesù minħabba li jaraw ħaj lil dak li lilu hu qajjem mill-imwiet! Verament, kemm huma mill-agħar dawn il-mexxejja reliġjużi! Ġwann 11:55–12:11; Mattew 26:6-13; Mark 14:3-9; Atti 1:12.
▪ X’diskussjoni qed issir fit-tempju f’Ġerusalemm, u għala?
▪ Ġesù għala bil-fors li wasal f’Betanja l-Ġimgħa u mhux is-Sibt?
▪ Meta Ġesù jasal f’Betanja, fejn x’aktarx li jqattaʼ jum is-Sibt?
▪ Liema att taʼ Marija jqajjem kontroversja, u Ġesù kif jiddefendiha?
▪ Liema ħaġa turi kemm huma mill-agħar il-qassisin ewlenin?