Kapitlu 121
Quddiem is-Sinedriju, Imbagħad għand Pilatu
IL-LEJL riesaq lejn it-tmiem. Pietru ċaħad lil Ġesù għat-tielet darba, u l-membri tas-Sinedriju temmew it-taparsi ġuri tagħhom u xterdu. Madankollu, malli jisbaħ il-jum tal-Ġimgħa fil-għodu, huma jerġgħu jiltaqgħu, din id-darba fis-sala tagħhom tas-Sinedriju. L-iskop tagħhom x’aktarx hu li jagħtu xi dehra taʼ legalità lill-ġuri taʼ bil-lejl. Meta Ġesù jinġieb quddiemhom, huma jgħidu, bħalma qalu matul il-lejl: “Jekk int il-Kristu, għidilna.”
“Saħansitra kieku għedtilkom, ma kontux temmnuh dan,” iwieġeb Ġesù. “Barra minn hekk, kieku staqsejtkom, ma kontux twieġbu.” Madankollu, Ġesù bil-kuraġġ jipponta lejn l-identità tiegħu, billi jgħid: “Minn issa ’l quddiem Bin il-bniedem se jkun bil-qiegħda fuq l-id il-leminija u qawwija t’Alla.”
“Inti, għalhekk, l-Iben t’Alla?” ilkoll kemm huma jridu jkunu jafu.
“Intom infuskom qed tgħidu li jien,” iwieġeb Ġesù.
Għal dawn l-irġiel li għandhom f’moħħhom li joqtluh, din it-tweġiba hi biżżejjed. Huma jqisuha bħala dagħwa. “Għala għandna bżonn iktar xiehda?” jistaqsu huma. “Għax aħna nfusna smajna dan minn fommu stess.” Mela huma jorbtu lil Ġesù, jeħduh lil hemm, u jagħtuh f’idejn il-gvernatur Ruman Ponzju Pilatu.
Ġuda, it-traditur taʼ Ġesù, qed josserva x’inhu jsir. Meta jara li Ġesù ġie kkundannat, hu jħoss rimors. Mela hu jmur għand il-qassisin ewlenin u l-irġiel ixjeħ biex jagħti lura t-30 biċċa tal-fidda, billi jispjega: “Jiena dnibt meta ttradejt demm twajjeb.”
“X’għandna x’naqsmu? Int trid tarah dan!” huma jwieġbu bla qalb. Mela Ġuda jixħet il-biċċiet tal-fidda ġewwa t-tempju u jitlaq ’il hemm u jipprova jitgħallaq. Madankollu, il-fergħa li magħha Ġuda jorbot il-ħabel mid-dehra tinqasam, u l-ġisem tiegħu jaqaʼ ’l isfel għal fuq il-blat, fejn jinfetaħ fi tnejn.
Il-qassisin ewlenin ma jafux x’se jagħmlu bil-biċċiet tal-fidda. “Ma hux skond il-liġi li nitfgħuhom fit-teżor sagru,” huma jikkonkludu, “għaliex huma prezz id-demm.” Mela, wara li jikkonsultaw flimkien, huma jixtru bil-flus il-għalqa tal-fuħħari biex jidfnu lill-barranin. Il-għalqa b’hekk issir tissejjaħ “Għalqa tad-Demm.”
Għadu kmieni fil-għodu meta Ġesù jittieħed lejn il-palazz tal-gvernatur. Imma l-Lhud li ġew miegħu jirrifjutaw li jidħlu għaliex jemmnu li intimità bħal din mal-Ġentili se tniġġishom. Mela biex jakkomodahom, Pilatu joħroġ hu. “Liema akkuża ġġibu kontra dan ir-raġel?” hu jistaqsi.
“Kieku dan ir-raġel ma kienx wieħed li jagħmel il-ħażen, kieku ma konniex inġibuh u nagħtuh f’idejk,” iwieġbu huma.
Billi jixtieq li ma jindaħalx fil-kwistjoni, Pilatu jwieġeb: “Ħuduh intom infuskom u ġġudikawh skond il-liġi tagħkom.”
Billi jirrivelaw il-ħsieb qattiel tagħhom, il-Lhud isostnu: “Skond il-liġi aħna ma nistgħu noqtlu lil ħadd.” Tabilħaqq, jekk joqtlu lil Ġesù waqt il-Festa tal-Qbiż, x’aktarx li dan jikkaġuna rewwixta mill-poplu, ladarba ħafna għandhom opinjoni tajba ħafna taʼ Ġesù. Imma jekk jistgħu jġiegħlu lir-Rumani joqtluh fuq akkuża politika, dan se jeħlishom mir-responsabbiltà quddiem in-nies.
Mela l-mexxejja reliġjużi, billi ma jsemmux il-ġuri taʼ qabel tagħhom li matulu huma kkundannaw lil Ġesù għad-dagħa, issa jivvintaw akkużi differenti. Huma jagħmlu l-akkuża maqsuma fi tliet partijiet: “Lil dan ir-raġel sibnieh [1] jaqleb lill-ġens tagħna u [2] jipprojbixxi l-ħlas taʼ taxxi lil Ċesri u [3] jgħid li hu nnifsu hu Kristu sultan.”
Hija l-akkuża li Ġesù jsostni li hu sultan li tikkonċerna lil Pilatu. Hu, għalhekk, jerġaʼ jidħol fil-palazz, isejjaħ lil Ġesù għandu, u jistaqsi: “Inti s-sultan tal-Lhud?” Fi kliem ieħor, ksirt int il-liġi billi ddikjarajt li inti sultan f’oppożizzjoni lejn Ċesri?
Ġesù jrid ikun jaf kemm Pilatu diġà semaʼ dwaru, u għalhekk jistaqsi: “Huwa minn żniedek li tgħidu dan, jew qalulek oħrajn dwari?”
Pilatu jistqarr li ma jaf xejn dwaru u jixtieq li jsir jaf il-fatti. “Jien m’inix Lhudi, hux hekk?” hu jwieġeb. “Ġensek stess u l-qassisin ewlenin tawk f’idejja. X’għamilt int?”
Ġesù bl-ebda mod ma jipprova jaħrab mill-kwistjoni, li hi dik dwar stat taʼ sultan. It-tweġiba li Ġesù jagħti issa bla dubju tissorprendi lil Pilatu. Luqa 22:66–23:3; Mattew 27:1-11; Mark 15:1; Ġwann 18:28-35; Atti 1:16-20.
▪ Is-Sinedriju għal liema skop jerġaʼ jiltaqaʼ fil-għodu?
▪ Ġuda kif imut, u x’isir mit-30 biċċa tal-fidda?
▪ Minflok ma joqtluh huma stess, il-Lhud għala jridu lir-Rumani joqtlu lil Ġesù?
▪ Il-Lhud liema akkużi jġibu kontra Ġesù?